Id-Drawwiet tal-Milied—Huma Kristjani?
Wasal l-istaġun tal-Milied. X’ifisser għalik, għall-familja tiegħek, u għal sħabek? Huwa okkażjoni spiritwali, jew huwa biss perijodu taʼ festi u xalar? Huwa żmien li jġagħlek tirrifletti fuq it-twelid taʼ Ġesù Kristu jew iġagħlek ma tagħtix kas il-prinċipji Kristjani?
Aħna u nikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet, żomm f’moħħok li t-tradizzjonijiet tal-Milied jistgħu jvarjaw skond fejn tgħix. Per eżempju, fil-Messiku u f’pajjiżi oħrajn taʼ l-Amerika Latina, saħansitra l-isem huwa differenti. Enċiklopedija waħda turi li l-isem Ingliż Christmas ġej minn Christes Masse bl-Ingliż medjevali, li tfisser il-Quddiesa taʼ Kristu. Madankollu, La Navidad, jew in-Natività, bħalma tissejjaħ f’dawn il-pajjiżi taʼ l-Amerika Latina, tirreferi għan-natività, jew it-twelid, taʼ Kristu. Ieqaf ftit u kkunsidra xi drawwiet li għandhom il-Messikani. Dan jistaʼ jgħinek biex tifforma l-opinjoni tiegħek stess dwar dan l-istaġun taʼ btajjel.
Il-Posadas, “it-Tliet Slaten Maġi,” u n-Nacimiento
Il-festivitajiet jibdew fis-16 taʼ Diċembru bil-posadas. Il-ktieb Mexico’s Feasts of Life jikkummenta: “Huwa żmien il-posadas, disat ijiem maġiċi li jwasslu għal Lejliet il-Milied. Dawn il-jiem ifakkru l-ġiri ’l hawn u ’l hinn li Ġużeppi u Marija għamlu waħedhom fil-belt taʼ Betlehem u l-mument meta sa fl-aħħar sabu min iħenn għalihom u jipprovdilhom kenn. Kull fil-għaxija, il-familji u l-ħbieb jinġabru flimkien biex jirreċtaw mill-ġdid il-jiem taʼ qabel it-twelid taʼ Kristu.”
Bħala tradizzjoni, grupp taʼ nies imorru f’xi dar iġorru x-xbihat taʼ Marija u Ġużeppi, u jitolbu l-kenn, jew posada, billi jkantaw. Min-naħa tagħhom, l-inkwilini jkantaw bi tweġiba sakemm il-viżitaturi fl-aħħar jitħallew jidħlu fid-dar. Imbagħad jibda festin, fejn xi wħud—b’għajnejhom mgħottijin u bi stikka f’idhom—jipprovaw wara xulxin ikissru l-piñata, borma kbira tal-fuħħar li tkun imżejna u mdendla b’ħabel. Ladarba titkisser, dak li jkun fiha (konfettura, frott, u affarijiet simili) jinġabar miċ-ċelebranti. Dan jiġi segwit b’ikel, xorb, mużika, u żfin. Mis-16 sat-23 taʼ Diċembru jinżammu tmien festini posada. Fl-24 tax-xahar, jiġi ċelebrat in-Nochebuena (Lejliet il-Milied), u l-familji jagħmlu kull sforz biex ikunu flimkien għal pranzu speċjali.
Fi żmien qasir jasal l-Ewwel tas-Sena li jiġi ċelebrat b’festini storbjużi ferm. Fil-lejla tal-5 taʼ Jannar, it-Tres Reyes Magos (“tliet slaten maġi”) ikunu mistennijin li jġibu l-ġugarelli lit-tfal. Il-quċċata tkun festin nhar is-6 taʼ Jannar, meta tiġi servuta r-rosca de Reyes (qagħqa). Waqt li jkunu qed jieklu din il-qagħqa, xi ħadd se jsib pupu ċkejken fil-biċċa tiegħu li jirrappreżenta lil Ġesù tarbija. Min isib il-pupu jkun obbligat li jorganizza l-aħħar festin nhar it-2 taʼ Frar u jistieden lil oħrajn. (F’xi postijiet jinstabu tliet pupi ċkejknin, li jirrappreżentaw lit-“tliet slaten maġi.”) Bħalma tistaʼ tara, il-festini f’konnessjoni mal-Milied ma jispiċċaw qatt.
