Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kunu determinati li ‘tkomplu turu mħabbitkom lejn l-aħwa’!

Kunu determinati li ‘tkomplu turu mħabbitkom lejn l-aħwa’!

“Komplu uru mħabbitkom lejn l-​aħwa.”—EBREJ 13:1.

GĦANJIET: 72, 119

1, 2. Pawlu għala kiteb ittra lill-​Kristjani Ebrej?

FIS-​sena 61 wara Kristu (WK), il-​kongregazzjonijiet fl-​Iżrael kollu kienu qed igawdu ċerta paċi. Għalkemm l-​appostlu Pawlu kien il-​ħabs f’Ruma, hu ttama li jkun meħlus mingħajr dewmien. Timotju, li kien qed jivvjaġġa miegħu, kien għadu kif ġie meħlus mill-​ħabs, u flimkien ittamaw li jżuru l-​aħwa fil-​Lhudija. (Ebrej 13:23) Madankollu, f’ħames snin biss, il-​Kristjani fil-​Lhudija, u speċjalment dawk li kienu qed jgħixu f’Ġerusalemm, kellhom jaġixxu minnufih. Għala? Iktar kmieni, Ġesù kien qal lis-​segwaċi tiegħu li hekk kif jaraw lil Ġerusalemm imdawra bis-​suldati, kien se jkollhom bżonn jaħarbu.—Luqa 21:20-​24.

2 Kienu għaddew 28 sena minn mindu Ġesù ta din it-​twissija lis-​segwaċi tiegħu. Matul dak iż-​żmien, il-​Kristjani fl-​Iżrael baqgħu leali minkejja li kellhom ħafna persekuzzjoni u għaddew minn ħafna provi. (Ebrej 10:32-​34) Imma Pawlu ried jippreparahom għal dak li kien se jiġri fil-​futur. Dalwaqt kienu se jesperjenzaw waħda mill-​akbar provi tal-​fidi tagħhom. (Mattew 24:20, 21; Ebrej 12:4) Kien se jkollhom bżonn jissaportu u jafdaw iktar minn qatt qabel biex jobdu l-​kliem taʼ Ġesù taʼ li jaħarbu. Ħajjithom kienet se tiddependi minn kemm kellhom fidi. (Aqra Ebrej 10:36-​39.) B’hekk, Ġeħova nebbaħ lil Pawlu biex jikteb lil dawn l-​aħwa għeżież. Din l-​ittra, li llum tiġi msejħa l-​ktieb tal-​Ebrej, inkitbet bl-​iskop li ssaħħaħhom għal dak li kien se jiġri.

3. Għala għandna nkunu interessati fil-​ktieb tal-​Ebrej?

3 Bħala l-​poplu t’Alla tal-​lum, għandna nkunu interessati fil-​ktieb tal-​Ebrej. Għala? Għax is-​sitwazzjoni tagħna hi simili għal dik tal-​Kristjani fil-​Lhudija. Aħna qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” u ħafna qed jissaportu b’lealtà kull tip taʼ prova u persekuzzjoni. (2 Timotju 3:1, 12) Imma l-​maġġorparti minna jgawdu ċirkustanzi paċifiċi u m’għandhomx persekuzzjoni diretta. Allura, bħall-​Kristjani taʼ żmien Pawlu, hemm bżonn li noqogħdu attenti ħafna. Għala? Dalwaqt se nesperjenzaw l-​akbar prova tal-​fidi tagħna!—Aqra Luqa 21:34-​36.

4. X’inhi l-​iskrittura għas-​sena 2016, u għala hi addattata?

4 X’se jgħinna nippreparaw għal din il-​ġrajja fil-​futur? Fil-​ktieb tal-​Ebrej, Pawlu semma ħafna affarijiet li jgħinu biex tissaħħaħ il-​fidi tagħna. Tfakkira importanti ħafna għalina tinsab f’​Ebrej 13:1. Din tinkuraġġina: “Komplu uru mħabbitkom lejn l-​aħwa.” Dan il-​vers intgħażel biex ikun l-​iskrittura għas-​sena 2016.

