Kif tieħu deċiżjonijiet persunali?
“Ibqgħu ifhmu x’inhi r-rieda taʼ Ġeħova.”—EFESIN 5:17.
1. X’inhuma xi eżempji taʼ liġijiet Bibliċi, u l-fatt li nobduhom kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalina?
FIL-Bibbja, Ġeħova tana liġijiet li juruna b’mod ċar xi jridna nagħmlu. Pereżempju, hu jgħidilna li m’għandniex inqimu l-idoli, nisirqu, niskru, jew nagħmlu affarijiet li huma immorali. (1 Korintin 6:9, 10) U Ġesù, Bin Ġeħova, ta dan il-kmand speċifiku lis-segwaċi tiegħu: “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-ispirtu qaddis, u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom. U, ara, jien magħkom il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema.” (Mattew 28:19, 20) Kulma Ġeħova u Ġesù jgħidulna biex nagħmlu hu għal benefiċċju tagħna stess. Il-liġijiet taʼ Ġeħova jgħallmuna kif nieħdu ħsieb tagħna nfusna u l-familji tagħna. Ukoll, jgħinuna jkollna saħħa aħjar u ħajja ferħana. Iktar importanti minn hekk, meta aħna nobdu l-kmandi taʼ Ġeħova, inkluż il-kmand biex nippritkaw, se nferrħulu qalbu u hu se jberikna.
2, 3. (a) Il-Bibbja għala ma tagħtiniex regoli fuq kull sitwazzjoni tal-ħajja? (b) Liema mistoqsijiet se jiġu kunsidrati f’dan l-artiklu? (Ara l-ewwel stampa.)
2 Fl-istess ħin, il-Bibbja ma tagħtiniex regoli fuq kull sitwazzjoni tal-ħajja. Pereżempju, ma nsibux istruzzjonijiet speċifiċi fil-Bibbja dwar x’għandna nilbsu. Dan juri kemm Ġeħova huwa għaref. Il-Bibbja dejjem hi prattika avolja l-moda dejjem tinbidel matul iż-żmien u wħud madwar id-dinja jilbsu stili differenti taʼ lbies. Ukoll, fiha ma nsibux xebgħa regoli dwar liema xogħol jew divertiment għandna nagħżlu jew x’għandna nagħmlu eżatt biex inkunu f’saħħitna. Ġeħova jippermetti lil individwi u kapijiet tal-familja biex jieħdu deċiżjonijiet fuq dawn l-affarijiet.
3 Għalhekk, meta jkollna nieħdu deċiżjoni importanti li se teffettwa ħajjitna u ma nsibu l-ebda liġi fuqha fil-Bibbja, forsi nitħassbu: ‘Huwa Ġeħova interessat fid-deċiżjoni li nieħu? Se jieħu pjaċir b’dak li nagħżel li nagħmel, sakemm ma niksirx ebda liġi fil-Bibbja? Kif nistaʼ nkun ċert li se jkun ferħan bl-għażliet tiegħi?ʼ
ID-DEĊIŻJONIJIET TAGĦNA JEFFETTWAW LILNA U LIL OĦRAJN
4, 5. Id-deċiżjonijiet tagħna kif jistgħu jeffettwaw lilna u lil oħrajn?
4 Xi wħud iħossu li jistgħu jagħmlu dak li jridu. Imma aħna rridu nagħmlu dak li jferraħ qalb Ġeħova. Għalhekk, qabel ma nieħdu deċiżjoni għandna naħsbu dwar dak li l-Bibbja tgħid u mbagħad nobduha. Pereżempju, il-Bibbja tgħidilna kif iħossu Alla dwar l-użu tad-demm, u allura aħna nsegwu dak li tgħid. (Ġenesi 9:4; Atti 15:28, 29) Aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbuh.
5 Id-deċiżjonijiet tagħna jeffettwawna. Deċiżjoni tajba se tgħinna nersqu eqreb lejn Ġeħova. Deċiżjoni ħażina tistaʼ tkisser ir-relazzjoni tagħna miegħu. Id-deċiżjonijiet tagħna jistgħu wkoll jeffettwaw lil oħrajn. Aħna ma rridux nagħmlu xi ħaġa li tistaʼ tnikket lil ħutna jew iddgħajjef il-fidi tagħhom. Ukoll, ma rridux li noħolqu problemi bejn l-aħwa fil-kongregazzjoni. Għalhekk, hu importanti għalina li nieħdu deċiżjonijiet tajbin.—Aqra Rumani 14:19; Galatin 6:7.