Matul dan il-perijodu, in-nacimiento (xena tan-Natività) jkun prominenti ġmielu. X’hemm involut f’dan? Sewwa, fil-postijiet
pubbliċi kif ukoll fil-knejjes u fid-djar, jitħejjew xeni b’figuri (kbar jew żgħar) magħmulin miċ-ċeramika, mill-injam, jew mit-tafal. Dawn jirrappreżentaw lil Ġużeppi u Marija għarkobbtejhom quddiem maxtura li ġo fiha hemm tarbija li għadha kif twieldet. Spiss ikun hemm xi rgħajja u Los Reyes Magos (“is-slaten maġi”). Dawn kollha jitqegħdu fi stalla, forsi maʼ xi annimali biex ix-xena tkun waħda kompluta. Madankollu, il-figura ċentrali tkun dik taʼ tarbija li għadha kif twieldet, li bl-Ispanjol isejħulha el Niño Dios (it-Tarbija Alla, jew il-Bambin). Din il-figura prinċipali tistaʼ titpoġġa hemmhekk f’Lejliet il-Milied.Ħarsa Iktar mill-Qrib Lejn it-Tradizzjonijiet tan-Natività
The Encyclopedia Americana tgħid hekk dwar il-mod kif in-nies in ġenerali jiċċelebraw il-Milied madwar id-dinja: “Il-biċċa l-kbira tad-drawwiet li issa huma assoċjati mal-Milied ma kinux oriġinalment drawwiet tal-Milied. Kienu drawwiet taʼ qabel l-era Kristjana u li għalkemm ma kinux Kristjani xorta waħda ġew adottati mill-knisja Kristjana. Is-Saturnalja, festa Rumana ċelebrata f’nofs Diċembru, ipprovdiet il-mudell għal ħafna mid-drawwiet taʼ xalar tal-Milied. Per eżempju, minn din iċ-ċelebrazzjoni ġejjin il-festi elaborati, l-għoti tar-rigali, u l-użu tax-xamaʼ mixgħula.”
Fl-Amerika Latina, minbarra dawn id-drawwiet bażiċi tan-Natività għandhom mnejn jiġu prattikati drawwiet oħrajn. ‘Minn liema sors,’ forsi tistaqsi. Ngħiduha kif inhi, ħafna li jixtiequ jimxu mal-Bibbja jirrikonoxxu li xi drawwiet m’huma xejn ħlief riti Azteki. El Universal, gazzetta fil-Belt tal-Messiku, ikkummentat: “Il-patrijiet minn ordnijiet differenti ħadu vantaġġ mill-fatt li l-festivitajiet tal-kalendarju ritwali Indjan kienu jaħbtu fl-istess żmien mal-kalendarju liturġiku Kattoliku, u dan użawh biex jappoġġaw ix-xogħol missjunarju tagħhom bħala evanġelizzaturi. Minflok il-festi biex ifakkru d-divinitajiet taʼ qabel l-era Ispanika huma għamlu l-festivitajiet lil divinitajiet Kristjani, mal-festivitajiet Indjani introduċew
ukoll festivitajiet u attivitajiet Ewropej, u dan irriżulta f’taħlita kulturali taʼ twemmin differenti li minnha żviluppaw użanzi Messikani awtentiċi.”The Encyclopedia Americana tispjega: “Ir-reċti tan-natività ma damux ma saru parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Milied . . . Ir-rappreżentazzjoni fil-knisja tax-xena tan-Natività [ix-xena tal-maxtura] jingħad li nbdiet minn San Franġisk.” Dawn ir-reċti li kienu jirrappreżentaw it-twelid taʼ Kristu kienu jsiru fil-knejjes matul il-perijodu li fih il-Messiku beda jsir kolonja. Kienu organizzati minn patrijiet Franġiskani sabiex jgħallmu lill-Indjani dwar in-Natività. Iktar tard il-posadas saru iktar popolari. Kienet x’kienet l-intenzjoni oriġinali fil-bidu, il-mod kif isiru l-posadas illum jitkellem għalih innifsu. Jekk tinzerta li tkun fil-Messiku f’dan l-istaġun, tkun tistaʼ tara jew tifhem dak li kittieb għal El Universal enfasizza fil-kumment tiegħu: “Il-posadas, li suppost kellhom ifakkruna fil-pellegrinaġġ tal-ġenituri taʼ Ġesù huma u jfittxu kenn fejn setgħet titwieled it-Tarbija Alla, illum huma biss jiem taʼ sokor, eċċessi, ikel żejjed, vanitajiet, u iktar u iktar kriminalità.”
