Noffru Messaġġ taʼ Faraġ fl-Italja
Aħna Minn Dawk Li Jemmnu
JEHOVAH hu “Alla taʼ kull faraġ.” Billi jitgħallmu jimitawh, il-qaddejja tiegħu ‘jistgħu jfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta taʼ hemm.’ (2 Korintin 1:3, 4; Efesin 5:1) Dan hu wieħed mill-objettivi prinċipali tax-xogħol taʼ l-ippridkar li jagħmlu x-Xhieda taʼ Jehovah.
Għajnuna lil Waħda Mara fil-Bżonn
Partikolarment f’dawn l-aħħar snin, il-faqar, il-gwerra, u x-xewqa għal ħajja aħjar, ġagħlu lil ħafna wħud biex jimmigraw lejn pajjiżi iktar sinjuri. Imma m’huwiex faċli għal dak li jkun biex jaddatta ruħu għal ambjent ġdid. Manjola kienet qed tgħix maʼ xi Albaniżi oħrajn f’Borgomanero. Minħabba li kienet qed tgħix fl-Italja illegalment, hi kienet bejn ħalltejn jekk tkellimhiex lil Wanda, li hija waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Minkejja dan, Wanda fl-aħħar irnexxielha tagħmel appuntament maʼ Manjola. Min-naħa tagħha din ma damitx ma bdiet turi interess kbir fl-istudju tal-Kelma t’Alla, għalkemm il-lingwa għamlithielhom daqsxejn diffiċli biex jifhmu lil xulxin. Madankollu, wara li kienet ilha żżurha xi ftit, Wanda ma baqgħet issib lil ħadd id-dar. X’kien ġara? Wanda saret taf li l-inkwilini taʼ dik id-dar kienu ħarbu kollha għaliex wieħed minnhom—l-għarus taʼ Manjola—kien imfittex fuq każ taʼ qtil!
Erbaʼ xhur wara, Wanda reġgħet iltaqgħet maʼ Manjola. “Wiċċha kien tilef il-kulur u kienet saret niexfa għuda, u kellha d-dehra taʼ waħda li kienet għaddiet minn burraxka,” tiftakar Wanda. Manjola spjegatilha li l-għarus li kellha kien il-ħabs u l-ħbieb li marret għandhom għall-għajnuna kienu ddiżappuntawha bl-ikrah. Billi ma kinitx taf fejn se taqbad tagħti rasha, hi talbet lil Alla għall-għajnuna. Imbagħad ftakret f’Wanda, li kienet tkellmet dwar il-Bibbja. Kemm kienet ferħana Manjola li terġaʼ taraha!
Minnufih reġaʼ nbeda l-istudju tal-Bibbja, u Manjola bdiet tattendi l-laqgħat Kristjani. Hi rnexxielha ġġib il-permess legali biex toqgħod l-Italja. Wara sena, Manjola saret Xhud mgħammda. Imfarrġa bil-wegħdi divini, hi marret lura lejn l-Albanija biex taqsam il-messaġġ taʼ faraġ tal-Bibbja man-nies taʼ pajjiżha.
Xiehda f’Kamp taʼ l-Immigranti
Ħafna kongregazzjonijiet fl-Italja għamlu arranġamenti biex jagħtu xiehda lil immigranti bħal Manjola.
Per eżempju, kongregazzjoni waħda ġewwa Firenze għamlet arranġamenti biex iżżur regolarment kamp taʼ l-immigranti. Ir-residenti taʼ dan il-kamp—ħafna minnhom mill-Ewropa tal-Lvant, mill-Maċedonja, u mill-Kosovo—kienu għaddejjin minn ħafna tbatijiet. Uħud minnhom kellhom problemi bid-drogi jew bl-alkoħol. Ħafna kienu jmantnu lilhom infushom bis-serq t’oġġetti żgħar li jkollhom ftit li xejn valur.L-ippridkar f’din il-komunità kien taʼ sfida. Madankollu, waħda evanġelizzatriċi full-time jisimha Paola eventwalment iltaqgħet maʼ Jaklina, waħda mara mill-Maċedonja. Wara xi ftit konversazzjonijiet, Jaklina ħajret lil Susanna l-ħabiba tagħha biex teżamina l-Bibbja. Min-naħa tagħha, Susanna tkellmet maʼ qraba oħrajn. Fi ftit żmien, ħames membri minn dik il-familja kienu qed jistudjaw il-Bibbja regolarment, jattendu l-laqgħat Kristjani, u jipprattikaw dak li kienu qegħdin jitgħallmu. Minkejja l-problemi li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom, huma jiksbu l-faraġ mingħand Jehovah u mill-Kelma tiegħu.
Soru Taċċetta l-Faraġ Mingħand Jehovah
Fil-belt taʼ Formia, evanġelizzatriċi full-time jisimha Assunta kellmet lil waħda mara li kienet qegħda tbati biex timxi. Din il-mara kienet soru f’ordni reliġjuż li jgħin lill-morda u lix-xjuħ kemm fl-isptarijiet kif ukoll fid-djar privati.
Assunta qalet lis-soru: “Int qed tbati wkoll, hux tassew? B’sogħba, ilkoll kemm aħna rridu ngħixu bil-problemi tagħna.” Għal dan il-kliem, is-soru nfaqgħet tibki u spjegat li hi kellha problemi serji taʼ saħħa. Assunta inkuraġġietha billi qaltilha li Alla tal-Bibbja setaʼ jfarraġha. Is-soru aċċettat ir-rivisti bbażati fuq il-Bibbja li offritilha Assunta.
Fil-konversazzjoni li kellhom wara, is-soru, li kien jisimha Palmira, ammettiet li hi kienet qed tbati ħafna. Għal żmien twil kienet għexet f’istitut mmexxi mis-sorijiet. Meta kellha titlaq għal ftit taż-żmien minħabba raġunijiet taʼ saħħa, ma ħallewhiex tirritorna lura. Minkejja dan, Palmira ħassitha marbuta m’Alla minħabba li kienet ħadet il-wegħdi bħala soru. Hi pprovat tfittex “kura,” iżda dak li għaddiet minnu kien ħalla effett devastanti fuqha. Palmira aċċettat li tistudja l-Bibbja, u attendiet il-laqgħat Kristjani għal sena. Imbagħad marret toqgħod f’post ieħor, u x-Xhud ma baqgħetx iktar f’kuntatt magħha. Għaddew sentejn sakemm Assunta reġgħet iltaqgħet magħha. Palmira kellha ħafna persekuzzjoni mill-familja tagħha u mill-kleru. Minkejja dan, hi reġgħet qabdet l-istudju tal-Bibbja tagħha, għamlet progress spiritwali, u tgħammdet bħala waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Iva, ħafna wħud huma inkuraġġiti bil-messaġġ taʼ dak “Alla, li minnu ġej kull . . . faraġ.” (Rumani 15:4, 5) Għaldaqstant, ix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Italja huma determinati li jkomplu jimitaw lil Alla billi joffru lil oħrajn il-messaġġ meraviljuż tiegħu taʼ faraġ.