Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tistaʼ Tħossok Qrib t’Alla li Ma Tistax Tarah?

Tistaʼ Tħossok Qrib t’Alla li Ma Tistax Tarah?

‘Kif nistaʼ niżviluppa relazzjoni mill-​qrib maʼ xi ħadd li ma nistax narah?’ forsi tistaqsi. Din il-​mistoqsija tidher li tagħmel sens. Imma aħseb ftit:

KEMM hi importanti l-​vista biex tiżviluppa relazzjoni taʼ mħabba u fit-​tul? M’humiex daqstant importanti l-​fatturi li ma jidhrux, jekk mhux iżjed? Tabilħaqq! Għal din ir-​raġuni xi nies żviluppaw relazzjoni mill-​qrib m’oħrajn billi kitbu lil xulxin b’mod regulari. Fl-​ittri tagħhom huma juru b’mod onest x’iħobbu u x’ma jħobbux, x’miri għandhom, il-​prinċipji tagħhom, is-​sens t’umoriżmu, u karatteristiċi jew interessi tal-​personalità oħrajn.

L-għomja wkoll juru li l-​vista m’hijiex l-​iktar ħaġa importanti biex tiżviluppa relazzjoni mill-​qrib maʼ persuna oħra. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Edward u Gwen, koppja miżżewġa li t-​tnejn huma għomja. a Edward iltaqaʼ maʼ Gwen fi skola għall-​għomja, fejn hi kienet studenta adulta miegħu. Hu ammira l-​kwalitajiet taʼ Gwen, speċjalment l-​onestà li turi fid-​diskors u l-​kondotta tagħha, u l-​mod mill-​aħjar kif tħares lejn ix-​xogħol. Min-​naħa tagħha, Gwen inġibdet lejn Edward għaliex, bħalma tgħid hi, “hu wera l-​kwalitajiet kollha li mit-​trobbija tiegħi emmint li kienu importanti.” Bdew joħorġu flimkien, u tliet snin wara żżewġu.

“Meta tkunu flimkien,” jgħid Edward, “il-​fatt li tkunu għomja ma jagħmilx differenza fl-​iżvilupp taʼ relazzjoni maʼ persuna oħra. Forsi ma tkunux tistgħu taraw lil xulxin, imma m’huwiex diffiċli li ssiru tafu s-​sentimenti taʼ xulxin.” Issa, 57 sena wara, Edward u Gwen għadhom iħobbu lil xulxin profondament. Huma jispjegaw li s-​sigriet għar-​relazzjoni meraviljuża tagħhom jinvolvi mill-​inqas erbaʼ affarijiet: (1) li tinnota l-​kwalitajiet tal-​persuna l-​oħra, (2) li taħseb dwar dawn il-​kwalitajiet u tinġibed lejhom, (3) li jkollkom komunikazzjoni tajba, u (4) li tagħmlu l-​affarijiet flimkien.

Dawn l-​erbaʼ punti huma vitali biex kwalunkwe relazzjoni tkun waħda tajba, sew jekk tkun bejn il-​ħbieb, sew bejn l-​imseħbin fiż-​żwieġ jew, iktar importanti, bejn il-​bnedmin u Alla. Fl-​artiklu li jmiss, se naraw kif li napplikaw dawn il-​punti jistaʼ jgħinna niżviluppaw relazzjoni mill-​qrib m’Alla, avolja ma nistgħux narawh. b

[Noti taʼ taħt]

a L-ismijiet ġew mibdulin.

b Kuntrarju għar-​relazzjoni bejn il-​bnedmin, relazzjoni m’Alla hi bbażata fuq fidi fl-​eżistenza tiegħu. (Lhud 11:6) Għal diskussjoni bir-​reqqa dwar kif tibni fidi qawwija f’Alla, jekk jogħġbok ara l-​ktieb Is There a Creator Who Cares About You?, pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.