L-​iskrittura għas-​sena 2016: “Komplu uru mħabbitkom lejn l-​aħwa.” —Ebrej 13:1

X’INHI L-​IMĦABBA LEJN L-​AĦWA?

5. X’inhi l-​imħabba lejn l-​aħwa?

5 X’inhi l-​imħabba lejn l-​aħwa? Imħabba lejn l-​aħwa hu sentiment kbir t’affezzjoni bejn il-​membri tal-​familja jew ħbieb tal-​qalb. (Ġwanni 11:36) Ma nagħmlux tabirruħna li aħna aħwa rġiel u nisa. Imma aħna aħwa rġiel u nisa fil-​veru sens tal-​kelma. (Mattew 23:18) Pawlu jgħid: “Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-​aħwa. Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” (Rumani 12:10) Dan il-​kliem juri kemm hi b’saħħitha l-​affezzjoni tagħna għall-​ħutna. Din l-​imħabba lejn l-​aħwa, flimkien maʼ mħabba bbażata fuq prinċipji Kristjani, tgħin lin-​nies t’Alla biex ikunu ħbieb tal-​qalb maʼ xulxin u magħqudin.

6. Kristjani veri kif jifhmu l-​espressjoni ‘mħabba lejn l-​aħwa’?

6 L-​espressjoni ‘mħabba lejn l-​aħwa’ tinsab l-​iktar fil-​letteratura Kristjana. Għal-​Lhud tal-​imgħoddi, il-​kelma “aħwa” normalment kienet tirreferi għal qarib tal-​familja u kultant għal xi ħadd li ma jiġix minnhom. Imma qatt ma kienet tinkludi lil xi ħadd li ma kienx Lhudi. Madankollu, bħala Kristjani veri, l-​“aħwa” tagħna huma l-​Kristjani veri kollha, ġejjin minn fejn ġejjin. (Rumani 10:12) Ġeħova għallimna nħobbu lil xulxin bħal aħwa. (1 Tessalonikin 4:9) Imma għala hu importanti li nkomplu nuru mħabba lejn l-​aħwa?

GĦALA HU TANT IMPORTANTI LI NKOMPLU NURU L-​IMĦABBA LEJN L-​AĦWA?

7. (a) X’inhi l-​akbar raġuni importanti għala nuru mħabba lejn l-​aħwa? (b) Agħti raġuni oħra għala hu importanti li nsaħħu l-​affezzjoni tagħna għal xulxin.

7 L-​akbar raġuni importanti għala nuru mħabba lejn l-​aħwa hi li Ġeħova stess jgħidilna biex nagħmlu dan. Ma nistgħux inħobbu verament lil Ġeħova jekk nirrifjutaw li nħobbu lil ħutna. (1 Ġwanni 4:7, 20, 21) Raġuni oħra hi li għandna bżonn lil xulxin, speċjalment matul żminijiet diffiċli. Meta Pawlu kiteb l-​ittra tiegħu lill-​Kristjani Ebrej, kien jaf li xi wħud ma kienx fadlilhom ħafna żmien biex jitilqu d-​djar tagħhom u l-​affarijiet personali tagħhom. Ġesù kien iddeskriva kemm kien se jkun diffiċli dan iż-​żmien. (Marku 13:14-​18; Luqa 21:21-​23) Allura, qabel ma wasal dak iż-​żmien, dawk il-​Kristjani kellhom bżonn isaħħu l-​imħabba li kellhom għal xulxin.—Rumani 12:9.

