“Kemm Nixtieq Ikolli Fidi li ma Tonqoslix”!
Bijografija
KIF RAKKONTATA MINN HERBERT MÜLLER
Ftit xhur wara li l-armata taʼ Hitler invadiet l-Olanda, ix-Xhieda taʼ Jehovah ġew projbiti. Ismi ma damx ma deher fuq il-lista fost dawk li n-Nazisti l-iktar li riedu jaqbduhom taħt idejhom. Ħarġu għalija qishom qed jikkaċċjaw xi annimal.
DARBA minnhom tant kont infnejt naħrab u nistaħba li lil marti għedtilha li forsi jkun aħjar jekk jaqbduni. Imbagħad ġie f’moħħi l-kliem taʼ għanja: “Kemm nixtieq ikolli fidi li ma tonqoslix, għalkemm ningħafas minn kull għadu.” a Meta qgħadt nirrifletti fuq din l-għanja erġajt tqawwejt u ġibt f’moħħi memorji tal-ġenituri tiegħi lura fil-Ġermanja u ftakart f’dak il-jum meta sħabi kienu kantawli din l-għanja qabel infridna. Jekk tippermettili, nixtieq naqsam xi ftit minn dawn il-memorji miegħek.
L-Eżempju tal-Ġenituri Tiegħi
Meta twelidt jien fl-1913 fil-belt taʼ Copitz ġewwa l-Ġermanja, ommi u missieri kienu membri tal-Knisja Evanġelika. b Sebaʼ snin wara, fl-1920, missieri ma baqax membru taʼ din il-knisja. Nhar is-6 t’April, talab għall-formola msejħa Kirchenaustrittsbescheinigung (Dikjarazzjoni taʼ Irtirar mill-Knisja). L-uffiċjal tar-reġistrazzjoni ċivili f’dik il-belt imlielu din il-formola. Madankollu, ġimgħa wara, missieri reġaʼ lura f’dak l-uffiċċju biex jispjega li d-dikjarazzjoni ma kinitx tinkludi isem bintu. L-uffiċjal mela dokument ieħor li kien jistqarr li l-irtirar mill-knisja kien japplika wkoll għal Martha Margaretha Müller. Dak iż-żmien oħti Margaretha kellha biss sena u nofs. Fejn kienet tidħol il-qima taʼ Jehovah, missieri ma kien iħalli xejn nofs leħja!
F’dik l-istess sena, ommi u missieri tgħammdu mill-Istudenti tal-Bibbja, bħalma kienu magħrufin dak iż-żmien ix-Xhieda taʼ Jehovah. Missieri rabbiena b’dixxiplina kbira, imma l-lealtà tiegħu lejn Jehovah għamlithielna eħfef li naċċettaw il-gwida tiegħu. Il-lealtà wkoll qanqlet lill-ġenituri tiegħi biex jagħmlu xi bidliet. Per eżempju, kien hemm żmien meta ma konniex nitħallew nilagħbu barra nhar taʼ Ħadd. Madankollu, f’Ħadd minnhom fl-1925, il-ġenituri tagħna qalulna li konna sejrin passiġġata. Ħadna xi ħaġa x’nieklu magħna u veru ħadna pjaċir. Kemm kien aħjar dan milli noqogħdu msakkrin id-dar il-ġurnata kollha! Missieri qal li kien tgħallem xi punti minn konvenzjoni reċenti li kienu kkoreġewlu l-ħarsa tiegħu dwar x’wieħed jistaʼ jagħmel nhar taʼ Ħadd. U kien hemm drabi oħra fejn wera bl-istess mod li kien lest jaġġusta ruħu.