L-idea tan-nacimiento feġġet matul żminijiet Kolonjali mir-rappreżentazzjonijiet ħajjin u oriġinali li kienu jsiru fil-knejjes. Għalkemm din l-idea tolqothom ħafna lil xi wħud, tirrappreżenta hi b’mod korrett dak li tgħid il-Bibbja? Din hi mistoqsija valida. Meta l-hekk imsejħin tliet slaten maġi, li fil-fatt kienu astroloġi, waslu fil-post, Ġesù u l-familja tiegħu ma kinux għadhom jgħixu fi stalla. Kien għadda ż-żmien, u l-familja kienet qed tgħix f’dar. Se ssibu interessanti li tinnota dan id-dettall fir-rakkont ispirat taʼ Mattew 2:1, 11. Tistaʼ tinnota wkoll li l-Bibbja ma tgħidx kemm kien hemm maġi. a
Fl-Amerika Latina, it-tliet slaten maġi jieħdu post l-idea taʼ Santa Klaws. Xorta waħda, bħalma jsir f’pajjiżi oħrajn, ħafna ġenituri jaħbu l-ġugarelli fid-dar. Imbagħad malli jisbaħ is- 6 taʼ Jannar, it-tfal ifittxuhom, bħallikieku jkunu ġabuhom it-tliet slaten maġi. F’dan iż-żmien dawk li jbigħu l-ġugarelli jagħmlu profitti kbar, u xi wħud saru sinjuruni minn fuq dik li ħafna nies taʼ qalb onesta jagħrfu li hi biss fantasija. Il-ħrafa tat-tliet slaten maġi ma tantx għadha titwemmen, saħansitra minn tfal ċkejknin. Għalkemm xi wħud ma jiħdux pjaċir li inqas u inqas nies qed jemmnu din il-ħrafa, x’jistaʼ jistenna dak li jkun minn fantasija li għadha tinżamm biss minħabba t-tradizzjoni u għall-konvenjenza kummerċjali?
Il-Milied, jew in-Natività, ma kienx jiġi ċelebrat mill-Kristjani bikrin. Enċiklopedija waħda tgħid dwar dan: “Iċ-ċelebrazzjoni ma kinitx tiġi osservata fl-ewwel sekli tal-knisja Kristjana, ladarba l-użanza Kristjana b’mod ġenerali kienet li tiġi ċelebrata l-mewt taʼ persuni magħrufin minflok it-twelid tagħhom.” Fil-Bibbja, iċ-ċelebrazzjoni taʼ jum it-twelid hija marbuta mal-pagani, mhux maʼ l-adoraturi veri t’Alla.—Mattew 14:6-10.