Hemm bżonn insaħħu l-​imħabba li għandna lejn ħutna issa stess għax dan se jgħinna nissaportu kull prova li għandu mnejn niffaċċjaw fil-​futur

8. X’hemm bżonn nagħmlu issa qabel tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira?

8 L-​akbar tribulazzjoni fl-​istorja umana daqt tasal. (Marku 13:19; Rivelazzjoni 7:1-​3) Hemm bżonn li nobdu l-​parir: “Mur, poplu tiegħi, idħol fil-​kmamar taʼ ġewwa tiegħek, u agħlaq il-​bibien tiegħek warajk. Inħeba għal mument wieħed sakemm tgħaddi l-​kundanna.” (Isaija 26:20) Dawn “il-​kmamar taʼ ġewwa” jistgħu jirreferu għall-​kongregazzjonijiet tagħna. Dan hu l-​post fejn inqimu lil Ġeħova maʼ ħutna rġiel u nisa. Imma hemm bżonn iktar milli niltaqgħu flimkien b’mod regulari biss. Pawlu fakkar lill-​Kristjani Ebrej li għandhom jinkuraġġixxu lil xulxin biex juru mħabba u biex jagħmlu l-​ġid maʼ xulxin. (Ebrej 10:24, 25) Hemm bżonn insaħħu l-​imħabba li għandna lejn ħutna issa stess għax dan se jgħinna nissaportu kull prova li għandu mnejn niffaċċjaw fil-​futur.

9. (a) Illum liema opportunitajiet għandna biex nuru mħabba lejn ħutna? (b) Agħti eżempji taʼ kif in-​nies taʼ Ġeħova wrew imħabba lejn l-​aħwa.

9 Anki llum għandna ħafna opportunitajiet biex nuru mħabba lejn ħutna qabel tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira. Ħafna minn ħutna jsofru minħabba terremoti, għargħar, uragani, jew diżastri naturali oħra. Xi aħwa jissaportu persekuzzjoni. (Mattew 24:6-​9) U hemm diffikultajiet ekonomiċi taʼ kuljum minħabba li d-​dinja li qed ngħixu fiha hi korrotta. (Rivelazzjoni 6:5, 6) Madankollu, iktar ma ħutna jkollhom problemi, iktar ikollna opportunitajiet biex nuru kemm inħobbuhom. Għalkemm din id-​dinja ma turix imħabba, hemm bżonn li nkomplu nuru mħabba lejn l-​aħwa. (Mattew 24:12) [1]—Ara n-​nota fl-​aħħar.

KIF NISTGĦU NKOMPLU NURU MĦABBA LEJN ĦUTNA?

10. X’se neżaminaw issa?

10 Minkejja l-​problemi li għandna, kif nistgħu nagħmlu ċert li nkomplu nuru mħabba lejn l-​aħwa? Kif nistgħu nagħtu prova li għandna din it-​tip taʼ affezzjoni għal ħutna? Wara li jgħid “komplu uru mħabbitkom lejn l-​aħwa,” l-​appostlu Pawlu semma ħafna modi taʼ kif Kristjan jistaʼ jagħmel dan. Issa ħalli neżaminaw sitta minnhom.

11, 12. Xi jfisser li nuru ospitalità? (Ara l-​ewwel stampa.)

11 “Tinsewx l-​ospitalità.” (Aqra Ebrej 13:2.) Xi tfisser il-​kelma “ospitalità”? Il-​kelma li uża Pawlu letteralment tfisser “qalb tajba maʼ stranġieri.” Forsi din l-​espressjoni tfakkarna f’Abraham u Lot. Dawn iż-​żewġt irġiel urew qalb tajba mal-​viżitaturi li ma kinux jafuhom. Maż-​żmien, Abraham u Lot tgħallmu li dawn l-​istranġieri fir-​realtà kienu anġli. (Ġenesi 18:2-​5; 19:1-​3) Dawn l-​eżempji inkuraġġew lill-​Kristjani Ebrej biex juru mħabba lejn l-​aħwa billi jkunu ospitabbli.

12 Kif nistgħu nuru ospitalità lejn oħrajn? Aħna nistgħu nistiednu lil ħutna rġiel u nisa d-​dar tagħna għal ikla jew għal xi inkuraġġiment. Għalkemm forsi ma nafux sew l-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet tagħna u martu, nistgħu nistidnuhom meta jagħmlu ż-​żjara tal-​kongregazzjoni tagħna. (3 Ġwanni 5-​8) M’hemmx għalfejn nagħmlu xi ikla kbira jew nonfqu ħafna flus. Il-​mira tagħna hi li ninkuraġġixxu lil ħutna, u mhux li nimpressjonawhom b’dak li għandna. U m’għandniex nistiednu biss lil dawk li jistgħu jpattuhielna b’xi ħaġa tajba. (Luqa 10:42; 14:12-​14) L-​iktar importanti hu li qatt ma nkunu tant medhijin li ninsew nuru ospitalità!