Għalkemm il-ġenituri tiegħi ma tantx kienu f’saħħithom, ma żammewx lura mix-xogħol taʼ l-ippridkar. Per eżempju, biex inkunu nistgħu nqassmu l-fuljett Ecclesiastics Indicted (Membri tal-Kleru Mixlijin), irkibna l-ferrovija darba fil-għaxija flimkien mal-bqija tal-kongregazzjoni u vvjaġġajna lejn il-belt taʼ Regensburg li tinsab madwar 300 kilometru ’l bogħod minn Dresden. L-għada qassamna l-fuljetti mal-belt kollha, u meta spiċċajna rġajna qbadna l-ferrovija lura. Sakemm wasalna lura d-dar kienu kważi għaddew 24 siegħa.
Nitlaq mid-Dar
Is-sħubija li kelli mal-Jugendgruppe (Grupp taż-Żgħażagħ) fil-kongregazzjoni tagħna għenitni wkoll biex nikber spiritwalment. Kull ġimgħa, żgħażagħ li kellhom ’il fuq minn 14-il sena kienu jiltaqgħu maʼ xi wħud mill-aħwa akbar minnhom fil-kongregazzjoni. Konna nilagħbu xi ħaġa u ndoqqu strumenti mużikali, nistudjaw il-Bibbja, u nitkellmu dwar il-ħolqien u x-xjenza. Madankollu, fl-1932, meta kelli 19-il sena, is-sħubija tiegħi maʼ dan il-grupp waqfet.
F’April taʼ dik is-sena, missieri rċieva ittra mill-uffiċċju tal-Watch Tower Society f’Magdeburg. Is-Soċjetà kienet qed tfittex lil xi ħadd li kien jaf isuq u li xtaq jaqdi bħala pijunier. Kont naf li kienet ix-xewqa tal-ġenituri tiegħi li jien inkun pijunier, imma jien ħassejt li ma stajtx. Peress li ommi u missieri kienu foqra, sa minn meta kelli 14-il sena kont bdejt insewwi r-roti, u l-magni tal-ħjata, kif ukoll typewriters u tagħmir ieħor li jintuża fl-uffiċċju. Kif qatt stajt nabbanduna l-familja? L-appoġġ tiegħi kellhom bżonnu. Iktar minn hekk, kont għadni lanqas biss tgħammidt. Missieri poġġa bil-qegħda ħdejja u staqsieni xi mistoqsijiet biex jara jekk jien kontx nifhem x’tinvolvi l-magħmudija. Meta t-tweġibiet tiegħi kkonvinċewh li kont għamilt biżżejjed progress spiritwali biex inkun nistaʼ nitgħammed, qalli: “Imissek tippreżenta ruħek għal dan l-inkarigu.” U hekk għamilt.
Ġimgħa wara rċivejt stedina biex immur Magdeburg. Meta għedt lil sħabi fil-Grupp taż-Żgħażagħ, dawn riedu jagħtuni l-aħħar tislima b’għanja ferriħija. Stagħġbu bl-għanja li għażilt jien għax qisuha bħala li kienet serja ħafna. Xorta waħda, min qabad il-vjolin, min il-mandolina
u min il-kitarra u lkoll bdejna nkantaw: “Kemm nixtieq ikolli fidi li ma tonqoslix, għalkemm ningħafas minn kull għadu; li ma titregħidx f’xifer xi gwaj fuq l-art.” Dak in-nhar ma kontx nobsor li dan il-kliem kellu jsaħħaħni bosta drabi tul is-snin taʼ wara.Bidu Mqalleb
Wara li l-aħwa taʼ Magdeburg kienu aċċertaw ruħhom li jien kont naf insuq, fdaw karozza f’idejja u f’idejn erbaʼ pijunieri oħra u flimkien irħejnielha lejn Schneifel, li hu reġjun qrib il-Belġju. Ma domniex ma rajna kemm kienet neċessarja l-karozza li kellna. Il-Knisja Kattolika f’dan ir-reġjun ma ħamlitniex hemmhekk u, imħeġġin mill-qassisin, in-nies taʼ l-irħula kienu spiss ikunu lesti għalina biex ikeċċuna ’l hemm. Ħafna drabi l-karozza għenitna biex neħilsuha żbrixx minn xi daqqa taʼ xi mgħażqa jew taʼ xi furkettun.