M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li ma nistgħux niksbu xi ġid milli nitgħallmu u niftakru l-ġrajjiet attwali li huma involuti fit-twelid taʼ l-Iben t’Alla. Ir-rakkont fattwali
tal-Bibbja jipprovdi dehen u lezzjonijiet importanti għal dawk kollha li jridu jagħmlu r-rieda t’Alla.It-Twelid taʼ Ġesù Skond il-Bibbja
Tistaʼ ssib tagħrif taʼ min joqgħod fuqu dwar it-twelid taʼ Ġesù fl-Evanġelji taʼ Mattew u Luqa. Dawn juru li l-anġlu Gabrijel żar lil żagħżugħa mhix miżżewġa li kien jisimha Marija fil-belt tal-Galilija f’Nazaret. X’messaġġ wasslilha? “Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron taʼ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.”—Luqa 1:31-33.
Marija tgħidx kif inħasdet b’dan il-messaġġ. Billi ma kinitx miżżewġa, hi qalet: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Wieġeb l-anġlu: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa taʼ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.” Billi rrikonoxxiet li din kienet ir-rieda t’Alla, Marija qalet: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!”—Luqa 1:34-38.
Kien hemm anġlu ieħor li qal lil Ġużeppi dwar it-twelid mirakoluż sabiex dan ma jiddivorzjax lil Marija, xi ħaġa li kien ippjana li jagħmel wara li sar jaf li kienet tqila. Wara dan, Ġużeppi kien lest li jerfaʼ r-responsabbiltà li jieħu ħsieb l-Iben t’Alla.—Mattew 1:18-25.
Imbagħad minħabba d-digriet li ħareġ Ċesari Awgustu, Ġużeppi u Marija kellhom jivvjaġġaw minn Nazaret fil-Galilija sa Betlehem fil-Ġudea, il-belt taʼ missirijiethom tal-qedem, biex jiġu reġistrati. “Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.”—Luqa 2:1-7.
Luqa 2:8-14 jiddeskrivi dak li ġara wara: “F’dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-rabaʼ, għassa mal-merħla tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biżaʼ kbir. Iżda l-anġlu qalilhom: ‘Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt taʼ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.’ F’daqqa waħda ngħaqdu maʼ l-anġlu għadd kbir taʼ qtajjaʼ tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu: ‘Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!’”
Il-Maġi
Ir-rakkont taʼ Mattew isemmi li xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm ifittxu l-post fejn twieled is-Sultan tal-Lhud. Is-Sultan Erodi kien interessat ferm f’dan—imma ma kellux intenzjonijiet tajbin. “Bagħathom Betlehem u qalilhom: ‘Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu.’” Il-maġi sabu lit-tifel u “fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra.” Imma ma marrux lura għand Erodi. “Kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi.” Alla uża anġlu biex iwissi lil Ġużeppi dwar l-intenzjonijiet t’Erodi. Ġużeppi u Marija mbagħad ħarbu lejn l-Eġittu u ħadu lil binhom magħhom. Wara dan, fi sforz biex ineħħi min-nofs lis-Sultan il-ġdid, is-Sultan Erodi b’kefrija kbira ordna li jinqatlu s-subien li kienu jgħixu fl-inħawi taʼ Betlehem. Liema subien? Dawk li kellhom sentejn jew inqas.—Mattew 2:1-16.
X’Nistgħu Nitgħallmu mir-Rakkont?
Il-maġi li kienu qegħdin iżuru—kien kemm kien in-numru tagħhom—ma kinux iqimu lil dak Alla veru. Il-verżjoni Biblika La Nueva Biblia Latinoamérica (Edizzjoni taʼ l-1989) tistqarr f’nota taʼ taħt: “Il-maġi ma kinux slaten, imma bassara u qassisin taʼ reliġjon pagana.” Huma ġew fi qbil maʼ l-għarfien li kellhom dwar l-istilel li tagħhom kienu devoti. Kieku Alla ried jiggwidahom biex isibu lit-tifel, kien iwassalhom sal-post eżatt u ma kienx ikollhom għalfejn imorru l-ewwel lejn Ġerusalemm
u lejn il-palazz t’Erodi. Iktar tard, Alla fil-fatt indaħal biex ibiddlilhom it-triq ħalli jipproteġi lit-tifel.Fi żmien il-Milied dan ir-rakkont spiss ikun imdawwar b’atmosfera mitika u romantika li toskura l-iktar ħaġa importanti: li din it-tarbija twieldet biex tkun Sultan taʼ l-għaġeb, kif tħabbar lil Marija u lir-rgħajja. Le, Ġesù Kristu m’għadux tarbija, jew saħansitra tifel. Huwa s-Sultan renjanti tas-Saltna t’Alla, li fi żmien qasir se teqred il-ħakmiet kollha li jopponu r-rieda t’Alla, u hu se jsolvi l-problemi kollha tal-bnedmin. Din hija s-Saltna li nitolbu għaliha fit-Talba tal-Missierna.—Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10.
