“Ġid” li Qed Jimla Dar Jehovah
“U nqanqal il-ġnus kollha, u l-ġid kollu tal-popli jiġi kollu hawn, u nimla dan it-tempju bil-glorja.”—ĦAGGAJ 2:7.
1. F’mument t’emerġenza, għala naħsbu l-ewwel fil-maħbubin tagħna?
X’ĠID għandek id-dar? Għandek għamara lussuża, xi kompjuter taʼ mudell l-iktar avanzat, xi karozza ġdida fil-garaxx tiegħek? Saħansitra jekk għandek dawn l-affarijiet kollha, ma taqbilx li l-iktar affarijiet prezzjużi f’darek huma n-nies—il-membri tal-familja tiegħek? Immaġina kieku kellek tqum xi darba bil-lejl u xxomm riħa taʼ ħruq. Id-dar tiegħek qed taqbad, u għandek biss ftit minuti biex taħrab! X’jiġi l-ewwel f’moħħok? L-għamara? Il-kompjuter? Il-karozza? Mhux fil-maħbubin tiegħek taħseb l-ewwel? Mingħajr ebda dubju, għax in-nies huma ferm iktar prezzjużi mill-affarijiet.
2. Kemm hu mifrux il-ħolqien taʼ Jehovah, u Ġesù f’liema aspett minnu sab l-għaxqa tiegħu?
2 Issa aħseb dwar Alla Jehovah u Ibnu, Ġesù Kristu. Jehovah hu Dak li għamel “is-sema, l-art, il-baħar, u kull ma fihom.” (Atti 4:24) Ibnu, ‘l-imgħallem,’ kien l-aġent li permezz tiegħu Jehovah għamel l-affarijiet l-oħrajn kollha. (Proverbji 8:30, 31, Saydon; Ġwann 1:3; Kolossin 1:15-17) Ċertament li kemm Jehovah u kemm Ġesù jgħożżu dak kollu li nħoloq. (Qabbel Ġenesi 1:31.) Imma liema aspett tal-ħolqien taħseb li hu l-iktar għażiż għalihom—l-affarijiet jew in-nies? Fl-irwol taʼ l-għerf personifikat, Ġesù jgħid: “L-għaxqa tiegħi f’ulied il-bniedem.”
3. Jehovah liema profezija lissen permezz taʼ Ħaggaj?
3 Bla dubju, in-nies huma taʼ valur kbir f’għajnejn Jehovah. Indikazzjoni waħda taʼ dan tinsab fil-kliem profetiku li lissen fis-sena 520 Q.E.K. permezz tal-profeta tiegħu Ħaggaj. Jehovah ddikjara: “U nqanqal il-ġnus kollha, u l-ġid kollu tal-popli jiġi kollu hawn, u nimla dan it-tempju bil-glorja. . . . Il-glorja taʼ l-aħħar taʼ dan it-tempju tkun akbar minn taʼ qabel.”—Ħaggaj 2:7, 9.
4, 5. (a) Għala ma jkunx raġunevoli li tikkonkludi li l-kelma “ġid” tirreferi għal tlellix materjali? (b) Int kif tiddefinixxi l-kelma “ġid,” u għala?
4 Liema “ġid” kien se jimla dar Jehovah u jġibilha glorja li qatt ma kellha bħalha? Għamara lussuża u tiżjin elaborat? Deheb, fidda, u ħaġar prezzjuż? Dan ma tantx jidher raġunevoli. Ftakar, it-tempju taʼ qabel, li kien ġie inawgurat xi ħames sekli qabel, kien bini li sewa miljuni kbar taʼ liri! a Żgur li Jehovah ma kienx se jistenna li t-tempju mibni minn din il-kotra relattivament żgħira taʼ Lhud li kienu reġgħu rritornaw f’pajjiżhom kien se jisboq lit-tempju taʼ Salamun fil-ġmiel materjali!
5 X’inhu, mela, il-“ġid” li kellu jimla dar Jehovah? Jidher ċar li bilfors li huma n-nies. Wara kollox, dak li jferraħ qalb Jehovah m’huwiex il-fidda jew id-deheb imma n-nies li jaqduh b’imħabba. (Proverbji 27:11; 1 Korintin 10:26) Iva, Jehovah jgħożż l-irġiel, in-nisa, u t-tfal kollha li jqimuh b’mod aċċettabbli. (Ġwann 4:23, 24) Dawn huma “ġid” tassew, u għal Jehovah huma ferm iktar prezzjużi mir-raffinatezza kollha li kienet iżżejjen it-tempju taʼ Salamun.
