L-Art Qegħdin Hawn Biss bi Prova?
SA FL-AĦĦAR! Għaddiet mill-eżamijiet. L-istudenta, li kellha ġimagħtejn ibsin ferm minħabba l-eżamijiet, irċiviet riżultat sabiħ. Issa setgħet issib l-impjieg li dejjem xtaqet.
Ħafna nies hekk iħarsu lejn il-ħajja fuq l-art. Jaħsbu li hi xi test li kulħadd irid jgħaddi minnu bħala tħejjija. Dawk li “jgħaddu” jimxu ’l quddiem lejn xi ħaġa aħjar f’xi forma taʼ ħajja wara l-mewt. Kienet tkun tabilħaqq ħasra kieku l-ħajja preżenti, li mhix ħlief sempliċi eżistenza għal ħafna nies, kienet l-aqwa ħaġa li l-bniedem jistaʼ jistenna. Għalkemm kien sinjur u f’saħħtu għall-biċċa l-kbira taʼ ħajtu, ir-raġel Ġob li jissemma fil-Bibbja osserva: “Il-bniedem imwieled minn mara għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed.”—Ġob 14:1.
Waqt li tagħti l-ħarsa taʼ kif jaħsbuha ħafna nies, in-New Catholic Encyclopedia tistqarr: “Il-glorja tas-sema hija d-destin li Alla jrid għall-bniedem. . . . Il-ferħ tal-bniedem jidher li jinsab f’li jikseb l-hena fis-sema.” Stħarriġ li sar dan l-aħħar miċ-Church of Christ fl-Istati Uniti jgħid li 87 fil-mija taʼ dawk li wieġbu qalu li jemmnu li x’aktarx imorru s-sema wara li jmutu.
Mhux l-Insara biss jittamaw li jħallu din l-art biex imorru f’post aħjar wara l-mewt. Per eżempju, il-Musulmani jittamaw li jmorru l-ġenna fis-sema. Segwaċi tas-setet taʼ l-Art Pura fil-Buddiżmu ġewwa ċ-Ċina u l-Ġappun jemmnu li, jekk jgħidu bla waqfien il-kelma “Amitabha,” li hi l-isem tal-Budda taʼ Dawl Bla Limitu, huma se jitwieldu mill-ġdid fl-Art Pura, jew fil-Ġenna tal-Punent, fejn se jgħixu ferħanin għalkollox.
Huwa interessanti li l-Bibbja, il-ktieb sagru li hu l-iktar tradott u mqassam fid-dinja, ma tippreżentax l-art bħala xi post li rridu naħarbu minnu, bħal speċi taʼ passaġġ li jiħodna xi mkien ieħor. Per eżempju, il-Bibbja tistqarr: “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) Fil-Bibbja nsibu wkoll l-istqarrija famuża taʼ Ġesù: “Imberkin il-ġwejdin: għax għad jirtu l-art.”—Mattew 5:5, Karm Żammit.
Il-fatt li l-biċċa l-kbira tan-nies jaħsbu li l-art hi mikrija lilna għal ftit taż-żmien jagħti ’l wieħed x’jifhem li l-mewt tiftaħ il-bieb għal ħajja taʼ ferħ li ma bħalu. Jekk dan hu minnu, allura l-mewt hija verament barka. Imma n-nies, fil-biċċa l-kbira tagħhom, hekk iħarsu lejn il-mewt, jew jipprovaw itawlu ħajjithom? Nafu mill-esperjenza li meta n-nies ikunu f’saħħithom biżżejjed u jgawdu ċerta sigurtà, ma jkunux iridu jmutu.
Madankollu, peress li l-art mimlija ħażen u tbatija, hemm ħafna li għadhom iħarsu lejn is-sema bħala l-uniku post fejn jistgħu jsibu paċi vera u ferħ veru. Huwa s-sema sempliċi post taʼ paċi u hena li ma bħalu, fejn qatt ma jistaʼ jkun hemm ħażen jew nuqqas taʼ qbil? U se jkun hemm ħajja wara l-mewt biss f’xi post fis-sema? Għandek mnejn tibqaʼ sorpriż bit-tweġibiet li tagħti l-Bibbja. Jekk jogħġbok kompli aqra.