13, 14. Kif nistgħu ‘nżommu f’moħħna lil dawk li qegħdin marbutin fil-​ħabs’?

13 “Żommu f’moħħkom lil dawk li qegħdin marbutin fil-​ħabs.” (Aqra Ebrej 13:3.) Meta Pawlu kiteb dan, kien qed jirreferi għall-​aħwa fil-​ħabs minħabba l-​fidi tagħhom. Pawlu faħħar lill-​aħwa fil-​kongregazzjoni għax urew “simpatija lejn dawk fil-​ħabs.” (Ebrej 10:34) Xi aħwa għenu lil Pawlu matul l-​erbaʼ snin li kien il-​ħabs, imma oħrajn kienu jgħixu ’l bogħod. Kif setgħu jgħinu lil Pawlu? Huma setgħu jkomplu jitolbu mill-​qalb għalih.—Filippin 1:12-​14; Ebrej 13:18, 19.

Nistgħu nitolbu għall-​aħwa rġiel, nisa, u saħansitra tfal li huma l-​ħabs fl-​Eritrea

14 Illum, ħafna Xhieda jinsabu l-​ħabs minħabba l-​fidi tagħhom. Aħwa rġiel u nisa li jgħixu viċin tagħhom jistgħu jgħinuhom b’affarijiet prattiċi. Imma ħafna minna jgħixu ’l bogħod minn dawn li qegħdin il-​ħabs. Kif nistgħu ngħinuhom u ma ninsewhomx? L-​imħabba lejn l-​aħwa se timmotivana nitolbu mill-​qalb għalihom. Pereżempju, nistgħu nitolbu mill-​qalb għall-​aħwa rġiel, nisa, u saħansitra tfal li huma l-​ħabs fl-​Eritrea. Fosthom hemm ħutna rġiel Paulos Eyassu, Isaac Mogos, u Negede Teklemariam, li għadhom fil-​ħabs wara 20 sena.

15. Kif nistgħu nonoraw iż-​żwieġ tagħna?

15 “Ħa jkun iż-​żwieġ onorabbli għal kulħadd.” (Aqra Ebrej 13:4.) Barra minn hekk, aħna nistgħu nuru mħabba lejn l-​aħwa billi nkunu nodfa moralment. (1 Timotju 5:1, 2) Pereżempju, kieku kellna nikkommettu l-​immoralità sesswali maʼ ħu jew oħt, inkunu qed inweġġgħu lil dik il-​persuna u l-​familja tagħha. Il-​fiduċja li għandna fost ħutna titħassar. (1 Tessalonikin 4:3-​8) Aħseb ukoll kif mara miżżewġa tħossha li kieku tiskopri li żewġha qed jara l-​pornografija. Se tħoss li żewġha jħobbha u jirrispetta l-​arranġament taż-​żwieġ?—Mattew 5:28.

16. Il-​kuntentizza kif tgħinna nuru mħabba lejn l-​aħwa?

16 Kunu “kuntenti b’dak li għandkom fil-​preżent.” (Aqra Ebrej 13:5.) Il-​fiduċja f’Ġeħova se tgħinna nkunu kuntenti, jiġifieri, li nkunu sodisfatti b’dak li għandna. Dan kif jgħinna nuru mħabba lejn l-​aħwa? Meta nkunu kuntenti, se niftakru li l-​aħwa rġiel u nisa Kristjani huma ħafna iktar importanti mill-​flus jew l-​affarijiet. (1 Timotju 6:6-​8) Aħna mhux se ngergru dwar ħutna jew dwar is-​sitwazzjoni taʼ ħajjitna. U mhux se ngħiru għal oħrajn jew inkunu xħaħ. Minflok, meta nkunu kuntenti, se nkunu ġenerużi.—1 Timotju 6:17-​19.