6. X’għandu jiggwida d-deċiżjonijiet tagħna?
6 Kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin meta l-Bibbja ma tgħidilniex eżatt x’għandna nagħmlu? Minflok ma nagħmlu sempliċiment dak li nippreferu, għandna naħsbu sew dwar is-sitwazzjoni personali tagħna u nieħdu deċiżjoni li togħġob lil Ġeħova. Imbagħad nistgħu nkunu ċerti li hu se jgħinna biex ikollna riżultati tajbin.—Aqra Salm 37:5.
ĠEĦOVA XI JRIDNI NAGĦMEL?
7. Meta ma hemm l-ebda liġi fil-Bibbja, kif nistgħu nkunu nafu xi jridna nagħmlu Ġeħova f’ċerta sitwazzjoni?
7 Imma kif nistgħu nkunu nafu x’se jogħġob lil Ġeħova? Efesin 5:17 jgħidilna: “Ibqgħu ifhmu x’inhi r-rieda taʼ Ġeħova.” Meta ma jkunx hemm liġi speċifika fil-Bibbja, aħna rridu nifhmu, jew nagħrfu, xi jridna nagħmlu Ġeħova fis-sitwazzjoni tagħna. Kif nistgħu nagħmlu dan? Hemm bżonn li nitolbu lilu u nħallu l-ispirtu qaddis tiegħu jiggwidana.
8. Ġesù kif fehem x’ried minnu Ġeħova? Agħti eżempju.
8 Ġesù dejjem fehem x’ried minnu Ġeħova. Pereżempju, f’żewġ okkażjonijiet meta l-folol kienu bil-ġuħ, Ġesù talab u mbagħad temagħhom permezz taʼ miraklu. (Mattew 14:17-20; 15:34-37) Imma meta kien fix-xagħri u qabdu l-ġuħ, Ġesù rrifjuta li jbiddel il-ġebel f’ħobż, bħalma kien qallu biex jagħmel ix-Xitan. (Aqra Mattew 4:2-4.) Hu kien jafu sew lil Missieru, u għalhekk kien jaf li Ġeħova ma ridux juża l-ispirtu qaddis għall-bżonnijiet tiegħu stess. Hu kien ċert li Missieru kien se jiggwidah u jagħtih l-ikel meta kellu bżonn.
9, 10. X’ħa jgħinna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin? Agħti eżempju.
9 Bħal Ġesù, aħna nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin jekk nistrieħu fuq il-gwida taʼ Ġeħova. Il-Bibbja tgħid: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek. Issirx għaref f’għajnejk stess. Ibżaʼ minn Ġeħova u warrab mill-ħażen.” (Proverbji 3:5-7) Meta nistudjaw il-Bibbja u nitgħallmu dwar kif Ġeħova jaħseb, aħna se nifhmu xi jridna nagħmlu f’sitwazzjoni speċifika. U iktar ma nitgħallmu dwar kif Ġeħova jaħseb, iktar se tkun faċli għalina biex nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbuh. B’dan il-mod, aħna nsiru iktar ħfief biex nobdu l-gwida taʼ Alla.—Salm 119:11, 12.
10 Immaġina li mara miżżewġa qed tixtri u tara żarbun veru sabiħ. Imma jiswa ħafna. Għalkemm żewġha mhux magħha, hi taf x’jaħseb kieku tonfoq daqshekk flus. Kif tafu dan? Hi ilha miżżewġa għal xi snin, u allura taf kif jixtieq li jużaw il-flus li għandhom. B’mod simili, meta nitgħallmu dwar kif Ġeħova jaħseb u x’għamel fil-passat, aħna se nkunu nafu xi jridna nagħmlu f’sitwazzjonijiet differenti.
KIF TISTAʼ SSIR TAF X’JAĦSEB ĠEĦOVA?
11. Liema mistoqsijiet nistgħu nistaqsu lilna nfusna meta naqraw jew nistudjaw il-Bibbja? (Ara l-kaxxa “ Meta tistudja l-Bibbja, saqsi lilek innifsek.”)