6. Xi skop serva t-tempju t’Alla fil-qedem?
6 Minkejja l-oppożizzjoni bla waqfien, it-tempju tlesta fis-sena 515 Q.E.K. Sa żmien is-sagrifiċċju taʼ Ġesù, it-tempju f’Ġerusalemm baqaʼ ċ-ċentru tal-qima safja għal ħafna mill-“ġid,” li kien jikkonsisti minn Lhud naturali u proseliti Ġentili. Imma t-tempju kien jirrappreżenta xi ħaġa ferm iżjed grandjuża, bħalma se naraw.
Twettiq fl-Ewwel Seklu
7. (a) X’kien jiffigura bil-quddiem it-tempju t’Alla f’Ġerusalemm tal-qedem? (b) Iddeskrivi l-azzjonijiet tal-qassis il-kbir f’Jum l-Espjazzjoni.
7 It-tempju f’Ġerusalemm iffigura bil-quddiem arranġament akbar għall-qima. Dan huwa t-tempju spiritwali t’Alla, li waqqfu Jehovah fis-sena 29 E.K. b’Ġesù bħala l-Qassis il-Kbir. (Lhud 5:4-10; 9:11, 12) Ikkunsidra xebh bejn id-dmirijiet tal-qassis il-kbir f’Iżrael u l-azzjonijiet taʼ Ġesù. Kull sena f’Jum l-Espjazzjoni, il-qassis il-kbir kien javviċina l-artal fil-bitħa tat-tempju u kien joffri barri biex ipatti għad-dnubiet tal-qassisin. Iktar tard, kien jidħol fit-tempju bid-demm tal-barri, kien jgħaddi mill-bibien li kienu jisseparaw il-bitħa mill-post Qaddis u mbagħad wara l-purtiera li kienet tissepara l-post Qaddis mill-post l-Iktar Qaddis. Meta kien ikun ġo l-Iktar Qaddis, il-qassis il-kbir kien iroxx id-demm quddiem l-arka tal-patt. Imbagħad, waqt li jsegwi l-istess proċedura, hu kien joffri bodbod biex ipatti għat-12-il tribù mhux saċerdotali taʼ Iżrael. (Levitiku 16:5-15) Din l-osservanza kif inhi marbuta mat-tempju spiritwali t’Alla?
8. (a) Ġesù f’liema sens kien offrut b’seħħ mis-sena 29 E.K.? (b) Ġesù liema relazzjoni speċjali gawda maʼ Jehovah matul il-korsa tal-ministeru tiegħu fuq l-art?
8 Fil-fatt, Ġesù kien offrut fuq l-artal tar-rieda t’Alla meta ġie mgħammed u midluk bl-ispirtu qaddis t’Alla fis-sena 29 E.K. (Luqa 3:21, 22) Tabilħaqq, din il-ġrajja mmarkat il-bidu taʼ korsa taʼ ħajja sagrifikanti għal Ġesù li damet tliet snin u nofs. (Lhud 10:5-10) Matul dan il-perijodu, Ġesù gawda relazzjoni m’Alla bħala wieħed imnissel bl-ispirtu. Bnedmin oħrajn ma setgħux jifhmu għalkollox din il-pożizzjoni unika li Ġesù kellu maʼ Missieru tas-sema. Qisu kien hemm bħal paraventu quddiem għajnejhom tal-fehma, sewwa sew bħalma paraventu kien jaħbi l-post Qaddis mill-vista taʼ dawk fil-bitħa tat-tabernaklu.—Eżodu 40:28.
9. Ġesù għala ma setax jidħol fis-sema bħala bniedem, u din is-sitwazzjoni kif ġiet solvuta?