17. Il-​fatt li nkunu “mimlijin kuraġġ,” kif jgħinna nuru mħabba lejn l-​aħwa?

17 Kunu “mimlijin kuraġġ.” (Aqra Ebrej 13:6.) Il-​fiduċja f’Ġeħova tagħtina l-​kuraġġ biex nissaportu provi diffiċli. Dan il-​kuraġġ jgħinna biex ikollna attitudni pożittiva. U meta nkunu pożittivi, inkunu nistgħu nuru mħabba lejn ħutna billi ninkuraġġixxu u nfarrġu lil ħutna rġiel u nisa. (1 Tessalonikin 5:14, 15) Anki wara t-​tribulazzjoni l-​kbira, nistgħu nkunu kuraġġużi, minħabba l-​fatt li nafu li l-​ħelsien tagħna hu qrib.—Luqa 21:25-​28.

Nistgħu nkunu kuraġġużi, minħabba l-​fatt li nafu li l-​ħelsien tagħna hu qrib

18. Kif nistgħu nsaħħu l-​imħabba lejn l-​anzjani tagħna?

18 “Ftakru f’dawk li qed imexxu fostkom.” (Aqra Ebrej 13:7, 17.) L-​anzjani fil-​kongregazzjoni tagħna jużaw mill-​ħin personali tagħhom biex jaħdmu iebes għalina. Meta naħsbu dwar dak kollu li jagħmlu, l-​imħabba u l-​apprezzament tagħna għalihom jikbru. Aħna qatt ma rriduhom jitilfu l-​ferħ jew isiru frustrati minħabba xi ħaġa li nkunu għamilna. Minflok, irridu li nobdu mill-​qalb. B’dan il-​mod ‘nuruhom konsiderazzjoni kbira bl-​imħabba għax-​xogħol tagħhom.’—1 Tessalonikin 5:13.

Tapprezza x-xogħol li l-anzjani jagħmlu għalina? (Ara paragrafu 18)

‘IBQGĦU AGĦMLU DAN IKTAR BIS-​SĦIĦ’

19, 20. Kif nistgħu nkomplu nuru iktar imħabba lejn l-​aħwa?

19 In-​nies taʼ Ġeħova huma magħrufa għall-​imħabba li għandhom lejn l-​aħwa. L-​istess kien minnu fi żmien Pawlu. Imma Pawlu inkuraġġixxa l-​aħwa biex juru saħansitra iktar imħabba. Fil-​fatt hu qal: ‘Ibqgħu agħmlu dan iktar bis-​sħiħ.’ (1 Tessalonikin 4:9, 10) B’mod ċar, dejjem hemm fejn nitjiebu!

20 Allura, hekk kif inħarsu lejn l-​iskrittura għas-​sena fis-​Sala tas-​Saltna matul l-​2016, ejja ħalli nimmeditaw fuq dawn il-​mistoqsijiet: Nistaʼ nkun iktar ospitabbli? Kif nistaʼ ngħin lil ħuti fil-​ħabs? Nonora l-​arranġament t’Alla taż-​żwieġ? X’se jgħinni nkun verament kuntent? Kif nistaʼ nafda iktar f’Ġeħova? Jekk naħdmu biex nitjiebu f’dawn is-​sitt affarijiet, l-​iskrittura għas-​sena ma tkunx sempliċiment tabella mal-​ħajt; se tfakkarna biex nobdu l-​kliem taʼ Pawlu: “Komplu uru mħabbitkom lejn l-​aħwa.”—Ebrej 13:1.

^ [1] (paragrafu 9) Għal eżempji taʼ kif ix-​Xhieda taʼ Ġeħova wrew imħabba lejn l-​aħwa fi żminijiet taʼ diżastru, ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 2002, paġni 8-​9; u l-​kaxxa f’paġni 218-​219 tal-​ktieb Is-​Saltna t’Alla qed taħkem!