Jaqsmu t-Tama Kristjana fis-Senegal
Aħna Minn Dawk li Għandhom Fidi
IL-ĦUT ilu jkun ikel prinċipali sa minn żmien il-qedem. In-nies ilhom eluf taʼ snin jistadu fl-ibħra, fl-għadajjar, u fix-xmajjar li hawn fuq l-art. Xi wħud mill-appostli taʼ Ġesù Kristu kienu sajjieda fil-Baħar tal-Galilija. Madankollu, Ġesù għarrafhom b’tip ieħor taʼ sajd. Dan kien sajd spiritwali li kellu jkun taʼ benefiċċju mhux biss għas-sajjieda imma wkoll għall-ħut.
F’dan ir-rigward, Ġesù qal lil Pietru s-sajjied: “Minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies.” (Luqa 5:10) Dan it-tip taʼ sajd għadu sejjer sal-lum f’iktar minn 230 art, inkluż is-Senegal. (Mattew 24:14) Hawnhekk, is-“sajjieda tal-bnedmin” taʼ żmienna qegħdin b’kuraġġ kbir jaqsmu t-tama Kristjana tagħhom m’oħrajn.—Mattew 4:19.
Is-Senegal jinsab fin-naħa taʼ l-iktar parti tal-punent taʼ l-Afrika. Dan jinfirex mill-inħawi tad-deżert kollu ramel li jmissu mas-Saħara fit-tramuntana u fin-nofsinhar jaslu sal-foresti umdin tar-reġjun taʼ Casamance. Is-Senegal huwa art maħkuma mill-irjiħat sħan tad-deżert kif ukoll miż-żiffa kiesħa u rifreskanti taʼ l-Atlantiku. Hawnhekk jgħixu iktar minn disaʼ miljun ruħ. L-abitanti tas-Senegal huma magħrufin għall-ospitalità tagħhom. Il-biċċa l-kbira minnhom ma jistqarrux li huma Kristjani. Ħafna huma rgħajja, waqt li oħrajn għandhom merħliet taʼ baqar, iġmla, u mogħoż. Hemm ukoll bdiewa li jikkultivaw il-karawett, it-tajjar, u r-ross. Iva, u hemm sajjieda li jġibu x-xbieki mimlijin ħut mill-Oċean Atlantiku u minn diversi xmajjar kbar li għaddejjin imserrpin mal-pajjiż kollu. L-industrija tas-sajd għandha rwol vitali fl-ekonomija tas-Senegal. Fil-fatt, il-platt tradizzjonali famuż hu ceebu jën, ikla bnina taʼ ross, ħut, u ħaxix.
“Sajjieda tal-Bnedmin”
Hemm 863 predikatur żeluż tas-Saltna t’Alla fis-Senegal. Is-sajd spiritwali hawnhekk beda fil-bidu tas-snin ħamsin. Fl-1965, infetaħ uffiċċju tal-fergħa tal-Watch Tower Society fil-belt kapitali Dakar. Is-“sajjieda” missjunarji bdew ġejjin minn ħafna pajjiżi ’l bogħod. Ix-xogħol tas-“sajd” inbeda u x-xandir tat-tama Kristjana fis-Senegal beda mixi ’l quddiem mhux ħażin. Eventwalment, inbnew faċilitajiet ġodda tal-fergħa f’Almadies, barra l-belt taʼ Dakar, u ġew dedikati lil Jehovah f’Ġunju taʼ l-1999. Xi żmien taʼ ferħ!
L-Isfida taʼ li Jaċċettaw il-Verità
Nies li ġejjin minn ambjenti differenti qed jiġu kuntattjati regolarment, u xi wħud wieġbu b’mod favorevoli għall-messaġġ taʼ tama misjub fil-Kelma t’Alla. Għalkemm ħafna nies m’għandhom ebda għarfien tal-Bibbja, huma jieħdu pjaċir isiru jafu li l-wegħdi li Alla Jehovah għamel lill-profeti leali tal-qedem dalwaqt se jseħħu.
Taʼ spiss jirrikjedi l-kuraġġ biex wieħed jieħu waqfa soda għall-prinċipji Kristjani, speċjalment meta dan jinvolvi t-tradizzjonijiet u d-drawwiet familjari. Per eżempju, il-poligamija hija prattikata ferm fis-Senegal. Ikkunsidra l-każ taʼ wieħed raġel li kellu żewġ nisa meta beda jistudja l-Bibbja. Kien se jkollu l-kuraġġ li jaċċetta l-verità Kristjana u jiġi fi qbil mal-ħtiġijiet Skritturali biex ikun raġel taʼ mara waħda biss? (1 Timotju 3:2) U kien se jżomm il-mara taʼ żgħożitu, l-ewwel mara li żżewweġ? Hekk għamel fil-fatt, u issa qed jaqdi bħala anzjan żeluż f’waħda mill-akbar kongregazzjonijiet fl-inħawi taʼ Dakar. L-ewwel mara tiegħu wkoll aċċettatha l-verità flimkien mat-12-il tifel u tifla kollha tiegħu, 10 mill-ewwel mara tiegħu u 2 mit-tieni mara li kellu qabel.