9 Minkejja li kien Bin Alla midluk bl-ispirtu, il-bniedem Ġesù ma setax jikseb ħajja fis-sema. Għala le? Għax id-demm u l-laħam ma jistgħux jirtu s-Saltna t’Alla fis-sema. (1 Korintin 15:44, 50) Ladarba l-ġisem uman taʼ Ġesù kien qed ifixkel, dan kien simbolizzat tajjeb permezz tal-purtiera li kienet tissepara l-post Qaddis mill-post l-Iktar Qaddis fit-tempju t’Alla fil-qedem. (Lhud 10:20) Imma tlett ijiem wara mewtu, Ġesù ġie rxoxtat minn Alla bħala spirtu. (1 Pietru 3:18) Imbagħad setaʼ jidħol fil-post l-Iktar Qaddis tat-tempju spiritwali t’Alla—is-sema stess. U dan hu preċiż dak li ġara. Pawlu jikteb: “Kristu ma daħalx f’santwarju [b’mod evidenti qed jirreferi għall-post l-Iktar Qaddis] magħmul b’idejn il-bnedmin li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla.”—Lhud 9:24.
10. X’għamel Ġesù meta rritorna fis-sema?
10 Fis-sema, Ġesù ‘raxx id-demm’ tas-sagrifiċċju tiegħu billi ppreżenta lil Jehovah l-valur tad-demm taʼ ħajtu li tħallas bħala prezz tal-fidwa. Madankollu, Ġesù għamel iżjed minn hekk. Ftit qabel ma miet, hu kien qal lis-segwaċi tiegħu: “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġaʼ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.” (Ġwann 14:2, 3) Għalhekk, billi kiseb aċċess għall-post l-Iktar Qaddis, jew is-sema, Ġesù fetaħ it-triq għal oħrajn biex isegwuh. (Lhud 6:19, 20) Dawn l-individwi, li se jkunu jgħoddu 144,000, se jaqdu bħala sotto-qassisin fl-arranġament tat-tempju spiritwali t’Alla. (Apokalissi 7:4; 14:1; 20:6) Sewwa sew bħalma l-qassis il-kbir taʼ Iżrael ħa l-ewwel id-demm tal-barri fil-post l-Iktar Qaddis biex ipatti għad-dnubiet tal-qassisin, il-valur tad-demm li xerred Ġesù kien applikat l-ewwel għal dawn il-144,000 sotto-qassisin. b
“Ġid” fi Żmienna
11. Il-qassis il-kbir taʼ Iżrael għan-nom taʼ min offra bodbod, u dan x’iffigura bil-quddiem?
11 Donnu li sas-sena 1935 il-ġbir ġenerali tal-midlukin kien tlesta. c Imma Jehovah kien għadu ma spiċċax jigglorifika lil daru. Le, kien għad baqaʼ “ġid” x’jidħol fiha. Ftakar li l-qassis il-kbir f’Iżrael kien joffri żewġ annimali—barri għad-dnubiet tal-qassisin u bodbod għad-dnubiet tat-tribujiet mhux saċerdotali. Ladarba l-qassisin taw stampa tal-midlukin li se jkunu maʼ Ġesù fis-Saltna tas-sema, lil min kienu jirrappreżentaw it-tribujiet mhux saċerdotali? It-tweġiba qegħda fil-kliem taʼ Ġesù li nsibu fi Ġwann 10:16: “Għandi wkoll nagħaġ oħra, li m’humiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.” Għaldaqstant, id-demm li xerred Ġesù jibbenefikaw minnu żewġ gruppi taʼ nies—l-ewwel, dawk il-Kristjani li għandhom it-tama li jaħkmu maʼ Ġesù fis-sema u t-tieni, dawk li jittamaw li jgħixu għal dejjem fuq l-art magħmula ġenna. Milli jidher, huwa dan il-grupp li tingħata stampa tiegħu permezz tal-“ġid” imsemmi fil-profezija taʼ Ħaggaj.—Mikea 4:1, 2; 1 Ġwann 2:1, 2.
12. Ħafna mill-“ġid” kif qed jinġibed lejn dar Alla llum?