11 Kif nistgħu nsiru nafu x’jaħseb Ġeħova? L-iktar ħaġa importanti li nistgħu nagħmlu hi li naqraw u nistudjaw il-Bibbja b’mod regulari. Waqt li qed nagħmlu dan, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Dan x’jgħallimni dwar Ġeħova? Għala aġixxa b’dan il-mod?’ U bħal David, aħna għandna bżonn ukoll nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nsiru nafuh aħjar. David kiteb: “Għarrafni triqatek, O Ġeħova; għallimni mogħdijietek. Mexxini fil-verità tiegħek u għallimni, għax int Alla tas-salvazzjoni Salm 25:4, 5) Meta nitgħallmu xi ħaġa dwar Ġeħova, aħna nistgħu naħsbu dwar sitwazzjonijiet fejn nistgħu nużaw din l-informazzjoni. Nistgħu nużawha fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, jew fil-ministeru? Meta naħsbu fuq sitwazzjoni speċifika, se jkun eħfef għalina biex inkunu nafu kif Ġeħova jridna nużaw din l-informazzjoni.
tiegħi. Fik ittamajt il-jum kollu.” (Biex insiru nafu x’jaħseb Ġeħova, għandna naqraw u nistudjaw il-Bibbja b’mod regulari
12. Il-letteratura u l-laqgħat tagħna, kif jistgħu jgħinuna nsiru nafu x’jaħseb Ġeħova dwar kwistjonijiet varji?
12 Mod ieħor kif insiru nafu kif jaħsibha Ġeħova hu billi nagħtu attenzjoni mill-qrib għal dak li l-organizzazzjoni tiegħu tgħallimna minn fuq il-Bibbja. Pereżempju, meta jkollna deċiżjoni x’nieħdu, il-Librerija Onlajn u l-Gwida għall-Pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova jistgħu jgħinuna nsiru nafu x’jaħseb Ġeħova. Nistgħu nibbenefikaw ukoll mil-laqgħat tagħna meta noqogħdu attenti u nikkummentaw u anki meta nimmeditaw fuq dak li nkunu qed niġu mgħallma. Dan se jgħinna nitgħallmu naħsbu kif Ġeħova jaħseb. B’hekk, aħna se nkunu kapaċi nieħdu
deċiżjonijiet li se jferrħuh, u li hu se jbierek.IMMEDITA FUQ DAK LI JAĦSEB ĠEĦOVA QABEL MA TIEĦU DEĊIŻJONI
13. Agħti eżempju dwar kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet għaqlin meta nikkunsidraw x’jaħseb Ġeħova.
13 Ejja nagħtu ħarsa lejn eżempju taʼ kif nistgħu nieħdu deċiżjoni għaqlija meta nikkunsidraw x’jaħseb Ġeħova. Forsi tixtieq taqdi bħala pijunier. Għandu mnejn diġà għamilt xi bidliet f’ħajtek biex tkun tistaʼ tqattaʼ iktar ħin fil-ministeru. Imma xorta għadek m’intix ċert jekk intix ħa tkun verament ferħan b’inqas flus u affarijiet. Ovvjament, il-Bibbja ma tgħidx li aħna rridu nkunu pijunieri biex naqdu lil Ġeħova. Aħna nistgħu nkomplu naqduh lealment bħala pubblikaturi. Imma mill-banda l-oħra, Ġesù qal li Ġeħova jbierek lil dawk li jagħmlu sagrifiċċji għas-Saltna. (Aqra Luqa 18:29, 30.) Il-Bibbja tgħid ukoll li Ġeħova hu kuntent meta aħna nagħmlu l-almu tagħna biex infaħħruh, u hu jridna nkunu ferħanin li qed naqduh. (Salm 119:108; 2 Korintin 9:7) Meta nitolbu dwar dawn l-affarijiet u nimmeditaw fuqhom, nistgħu nieħdu deċiżjoni li hi prattika fis-sitwazzjoni tagħna u deċiżjoni li Ġeħova se jbierek.
14. Kif tistaʼ tiddetermina jekk ċertu stil taʼ lbies jogħġobx lil Ġeħova?
14 Ħa nieħdu eżempju ieħor: Int vera jogħġbok ċertu stil taʼ lbies, imma taf li wħud fil-kongregazzjoni jistgħu jitfixklu jekk inti tilbes hekk. Barra minn hekk, il-Bibbja ma ssemmi xejn dwar dan l-istil speċifiku. Allura kif tistaʼ tkun taf x’jaħseb Ġeħova? Il-Bibbja tgħidilna li n-nisa għandhom “jiżżejnu bi lbies adattat, bil-modestja u b’moħħ f’loku, mhux bi stili taʼ xagħar immaljat u deheb jew perli jew ħwejjeġ li jiswew ħafna flus, imma bil-mod li jixraq lil nisa li jgħidu li jqimu lil Alla, jiġifieri, b’għemejjel tajbin.” (1 Timotju 2:9, 10) Ovvjament, kull qaddej taʼ Ġeħova, inkluż l-irġiel, jistgħu jitgħallmu minn dan il-kliem. Meta nkunu modesti, aħna naħsbu kif ħaddieħor jistaʼ jħossu dwar il-ħwejjeġ li nagħżlu biex nilbsu. U għax inħobbu lil ħutna, aħna nevitaw li nfixkluhom. (1 Korintin 10:23, 24; Filippin 3:17) Jekk nikkunsidraw x’tgħid il-Bibbja u kif jaħseb Ġeħova, nistgħu nieħdu deċiżjonijiet li jferrħuh.