Wara l-Mafkar taʼ l-1933, l-indokratur reġjonali Paul Grossmann qalilna li x-xogħol tas-Soċjetà fil-Ġermanja kien ġie projbit. Ftit wara dan, ġejt mitlub mill-uffiċċju tal-fergħa mmur bil-karozza sa Magdeburg biex niġbor xi letteratura minn hemm u neħodha sa l-istat taʼ Sassonja, madwar 100 kilometru ’l bogħod minn Magdeburg. Madankollu, sakemm wasalt Magdeburg, il-Gestapo (il-pulizija sigrieta tan-Nazi) kienu diġà għalquh l-uffiċċju tas-Soċjetà. Ħallejt il-karozza maʼ wieħed mill-aħwa f’Leipzig u mort lura d-dar. Imma ma tantx domt hemm.
Mill-uffiċċju tas-Soċjetà fl-Isvizzera stidnuni biex nibda nagħmel ix-xogħol taʼ pijunier fl-Olanda. F’moħħi kelli li nitlaq wara xi ġimgħa jew tnejn. Imma missieri qalli li jkun aħjar jekk naqbad u nitlaq. Smajt minnu, u ftit sigħat wara tlaqt. L-għada marru l-pulizija d-dar taʼ missieri biex jarrestawni talli ma mortx għal-lieva. Kont żgiċċajtilhom fil-waqt.
Nibda fl-Olanda
Fil-15 t’Awissu taʼ l-1933, wasalt f’dar tal-pijunieri f’Heemstede, belt li tinsab 25 kilometru ’l bogħod minn Amsterdam. L-għada ħriġt nippriedka bla ma kont naf kelma waħda bl-Olandiż. Armat b’fuljett tat-testimonjanza, li kien fih priedka kkopjata fuqu, bdejt ix-xogħol tiegħi. X’inkuraġġiment kien għalija meta waħda mara Kattolika aċċettat il-ktieb Reconciliation! Dak in-nhar stess, ħallejt ukoll 27 ktejjeb f’idejn in-nies. Fi tmiem dak l-ewwel jum ħassejtni ferħan se ntir li stajt nerġaʼ nippriedka fil-libertà.
Dak iż-żmien il-pijunieri ma kellhom ebda sors ieħor taʼ dħul finanzjarju ħlief mill-kontribuzzjonijiet li kienu jagħtu n-nies meta jieħdu xi letteratura. Dawn il-flus kienu jintużaw biex jinxtara l-ikel u xi bżonnijiet oħra. Jekk kien jifdal xi ftit tal-flus fl-aħħar tax-xahar, dawn kienu jinqasmu bejn il-pijunieri għall-ispejjeż persunali. Materjalment ma tantx kellna, imma Jehovah ħa ħsiebna tant li fl-1934 stajt nattendi konvenzjoni fl-Isvizzera.
Sieħba Leali
F’dik il-konvenzjoni rajt lil Erika Finke li kellha 18-il sena. Kont nafha minn meta kont għadni ngħix id-dar. Kienet ħabiba t’oħti Margaretha u minn dejjem kont impressjonat bil-waqfa soda taʼ Erika għall-verità. Ftit wara li tgħammdet fl-1932, xi ħadd informa lill-Gestapo li Erika kienet irrifjutat li tgħid “Heil Hitler!” Il-Gestapo marru għaliha u riedu jkunu jafu għala kienet irrifjutat. Lill-pulizija li kien fl-għassa Erika qratlu Atti 17:3 u spjegatlu li Alla kien ħatar lil bniedem wieħed biss bħala Salvatur, u dan kien Ġesù Kristu. “Hemm oħrajn li jemmnu bħalek?” ried ikun jaf il-pulizija. Erika rrifjutat li tagħtih xi ismijiet. Meta heddidha li jarrestaha, Erika qaltlu li tippreferi tmut milli tikxef l-ismijiet. Baqaʼ ċċassat lejha u mbagħad beda jgħajjat: “Itlaq ’il barra. Mur id-dar. Heil Hitler!”