12 Dan il-“ġid” għadu jimla dar Jehovah. Fi snin reċenti, tneħħew ir-restrizzjonijiet fl-Ewropa tal-Lvant, f’partijiet mill-Afrika, u f’pajjiżi oħrajn. Dan ippermetta li l-aħbar tajba tas-Saltna stabbilita t’Alla tiffjorixxi f’territorji li sa dan iż-żmien kienu għadhom mhux mimsusin. Hekk kif uħud minn dan il-“ġid” jidħlu fl-arranġament tat-tempju t’Alla, huma mill-banda l-oħra jistinkaw biex jagħmlu dixxipli oħrajn, b’ubbidjenza għall-kmand taʼ Ġesù. (Mattew 28:19, 20) Waqt li jagħmlu dan, jiltaqgħu maʼ ħafna individwi, żgħar u kbar, li għandhom il-potenzjal li jsiru parti mill-“ġid” li se jigglorifika dar Jehovah. Ikkunsidra biss xi ftit eżempji li juru kif dan qed iseħħ.
13. Tifla ċkejkna fil-Bolivja kif uriet iż-żelu tagħha biex ixxerred il-messaġġ tas-Saltna?
13 Fil-Bolivja, tifla taʼ ħames snin, li għandha l-ġenituri tagħha li huma Xhieda taʼ Jehovah, talbet permess mingħand l-għalliema tagħha biex ma tattendix l-iskola matul il-ġimgħa taż-żjara mill-indokratur tas-circuit. Għala? Riedet tieħu sehem fil-ministeru matul din il-ġimgħa kollha t’attività speċjali. Dan issorprenda lill-ġenituri tagħha, imma kienu henjin li kellha din l-attitudni mill-aħjar. Iċ-ċkejkna issa tikkonduċi ħames studji tal-Bibbja fid-djar, u ftit minn dawn l-istudenti jattendu l-laqgħat Kristjani. Saħansitra ġabet lill-għalliema tagħha fis-Sala tas-Saltna. Forsi, maż-żmien, xi wħud mill-istudenti tagħha tal-Bibbja juru li huma fost il-“ġid” li se jigglorifikaw dar Jehovah.
14. Fil-Korea, kif ġiet premjata l-perseveranza taʼ oħt maʼ individwu li ma tantx deher interessat?
14 Waqt li kienet qed tistenna fi stazzjon tal-ferrovija, mara Kristjana fil-Korea avviċinat student li kien bil-headphones jismaʼ l-mużika. “Għandek reliġjon?” staqsietu. “Ma tinteressani l-ebda reliġjon,” wieġeb l-istudent. L-oħt ma waqfitx hemm. “Maż-żmien,” hi ssoktat, “wieħed forsi jkun irid jagħżel reliġjon. Imma jekk ma jkollux għarfien dwar ir-reliġjon, jistaʼ jagħmel għażla ħażina.” L-espressjoni taʼ l-istudent inbidlet, u beda jismaʼ b’interess lil oħtna. Offrietlu l-ktieb Is There a Creator Who Cares About You? u qaltlu li din il-pubblikazzjoni se tkun t’għajnuna kbira għalih meta jasal iż-żmien li jkun irid jagħżel reliġjon. Aċċetta l-ktieb bil-qalb. Il-ġimgħa taʼ wara, beda jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, u issa qed jattendi għal-laqgħat kollha tal-kongregazzjoni.
15. Tfajla żagħżugħa fil-Ġappun kif tibda studji tal-Bibbja, u l-isforzi tagħha kif ġew premjati?
15 Fil-Ġappun, Megumi, li għandha 12-il sena, tqis l-iskola tagħha bħala għalqa fertili fejn tippriedka u tgħallem. Saħansitra rnexxielha tibda ħafna studji tal-Bibbja. X’tagħmel Megumi? Peress li taqra l-Bibbja jew tħejji għal-laqgħat matul il-waqfa għall-kolazzjon, sħabha tal-klassi spiss jistaqsuha x’qed tagħmel. Xi wħud jistaqsu lil Megumi għala ma tipparteċipax f’ċerti attivitajiet taʼ l-iskola. Megumi twieġeb il-mistoqsijiet tagħhom u tgħidilhom li Alla għandu isem. Dan spiss iqajjem l-interess fis-semmiegħa tagħha. Hi mbagħad toffrilhom studju tal-Bibbja. Megumi issa tikkonduċi 20 studju—18 minnhom maʼ sħabha tal-klassi.
16. Ħu fil-Kamerun kif setaʼ jibda studji tal-Bibbja maʼ wħud minn fost grupp taʼ nies li riedu jwaqqgħuh għaċ-ċajt?