15, 16. (a) Ġeħova kif iħossu jekk nibqgħu naħsbu dwar affarijiet immorali? (b) Meta nkunu qed nagħżlu d-divertiment, kif nistgħu nkunu nafu x’jogħġob lil Ġeħova? (ċ) Kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet importanti ħafna?
15 Mill-Bibbja, aħna nitgħallmu li Ġeħova jħossu mnikket u mweġġaʼ ħafna meta n-nies jagħmlu affarijiet mill-agħar u jaħsbu dwar affarijiet ħżiena. (Aqra Ġenesi 6:5, 6.) Dan jurina b’mod ċar li Ġeħova ma jridniex niffantasizzaw fuq affarijiet immorali. Fil-fatt, jekk nibqgħu naħsbu fuq dawn l-affarijiet, nistgħu nispiċċaw nagħmluhom. Minflok, Ġeħova jridna naħsbu fuq affarijiet safjin u tajbin. Id-dixxiplu Ġakbu kiteb li l-għerf taʼ Ġeħova “hu l-ewwelnett safi, imbagħad iġib il-paċi, hu raġunevoli, lest li jobdi, mimli ħniena u frott tajjeb, ma jagħmilx distinzjonijiet parzjali, mhux ipokrita.” (Ġakbu 3:17) Għalhekk, il-Bibbja tgħallimna li għandna nevitaw kull divertiment li jistaʼ jġegħelna nimmaġinaw jew nixxennqu għal affarijiet ħżiena jew mhux nodfa. U jekk nifhmu b’mod ċar xi jħobb u x’jobgħod Ġeħova, se jkun iktar faċli għalina biex inkunu nafu liema kotba, films jew logħob se nagħżlu. Ma jkollniex għalfejn nistaqsu lil oħrajn x’għandna nagħmlu.
16 Meta jkollna nieħdu deċiżjoni, ġeneralment hemm diversi għażliet minn fejn nistgħu nagħżlu li se jferrħu lil Ġeħova. Imma meta jkollna nieħdu deċiżjoni importanti ħafna, ikun aħjar jekk nistaqsu anzjan jew xi oħt jew ħu taʼ esperjenza biex jagħtina xi pariri. (Titu 2:3-5; Ġakbu 5:13-15) Ċertament, m’għandniex nistaqsu lil din il-persuna biex tieħu deċiżjoni għalina. Minflok, aħna rridu naħsbu sew dwar x’nafu mill-Bibbja u mbagħad nieħdu deċiżjoni għalina. (Ebrej 5:14) L-appostlu Pawlu qal: “Kull wieħed iġorr it-tagħbija [jew ir-responsabbiltà] tiegħu.”—Galatin 6:5.
17. Kif se nibbenefikaw meta nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova?
17 Meta nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova, aħna nersqu eqreb lejh u jkollna l-approvazzjoni u l-barka tiegħu. (Ġakbu 4:8) Imbagħad il-fidi tagħna f’Ġeħova ssir iktar b’saħħitha. Għalhekk, ejja nimmeditaw fuq dak li naqraw fil-Bibbja ħalli nkunu nistgħu nifhmu kif jaħseb hu. Ovvjament, dejjem se jkollna xi ħaġa ġdida x’nitgħallmu dwar Ġeħova. (Ġob 26:14) Imma jekk naħdmu iebes biex nitgħallmu dwaru issa, se nsiru għorrief u se nkunu kapaċi nieħdu deċiżjonijiet tajbin. (Proverbji 2:1-5) L-ideat u l-pjanijiet tan-nies jinbidlu, imma Ġeħova qatt ma jinbidel. Is-salmista qal: “L-iskop taʼ Ġeħova se jibqaʼ għal dejjem; il-ħsibijiet taʼ qalbu ma jinbidlux minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.” (Salm 33:11) B’mod ċar, nistgħu nieħdu l-aqwa deċiżjonijiet meta naħsbu bil-mod kif Ġeħova jaħseb u mbagħad nagħmlu dak li jogħġob lilu.