Wara l-konvenzjoni, jien erġajt lura lejn l-Olanda filwaqt li Erika baqgħet fl-Isvizzera. Madankollu, it-tnejn li aħna ħassejna li l-ħbiberija tagħna kienet kibret. Waqt li kienet għadha fl-Isvizzera, Erika semgħet li lura fil-Ġermanja l-Gestapo kienu qegħdin ifittxuha. Għalhekk iddeċidiet li tibqaʼ hemm taqdi bħala pijuniera fl-Isvizzera. Xi ftit tax-xhur wara, is-Soċjetà talbitha tmur Spanja. Għamlet xogħol taʼ pijuniera f’Madrid, imbagħad f’Bilbao, u iktar tard f’San Sebastián fejn, minħabba persekuzzjoni mrewħa minn membri tal-kleru, hi u l-pijuniera seħbitha spiċċaw il-ħabs. Fl-1935 ġew ordnati jitilqu minn Spanja. Erika ġiet l-Olanda u dik is-sena stess iżżewwiġna.
Il-Gwerra Tleħħ fuq ix-Xefaq
Wara li żżewwiġna, qdejna bħala pijunieri f’Heemstede u iktar tard morna noqogħdu fil-belt taʼ Rotterdam. Hemmhekk fl-1937 tweldilna t-tifel tagħna Wolfgang. Sena wara morna noqogħdu fil-belt taʼ Groningen, lejn it-tramuntana taʼ l-Olanda, fejn konna ngħixu fl-istess dar mal-pijunieri Ġermaniżi Ferdinand u Helga Holtorf u binthom. F’Lulju tal-1938 is-Soċjetà qaltilna li l-gvern Olandiż kien ħareġ twissija li dawk ix-Xhieda li kienu taʼ nazzjonalità Ġermaniża ma setgħux jitħallew jippridkaw iktar. Madwar dak l-istess żmien, kont għadni kif inħtart qaddej taż-żona (indokratur tas-circuit), u l-familja tagħna bdiet tgħix fuq il-Lichtdrager (Reffiegħ id-Dawl), lanċa żgħira tas-Soċjetà li kienet isservi bħala bażi u dar għall-pijunieri li kienu qegħdin jippridkaw fil-parti tat-tramuntana taʼ l-Olanda. Għal ħafna ħin, kont inkun ’il bogħod mill-familja, nivvjaġġa bir-rota minn kongregazzjoni għall-oħra biex lill-aħwa ninkuraġġihom jibqgħu jippridkaw. U l-aħwa għamlu preċiż hekk. Xi wħud saħansitra żiedu fl-attività tagħhom. Wim Kettelarij kien eżempju tajjeb taʼ dan.
Meta ltqajt maʼ Wim kien għadu ġuvnott li għaraf il-verità imma kien imħabbat wisq b’xogħlu bħala gabillott. “Jekk trid li jkollok il-ħin biex taqdi ’l Jehovah,” għedtlu jien biex niftaħlu għajnejh, “imissek issib xi impjieg ieħor.” Hekk għamel. Iktar tard, meta rġajna ltqajna, ħeġġiġtu biex isir pijunier. “Imma bilfors li rrid naħdem biex naqlaʼ x’niekol,” qalli. “Mhux se tmut bil-ġuħ,” għedtlu biex inserraħlu rasu. “Jehovah jieħu ħsiebek.” Wim beda jaqdi bħala pijunier. Iktar tard, saħansitra waqt li t-Tieni Gwerra Dinjija kienet fl-eqqel tagħha, hu qeda bħala indokratur li jivvjaġġa. Illum li għandu ’l fuq minn 80 sena, Wim għadu Xhud żeluż. Jehovah tabilħaqq li ħa ħsiebu.