Ostaklu ieħor li wieħed jistaʼ jiltaqaʼ miegħu f’li jaċċetta t-tama Kristjana jistaʼ jkun minħabba li jkun illetterat. Ifisser dan li persuna illetterata ma tistax taċċetta u tipprattika l-verità? Dażgur li le. Ikkunsidra l-eżempju taʼ Marie, omm taʼ tmint itfal żgħar li tant taħdem iebes. Hi mill-ewwel rat l-importanza li tiddiskuti skrittura maż-żgħar tagħha kuljum qabel ma jmorru l-iskola u hi
tmur ix-xogħol. Imma kif setgħet tagħmel dan, ladarba ma kinitx taf taqra? Kmieni kull fil-għodu, hi kienet taqbad il-ktejjeb Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum u toqgħod fit-triq kollha ramel quddiem id-dar tagħha. Hekk kif jgħaddu n-nies, hi kienet tistaqsihom jekk kinux jafu jaqraw. Meta kienet issib lil xi ħadd li jaf jaqra, kienet tagħtih il-ktejjeb u b’ton serju tistaqsih: “Peress li ma nafx naqra, tistaʼ jekk jogħġbok taqrali din il-parti żgħira llum?” Hi kienet tagħti widen sew għal dak li jaqrawlha. Imbagħad kienet tirringrazzja lil dak li jkun qralha u tidħol malajr f’darha sabiex tiddiskuti l-kumment b’mod vivaċi maʼ wliedha qabel ma jmorru l-iskola!Iwieġbu Nies taʼ kull Xorta
Fis-Senegal, in-nies tistaʼ ssibhom bil-qegħda fit-toroq ibigħu l-ħut, il-ħaxix, jew il-frott fis-suq, inkella mixħutin taħt xi siġra enormi tal-baobab jixorbu l-ataya, speċi taʼ tè aħdar morr. Determinati li jaqsmu l-aħbar tajba maʼ kulmin jiltaqgħu, żewġt aħwa rġiel kellmu lil wieħed raġel inkapaċitat li kien qed jittallab fit-triq. Wara li sellmulu, qalulu: “Ħafna nies jagħtuk il-flus imma ma jiqfux ikellmuk. Aħna ġejna ħdejk biex inkellmuk dwar xi ħaġa tassew importanti dwar il-futur tiegħek.” It-tallab baqaʼ mistagħġeb. “Nixtiequ nistaqsuk mistoqsija,” komplew l-aħwa. “Għala taħseb li hawn tant sofferenza fid-dinja?” “Hija r-rieda t’Alla,” weġibhom it-tallab.
Imbagħad, l-aħwa rraġunaw miegħu mill-Iskrittura u spjegawlu Apokalissi 21:4. It-tallab tqanqal ferm b’dan il-messaġġ taʼ tama u bil-fatt li xi ħadd kien interessat fih biżżejjed li jieqaf u jiddiskuti l-Bibbja miegħu. Għajnejh imtlew bid-dmugħ. Minflok ma talabhom il-flus, hu talab lil dawn l-aħwa biex jieħdu l-flus kollha li kellu fil-bott tiegħu! Tant beda jinsisti li ġibed l-attenzjoni taʼ kulmin kien għaddej. Kellhom diffikultà kbira biex jikkonvinċuh biex il-flus iżommhom għalih. Hu fl-aħħar qabel magħhom imma insista biex jerġgħu jżuruh.
L-università l-kbira taʼ Dakar ukoll qed tgħin biex tiżdied il-qabda fix-xibka tas-sajd spiritwali. Hemmhekk beda jistudja l-Bibbja wieħed student fil-mediċina jismu Jean-Louis. Dan malajr aċċetta l-verità, iddedika ħajtu lil Jehovah, u tgħammed. Ix-xewqa tiegħu kienet li jaqdi lil Alla fis-servizz full-time bħala pijunier, imma l-istudju tiegħu tal-mediċina wkoll kien jogħġbu. Minħabba li kien marbut b’kuntratt maʼ pajjiżu, hu kien obbligat li jispiċċa l-istudji tiegħu. Madankollu, fl-istess ħin beda jaqdi bħala pijunier awżiljarju. Ftit wara li rċieva d-diploma tiegħu bħala tabib kwalifikat, hu ġie mistieden biex jaqdi f’Dar Betel kbira ġewwa l-Afrika bħala t-tabib tal-familja. Żagħżugħ ieħor li ġie kuntattjat fl-Università taʼ Dakar issa qed jaqdi wkoll mal-familja taʼ Betel f’pajjiżu.
Is-sajd spiritwali fis-Senegal huwa ċertament sodisfaċenti. Il-letteratura Biblika tax-Xhieda taʼ Jehovah hija apprezzata ferm u issa qed issir fil-lingwa lokali taʼ Wolof. Il-fatt li l-aħbar tajba semgħuha bil-lingwa tagħhom stess kien taʼ inkuraġġiment biex ħafna nies taʼ qalb onesta jwieġbu bi gratitudni. Bil-barka taʼ Jehovah, mingħajr ebda dubju se jinqabad ħafna iktar ħut simboliku, hekk kif is-“sajjieda tal-bnedmin” żelużi fis-Senegal jibqgħu jxandru t-tama Kristjana fedelment u b’kuraġġ.
[Mappa/Stampa f’paġna 31]
(Għall-formazzjoni sħihħa tat-test, ara l-pubblikazzjoni)
IS-SENEGAL
[Stampa]
Jaqsmu t-tama Kristjana fis-Senegal
[Sors taʼ l-istampa]
Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.