16 Fil-Kamerun, grupp taʼ tmint irġiel li kienu qegħdin jaħdmu fuq post tax-xogħol sejħu lil wieħed ħu li kien qed joffri l-letteratura lil min jgħaddi minn ħdejh. Billi riedu jwaqqgħuh għaċ-ċajt, staqsewh għala ma kienx jemmen fit-Trinità, fin-nar taʼ l-infern, jew fl-immortalità tar-ruħ. Waqt li uża l-Bibbja, ħuna wieġeb il-mistoqsijiet tagħhom. Bħala riżultat taʼ dan, tlieta mill-irġiel aċċettaw studju tal-Bibbja. Wieħed minnhom, Danjel, beda jattendi l-laqgħat u saħansitra qered kulma kellu fil-pussess tiegħu li kellu x’jaqsam maʼ l-ispiritiżmu. (Apokalissi 21:8) F’inqas minn sena tgħammed.
17. Xi aħwa f’El Salvador kif użaw moħħhom biex jippridkaw lil raġel li għall-ewwel ma riedx jismaʼ l-messaġġ tas-Saltna?
17 F’El Salvador, wieħed raġel kien jorbot il-kelb feroċi tiegħu quddiem il-bieb kulmeta kien jilmaħ lix-Xhieda taʼ Jehovah fil-viċin. Ir-raġel kien jistenna sakemm jitilqu x-Xhieda, u mbagħad kien idaħħal il-kelb lura d-dar. L-aħwa qatt ma setgħu jkellmuh lil dan ir-raġel. Għalhekk, jum wieħed iddeċidew li jipprovaw xi ħaġa differenti. Billi kienu jafu li r-raġel setaʼ jismagħhom, iddeċidew li jippridkaw lill-kelb. Resqu ħdejn id-dar, sellmu lill-kelb, u qalulu kemm kienu henjin li kellhom l-opportunità li jitkellmu miegħu. Tkellmu dwar iż-żmien meta se jkun hawn ġenna fuq l-art, meta ħadd ma jkun irrabjat—iva, meta saħansitra l-annimali se jkunu paċifiċi. Imbagħad sellmu lill-kelb bl-edukazzjoni kollha u bdew ħerġin mill-passaġġ. Tgħidx kif baqgħu mbellhin meta l-inkwilin ħareġ mid-dar u skuża ruħu talli qatt ma kien ta lix-Xhieda l-opportunità li jkellmuh. Aċċetta r-rivisti, u nbeda studju tal-Bibbja. Illum dan ir-raġel hu ħuna—parti mill-“ġid”!
“La Tibżgħux!”
18. Ħafna Kristjani xi sfidi jiffaċċjaw, imma Jehovah kif iħares lejn l-adoraturi tiegħu?
18 Qed tieħu sehem fix-xogħol vitali taʼ ppridkar tas-Saltna u li tagħmel dixxipli? Jekk iva, int verament privileġġat. Tabilħaqq, hu permezz taʼ dan ix-xogħol li Jehovah qed jiġbed il-“ġid” lejn daru. (Ġwann 6:44) Veru, forsi kultant tħossok xi ftit għajjien jew skuraġġit. Kultant, xi wħud—saħansitra fost il-qaddejja leali taʼ Jehovah—jissieltu għax iħossuhom insinjifikanti. Imma agħmel il-qalb! Jehovah jqis lil kull wieħed mill-adoraturi tiegħu bħala ġid, u għandu interess kbir fis-salvazzjoni tiegħek.—2 Pietru 3:9.