Taħt Projbizzjoni u Mfittex
F’Mejju tal-1940, madwar sena wara li twieldet Reina, it-tieni tarbija tagħna, l-armata Olandiża ċediet u n-Nazisti okkupaw l-Olanda. F’Lulju l-Gestapo ħatfu taħt idejhom l-uffiċċju u l-istamperija tas-Soċjetà. Is-sena taʼ wara bdew jiġu arrestati ħafna mix-Xhieda, u jien inqbadt. Peress li kont Xhud u Ġermaniż taʼ età li setgħu jiġbruni bil-lieva, stajt nimmaġina x’kienu se jagħmluli l-Gestapo. Ipprovajt nirrassenja ruħi għall-ħsieb li qatt iżjed ma kont se nerġaʼ nara l-familja tiegħi.
Imbagħad f’Mejju tal-1941, il-Gestapo telquni mill-ħabs u ordnawli mmur nirrapporta biex nidħol fis-servizz militari. Lanqas ridt nemmen. Dak in-nhar stess staħbejtilhom, u dak ix-xahar stess erġajt lura nagħmel ix-xogħol tas-circuit. Il-Gestapo poġġewni fuq il-lista fost dawk li l-iktar li riedu jaqbduhom.
Kif Kampat il-Familja Tiegħi
Marti u wliedi kienu marru joqogħdu fir-raħal taʼ Vorden lejn il-lvant tal-pajjiż. Madankollu, biex innaqqsilhom ir-riskju ma stajtx immur inżurhom spiss. (Mattew 10:16) Għal skopijiet taʼ sigurtà, l-aħwa ma kinux jużaw ismi. Bdew isejħuli bil-laqam Duitse Jan (Ġanni l-Ġermaniż). Anki ibni Wolfgang, li kellu erbaʼ snin, ma tħalliex jitkellem dwar “il-papà” imma biss dwar “Ome Jan” (iz-ziju Ġanni). Għalih din kienet ħaġa diffiċli ferm emozzjonalment.
Waqt li kont għadni maħrub, Erika ħadet ħsieb it-tfal u kompliet tippriedka. Meta Reina kellha sentejn, Erika kienet tpoġġiha quddiem fuq ir-rota u tiħodha magħha tippriedka fil-kampanja. Għalkemm kien diffiċli biex issib x’tiekol, Erika qatt ma sabet ruħha mingħajr ebda ikel għall-familja. (Mattew 6:33) Wieħed bidwi Kattoliku, li darba kont sewwejtlu magna tal-ħjata, kien jagħtiha xi patata. Kien ukoll jgħaddilha l-messaġġi mingħandi. Darba minnhom, mill-ispiżerija Erika xtrat xi ħaġa li kienet tiswa gulden. Sid il-ħanut, peress li kien jaf li kienet qed tgħix fil-moħbi u ma setgħetx tikseb biljetti tar-razzjon taʼ l-ikel, tahielha b’xejn u magħha taha żewġ guldens oħra. Espressjonijiet taʼ simpatija bħal dawn għenuha tibqaʼ tkampa.—Lhud 13:5.
Naħdem Spalla maʼ Spalla m’Aħwa Kuraġġużi
Sadanittant, jien komplejt inżur il-kongregazzjonijiet, għalkemm kont nagħmel kuntatt biss maʼ l-aħwa responsabbli għall-kongregazzjonijiet. Peress li l-Gestapo kienu għadhom qed jiġru warajja, qatt ma stajt indum f’post wieħed iktar minn ftit sigħat. Il-biċċa l-kbira taʼ l-aħwa ma kinux jitħallew jiltaqgħu miegħi. Kienu jkunu jafu biss lil dawk ix-Xhieda li kienu parti mill-grupp żgħir tagħhom għall-istudju tal-Bibbja. Minħabba f’hekk, kien biss wara li għaddiet it-Tieni Gwerra Dinjija li żewġt aħwa nisa, li kienu aħwa mid-demm u li kienu jgħixu f’partijiet differenti taʼ l-istess belt, saru jafu li t-tnejn li huma kienu saru Xhieda matul il-gwerra.