Minn dak li l-anġli qalu lir-rgħajja, nitgħallmu li l-opportunità għas-salvazzjoni hija miftuħa għal dawk kollha li huma lesti li jisimgħu l-messaġġ taʼ l-aħbar tajba. Dawk li jiksbu l-favur t’Alla jsiru “bnedmin li jogħġbu lilu.” Hemm prospetti meraviljużi għal sliem fid-dinja kollha taħt is-Saltna taʼ Ġesù Kristu, imma n-nies iridu jkunu lesti li jagħmlu r-rieda t’Alla. L-istaġun tal-Milied iwassal għal dan, u jirrifletti din ix-xewqa? Ħafna nies sinċieri li jridu jimxu skond dak li tgħid il-Bibbja jħossu li r-risposta hija ovvja.—Luqa 2:10, 11, 14.
[Noti taʼ taħt]
a Hemm dettall ieħor li m’għandux jiġi injorat: Fin-nacimiento Messikan, issir referenza għat-tarbija bħala “t-Tarbija Alla” bl-idea li kien Alla nnifsu li ġie fuq l-art bħala tarbija. Madankollu, il-Bibbja tippreżenta lil Ġesù bħala li kien l-Iben t’Alla li twieled fuq l-art; ma kienx l-istess bħal Jehovah, dak Alla li jistaʼ kollox, jew daqsu. Ikkunsidra l-verità dwar dan, kif preżentata f’Luqa 1:35; Ġwann 3:16; 5:37; 14:1, 6, 9, 28; 17:1, 3; 20:17.
[Kaxxa f’paġna 4]
XI WĦUD SE JINĦASDU
Fil-ktieb tiegħu The Trouble With Christmas, l-awtur Tom Flynn jiddiskuti xi konklużjonijiet li wasal għalihom wara li qattaʼ snin sħaħ jagħmel riċerka dwar il-Milied:
“Għadd enormi taʼ tradizzjonijiet li issa nassoċjawhom mal-Milied għandhom l-għeruq tagħhom mgħaddsin fi tradizzjonijiet reliġjużi u pagani taʼ qabel l-era Kristjana. Xi ftit minnhom għandhom konnotazzjonijiet soċjali, sesswali, jew kosmoloġiċi li għandhom mnejn iwasslu lil nies moderni, edukati u sensittivi kulturalment biex iwarrbu t-tradizzjonijiet ladarba jkunu fehmu iktar ċar minfejn ikunu ġejjin.”—Paġna 19.
Wara li jippreżenta ġabra kbira taʼ tagħrif bħala appoġġ, Flynn jirritorna għall-punt bażiku: “Waħda mill-ironiji l-kbar tal-Milied hija l-fatt li ftit ferm mill-kontenut tiegħu huwa verament Kristjan. Ladarba nkunu warrabna l-elementi taʼ qabel l-era Kristjana, il-biċċa l-kbira minn dak li jibqaʼ jappartjeni lill-perijodu taʼ wara l-era Kristjana, minflok ma hu Kristjan b’mod awtentiku, f’dik li hi oriġini.”—Paġna 155.
[Stampa f’paġna 7]
It-tħabbira tat-twelid taʼ Ġesù pprovdiet il-bażi għall-irwol futur tiegħu bħala s-Sultan magħżul t’Alla