19. X’inkuraġġiment ipprovda Jehovah permezz taʼ Ħaggaj, u dan il-kliem kif jistaʼ jkun sors taʼ qawwa għalina?
19 Meta nħossuna skuraġġiti, minħabba l-oppożizzjoni jew minħabba xi ċirkustanzi mhux pjaċevoli oħra, kliem Jehovah lil-Lhud li rritornaw f’pajjiżhom jistaʼ jkun sors taʼ qawwa. F’Ħaggaj 2:4-6 naqraw: “‘Imma issa qawwi qalbek, Żerubbabel, oraklu tal-Mulej, qawwi qalbek, Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir; qawwi qalbek, poplu tal-pajjiż, oraklu tal-Mulej. Aqbdu aħdmu, għax jiena magħkom, oraklu tal-Mulej taʼ l-eżerċti. Il-kelma li biha ntrabatt magħkom fi ħruġkom mill-Eġittu, u l-ispirtu tiegħi, jibqgħu f’nofskom: la tibżgħux!’ Għax hekk jgħid il-Mulej taʼ l-eżerċti: ‘Dalwaqt, ftit ieħor biss, u jiena nheżheż is-smewwiet u l-baħar u l-blat.’” Osserva li Jehovah mhux biss iħeġġiġna biex inqawwu qalbna imma jipprovdi wkoll il-mezz biex niksbu l-qawwa. Kif? Innota l-kliem rassiguranti: “Jiena magħkom.” Kemm isaħħilna l-fidi li nirrealizzaw li minkejja l-ostakli li niffaċċjaw, Jehovah jkun magħna!—Rumani 8:31.
20. Glorja li qatt ma kien hawn bħalha b’liema mod qegħda issa timla dar Jehovah?
20 Jehovah ċertament li wera li hu mal-poplu tiegħu. Tabilħaqq, sewwa sew bħalma qal permezz tal-profeta tiegħu Ħaggaj: “Il-glorja taʼ l-aħħar taʼ dan it-tempju tkun akbar minn taʼ qabel . . . u f’dan il-post jiena nagħti s-sliem.” (Ħaggaj 2:9) Verament, l-akbar glorja llum tinsab fit-tempju spiritwali taʼ Jehovah. Iva, mijiet t’eluf ġejjin bi ħġarhom lejn il-qima safja kull sena. Dawn qed jiġu mitmugħin tajjeb spiritwalment, u saħansitra f’din id-dinja mqallba, igawdu paċi li se tisboqha biss dik li se tiġi esperjenzata fid-dinja l-ġdida t’Alla.—Isaija 9:6, 7; Luqa 12:42.
21. X’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
21 Jehovah wasal biex jheżżeż lill-ġnus f’Armageddon. (Apokalissi 16:14, 16) Ejja, mela, nużaw il-bqija taż-żmien li baqaʼ biex ngħinu nsalvaw iktar ħajjiet. Jalla nqawwu qalbna u nafdaw kompletament f’Jehovah. Ħa tkun id-determinazzjoni tagħna li nibqgħu nqimu fit-tempju spiritwali kbir tiegħu, waqt li nimlewh b’iktar “ġid” sakemm Jehovah jgħid li xogħolna lest.
[Noti taʼ taħt]
a L-ammont li kkontribwew għall-bini tat-tempju taʼ Salamun hu ekwivalenti għal iktar minn elf u ħames mitt miljun lira f’valuri kurrenti. Dak li ma ntużax għax-xogħol tal-bini tpoġġa fit-teżor tat-tempju.—1 Slaten 7:51.
b Kuntrarju għall-qassis il-kbir taʼ Iżrael, Ġesù ma kellux dnubiet li għalihom riedet issir tpattija. Madankollu, il-qassisin sħabu kellhom dnubiet għax kienu mixtrijin minn fost l-umanità midinba.—Apokalissi 5:9, 10.
c Ara It-Torri taʼ l-Għassa, tal-15 taʼ Frar, 1998, paġni 17-22.
Tiftakar?
• X’inhu iżjed prezzjuż għal Jehovah mill-affarijiet materjali?
• Liema żewġ gruppi taʼ nies jibbenefikaw mid-demm li xerred Ġesù?
• X’inhu l-“ġid” li kellu jimla dar Jehovah bil-glorja?
• X’evidenza għandna li l-profezija taʼ Ħaggaj qed titwettaq illum?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Dijagramma f’paġna 16]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Taf x’inhu s-sinjifikat simboliku tat-tempju li Jehovah kellu fil-qedem?
Il-Post l-Iktar Qaddis
Il-Purtiera
Il-Post Qaddis
Il-Portiku
L-Artal
Il-Bitħa
[Stampa f’paġna 17]
Il-qassis il-kbir kien joffri barri għad-dnubiet tal-qassisin u bodbod għad-dnubiet tat-tribujiet mhux saċerdotali taʼ Iżrael
[Stampa f’paġna 18]
Ix-xogħol dinji taʼ ppridkar tas-Saltna qed jiġbed kotriet kbar lejn dar Jehovah