Biċċa xogħol oħra li kelli kienet li nsib postijiet fejn setgħet tinħeba l-letteratura tas-Soċjetà. Konna wkoll naħbu l-karti, magni żgħar taʼ l-istampar u typewriters biex nagħmlu kopji taʼ It-Torri taʼ l-Għassa jekk jinqalaʼ l-bżonn. Xi kultant
kien ikollna nċaqalqu l-kotba stampati mis-Soċjetà minn moħba għall-oħra. Niftakarni darba nġorr 30 kaxxa mimlija letteratura waqt li nipprova ma nagħtix fl-għajn kemm jistaʼ jkun. Beda jxoqq l-għaraq għalija!Barra minn hekk, konna wkoll norganizzaw it-trasport taʼ ikel minn rabaʼ fil-lvant taʼ l-Olanda lejn il-bliet fil-punent, avolja din kienet xi ħaġa projbita. Konna ngħabbu l-ikel fuq karettun biż-żiemel u nerħulha lejn il-punent. Meta konna nkunu rridu naqsmu xi xmara, ma konniex nistgħu nużaw il-pontijiet għax dawn kienu mgħassa mis-suldati. Minflok, konna nħottu t-tagħbija u ngħabbuha fuq dgħajjes żgħar li bihom konna naqsmu x-xmara biex imbagħad nerġgħu ngħabbu kollox fuq karettun ieħor. Meta konna naslu fil-belt fejn ridna mmorru, konna nistennew sakemm jidħol il-lejl, imbagħad konna nlibbsu l-kalzetti liż-żiemel biex ma jagħmlux ħoss u bil-kwiet immorru fil-post fejn il-kongregazzjoni kellha l-maħżen sigriet taʼ l-ikel. Minn hemmhekk, l-ikel kien jitqassam lill-aħwa fil-bżonn.
Kieku l-armata Ġermaniża kienet tiskopri xi maħżen taʼ l-ikel bħal dan, x’aktarx li xi ħadd kien ikollu jħallas b’ħajtu. Minkejja dan, kien hemm bosta aħwa li taw sehemhom minn rajhom. Per eżempju, il-familja Bloemink fil-belt taʼ Amersfoort aċċettat li s-salott tagħhom jintuża bħala maħżen għall-ikel, avolja d-dar tagħhom kienet biss tefgħa taʼ ġebla ’l bogħod minfejn kien hemm stakkament taʼ l-armata Ġermaniża! Xhieda kuraġġużi bħal dawn irriskjaw ħajjithom għal ħuthom.
Jehovah għen lili u lil marti nibqgħu leali tul is-snin tal-projbizzjoni. F’Mejju taʼ l-1945 l-armata Ġermaniża ġiet megħluba, u sa fl-aħħar ma bqajtx ngħix ħajti bħal wieħed maħrub. Is-Soċjetà talbitni nkompli naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa sakemm ikun hemm aħwa oħra li jkunu jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol. Fl-1947, Bertus van der Bijl ħa f’idejh ix-xogħol li kont nagħmel jien. c Għal dik il-ħabta twelditilna t-tielet tarbija u morna noqogħdu lejn il-lvant tal-pajjiż.
Niket u Ferħ
Wara li spiċċat il-gwerra, sirt naf li xi sena wara li kont tlaqt mid-dar biex immur l-Olanda, missieri kien ġie mitfugħ il-ħabs. Telquh darbtejn minħabba nuqqas taʼ saħħa, imma d-darbtejn reġgħu qabduh u tefgħuh il-ħabs mill-ġdid. Fi Frar taʼ l-1938 intbagħat fil-kamp tal-konċentrament taʼ Buchenwald u mbagħad taʼ Dachau. U hemm miet, nhar l-14 taʼ Mejju, 1942. Missieri baqaʼ sod u leali sa l-aħħar.
