Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tqanqal mill-‘għotja b’xejn t’Alla li ma tistax tiġi deskritta’

Tqanqal mill-‘għotja b’xejn t’Alla li ma tistax tiġi deskritta’

“Grazzi lil Alla għall-​għotja b’xejn tiegħu li ma tistax tiġi deskritta.”—2 KORINTIN 9:15.

GĦANJIET: 12163

1, 2. (a) X’tinkludi l-​‘għotja b’xejn t’Alla li ma tistax tiġi deskritta’? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

ĠEĦOVA tana l-​akbar għotja, jew rigal, taʼ mħabba meta bagħat lil Ibnu l-​għażiż Ġesù, fuq l-​art! (Ġwanni 3:16; 1 Ġwanni 4:9, 10) L-​appostlu Pawlu sejjaħ dan ir-​rigal ‘għotja b’xejn li ma tistax tiġi deskritta.’ (2 Korintin 9:15) Pawlu għala uża din l-​espressjoni?

2 Pawlu kien jaf li s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù hu garanzija li l-​wegħdi mill-​isbaħ kollha t’Alla se jseħħu. (Aqra t-​2 Korintin 1:20.) Dan ifisser li l-​‘għotja b’xejn t’Alla li ma tistax tiġi deskritta’ tinkludi s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù u t-​tjubija kollha u l-​imħabba leali li Ġeħova jurina. Rigal prezzjuż bħal dan hu impossibbli li tiddeskrivih b’tali mod li aħna nistgħu nifhmuh għalkollox. Dan ir-​rigal speċjali kif għandu jeffettwana? U dan ir-​rigal kif għandu jqanqalna hekk kif nippreparaw għat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu nhar l-​Erbgħa, 23 taʼ Marzu 2016?

IR-​RIGAL SPEĊJALI T’ALLA

3, 4. (a) Kif tħossok meta xi ħadd jagħtik rigal? (b) Rigal speċjali kif għandu mnejn ibiddillek ħajtek?

3 Ilkoll nieħdu pjaċir meta xi ħadd jagħtina rigal. Imma xi rigali tant ikollhom tifsir kbir jew speċjali għalina li jistgħu jbiddlulna ħajjitna. Pereżempju, immaġina li ġejt involut f’att kriminali. Il-​kastig għal dan l-​att hu l-​mewt. Imma fid-​daqqa u l-​ħin, xi ħadd li ma tafux joffri ruħu biex jieħu l-​kastig minflokok. Hu lest li jmut għalik! Rigal speċjali bħal dan kif jeffettwak?

4 Dan ir-​rigal speċjali u mogħti bi mħabba jġiegħlek tagħmel bidliet f’ħajtek. Aktarx, se tħossok imqanqal ukoll li tkun trid tagħti u tħobb iktar lil oħrajn u li taħfer lil kull min ma weriex qalb tajba miegħek. Għall-​kumplament taʼ ħajtek, tkun trid turi li int grat għas-​sagrifiċċju li jkun sar għalik.

5. Ir-​rigal li Alla ħallas tal-​fidwa kif inhu ħafna ikbar minn kwalunkwe rigal ieħor?

5 Ir-​rigal li Alla ħallas tal-​fidwa hu ħafna ikbar mir-​rigal li ssemma fl-​eżempju. (1 Pietru 3:18) Aħseb dwar dan: Ilkoll kemm aħna writna d-​dnub minn Adam, u l-​kastig tad-​dnub hu l-​mewt. (Rumani 5:12) L-​imħabba qanqlet lil Ġeħova biex jibgħat lil Ġesù fuq l-​art ħalli jmut għan-​nies kollha, jiġifieri biex “iduq il-​mewt għal kull bniedem.” (Ebrej 2:9) Imma s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù se jagħmel saħansitra iktar minn hekk! Se jeqred il-​mewt għal dejjem. (Isaija 25:7, 8; 1 Korintin 15:22, 26) Dawk kollha li juru fidi f’Ġesù se jgħixu f’paċi u jkunu kuntenti għal dejjem, kemm jekk ikunu slaten maʼ Kristu fis-​sema u kemm jekk ikunu ċittadini tas-​Saltna t’Alla fuq l-​art. (Rumani 6:23; Rivelazzjoni 5:9, 10) X’barkiet oħra huma inklużi fir-​rigal taʼ Ġeħova?

6. (a) Għal liema barkiet mir-​rigal taʼ Ġeħova qed tħares ’il quddiem? (b) Semmi tliet affarijiet li l-​għotja t’Alla se tqanqalna nagħmlu.

6 Bħala parti mir-​rigal t’Alla, l-​art se ssir ġenna, il-​morda se jfiqu, u l-​mejtin se jirxoxtaw. (Isaija 33:24; 35:5, 6; Ġwanni 5:28, 29) Aħna nħobbu lil Ġeħova u lill-​għażiż Ibnu talli tawna din ‘l-​għotja b’xejn li ma tistax tiġi deskritta.’ Din l-​għotja x’se tqanqalna nagħmlu? Din se tqanqalna (1) biex nimitaw lil Kristu Ġesù mill-​qrib, (2) biex inħobbu lil ħutna, u (3) biex naħfru lil oħrajn mill-​qalb.

“L-​IMĦABBA LI GĦANDU L-​KRISTU ĠĠEGĦELNA”

7, 8. Kif għandna nħossuna dwar l-​imħabba taʼ Kristu, u din x’għandha tqanqalna nagħmlu?