Ommi wkoll intbagħtet fil-kamp taʼ Dachau. Baqgħet hemm sa ma nħelset fl-1945. Ladarba l-eżempju sod kemm t’ommi u kemm taʼ missieri kellu sehem kbir biex jien ksibt il-barkiet spiritwali li gawdejt, kien privileġġ għalina li ommi ġiet toqgħod magħna fl-1954. Ġiet ukoll oħti Margaretha, li kienet ilha tagħmel ix-xogħol taʼ pijuniera fil-Ġermanja tal-Lvant taħt il-Komunisti sa mill-1945. Għalkemm ommi kienet marida u ma taf xejn bl-Olandiż, xorta baqgħet tieħu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa sakemm temmet lealment il-korsa tagħha fuq l-art f’Ottubru taʼ l-1957.
Il-konvenzjoni taʼ l-1955 ġewwa Nuremberg, il-Ġermanja, kienet tassew waħda speċjali. Malli wasalna hemm, xi aħwa minn Dresden qalu lil Erika li ommha wkoll kienet hemm għall-konvenzjoni. Peress li Dresden dak iż-żmien kienet għadha taħt il-ħakma tal-Ġermanja tal-Lvant, Erika kienet ilha 21 sena ma taraha lil ommha. Malli l-omm u l-bint iltaqgħu tgħidx kemm tgħannqu. Kienet verament rijunjoni taʼ ferħ!
Maż-żmien, il-familja tagħna kibret u kellna tmint itfal. Kienet traġedja kbira għalina meta wieħed minn uliedna miet f’inċident bil-karozza. Madankollu, huwa taʼ ferħ profond għalina li naraw lill-bqija taʼ wliedna jaqdu lil Jehovah. Inħossuna ferħanin li t-tifel tagħna Wolfgang u martu qegħdin fix-xogħol tas-circuit u li binhom ukoll qed jaqdi bħala indokratur tas-circuit.
Inħossni grat li rajt b’għajnejja l-progress tax-xogħol taʼ Jehovah ġewwa l-Olanda. Meta bdejt naqdi bħala pijunier fl-1933, kien hemm madwar mitt Xhud. Illum, hemm iktar minn 30,000. Għalkemm is-saħħa fiżika tagħna bdiet tmajna, jien u Erika għadna determinati li ngħixu fi qbil mal-kliem taʼ dik l-għanja taʼ żmien ilu: “Kemm nixtieq ikolli fidi li ma tonqoslix”!
[Noti taʼ taħt]
a Għanja 194.—Songs of Praise to Jehovah (1928).
b Il-belt taʼ Copitz, li issa jisimha Pirna, tinsab biswit ix-Xmara Elbe, 18-il kilometru ’l bogħod mill-belt taʼ Dresden.
c Ara The Watchtower taʼ l-1 taʼ Jannar, 1998, għar-rakkont dwar il-ħajja taʼ Ħuna Van der Bijl, “There Is Nothing Better Than the Truth” (M’hemm Xejn Aħjar mill-Verità).
[Stampa f’paġna 23]
Il-Jugendgruppe waqt ftit ħin taʼ mistrieħ wara s-servizz taʼ l-għalqa
[Stampa f’paġna 24]
Jien u pijunieri oħra sħabi ħdimna t-territorju taʼ Schneifel meta kelli 20 sena
[Stampa f’paġna 25]
Maʼ Erika u Wolfgang fl-1940
[Stampa f’paġna 26]
Mix-xellug għal-lemin: In-neputi tiegħi Jonathan u martu Mirjam; Erika u jien, u ibni Wolfgang u martu Julia
[Stanpa f’paġna 26]
Wieħed mill-aħwa li kien fil-ħabs maʼ missieri għamel din it-tpinġija tiegħu fl-1941