7 L-​ewwel, irridu nħossuna mqanqlin biex nużaw ħajjitna b’tali mod li tonora lil Ġesù. L-​appostlu Pawlu qal: “L-​imħabba li għandu l-​Kristu ġġegħelna.” (Aqra t-​2 Korintin 5:14, 15.) Pawlu kien jaf li jekk naċċettaw l-​imħabba kbira taʼ Ġesù, din se ġġegħelna, jiġifieri tqanqalna, biex inħobbu u nonoraw lil Ġesù. Iva, meta nifhmu għalkollox dak li Ġeħova għamel għalina, l-​imħabba tiegħu tqanqalna ngħixu b’tali mod li juri li nonoraw lil Ġesù. Kif nistgħu nagħmlu dan?

8 L-​imħabba għal Ġeħova se tqanqalna nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù, billi nsegwu l-​passi tiegħu mill-​qrib. (1 Pietru 2:21; 1 Ġwanni 2:6) Meta nobdu lil Alla u lil Kristu, aħna nkunu qed nagħtu prova li nħobbuhom. Ġesù qal: “Min għandu l-​kmandamenti tiegħi u josservahom, dan iħobbni. U min iħobbni jkun maħbub minn Missieri, u jien inħobbu u nurih lili nnifsi b’mod ċar.”—Ġwanni 14:21; 1 Ġwanni 5:3.

9. Xi pressjonijiet għandna?

9 Matul dan l-​istaġun tat-​Tifkira, ikun tajjeb li nimmeditaw dwar kif qed nużaw ħajjitna. Allura saqsi lilek innifsek: ‘Kif qed nimita diġà lil Ġesù ? Fejn nistaʼ nitjieb?’ Huwa importanti li nsaqsu dawn il-​mistoqsijiet lilna nfusna għax in-​nies tad-​dinja jriduna ngħixu bħalhom. (Rumani 12:2) Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu nħossuna taħt pressjoni biex nibdew nimitaw l-​għalliema taʼ din id-​dinja jew saħansitra ċelebritajiet u nies famużi fl-​isports. (Kolossin 2:8; 1 Ġwanni 2:15-​17) Kif nistgħu nirreżistu pressjoni bħal din?

10. X’mistoqsijiet nistgħu nsaqsu lilna nfusna matul dan l-​istaġun tat-​Tifkira, u t-​tweġibiet x’għandhom mnejn iqanqluna nagħmlu? (Ara l-​ewwel stampa.)

10 Ikun tajjeb li nieħdu l-​ħin matul l-​istaġun tat-​Tifkira biex neżaminaw il-​ħwejjeġ tagħna, il-​films li naraw, il-​mużika li nisimgħu, u kif ukoll x’għandna fuq il-​kompjuter, mowbajl, jew tablet. Saqsi lilek innifsek: ‘Kont nimbarazza ruħi li kieku Ġesù kien hawn u jara x’jien liebes?’ (Aqra l-​1 Timotju 2:9, 10.) ‘Ħwejġi juru li jien segwaċi taʼ Kristu? Kieku Ġesù ħa jieħu pjaċir jara l-​films li qed nara jien? Se joqgħod jismaʼ l-​mużika tiegħi? Jekk Ġesù jissellef il-​mowbajl jew it-​tablet tiegħi, se nħossni skomdu b’dak li jara? Ikun diffiċli biex nispjega lil Ġesù għala qed nieħu pjaċir bil-​logħob li qed nilgħab?’ L-​imħabba li għandna għal Ġeħova għandha tqanqalna narmu kwalunkwe ħaġa li ma tkunx addattata għal Kristjan, tqum kemm tqum flus. (Atti 19:19, 20) Meta ddedikajna ħajjitna lil Ġeħova, wegħedna li l-​ħajja tagħna se nużawha biex tonora lil Kristu. Allura, m’għandna nżommu xejn li jistaʼ jagħmilhielna diffiċli biex nimitaw lil Ġesù.—Mattew 5:29, 30; Filippin 4:8.

11. (a) L-​imħabba tagħna għal Ġeħova u Ġesù, kif tqanqalna biex nippritkaw? (b) L-​imħabba li għandna kif tistaʼ tqanqalna ngħinu lil oħrajn fil-​kongregazzjoni?

11 L-​imħabba tagħna għal Ġesù tqanqalna nippritkaw u ngħallmu b’żelu. (Mattew 28:19, 20; Luqa 4:43) Matul l-​istaġun tat-​Tifkira, tistaʼ int tirranġa l-​ħajja taʼ kuljum tiegħek ħalli tkun tistaʼ taqdi bħala pijunier awżiljarju u b’hekk tqattaʼ 30 jew 50 siegħa tipprietka? Raġel armel li kellu 84 sena ħaseb li ma setax jaqdi bħala pijunier minħabba l-​età u s-​saħħa batuta tiegħu. Imma l-​pijunieri tal-​akkwata tiegħu riedu jgħinuh. Huma pprovdewlu trasport u għażlu territorju addattat għalih. B’hekk, il-​ħu laħaq il-​mira tiegħu taʼ 30 siegħa. Tistaʼ tgħin lil xi ħadd fil-​kongregazzjoni tiegħek biex ikun jistaʼ jaqdi bħala pijunier awżiljarju f’Marzu jew April? Huwa minnu li mhux kulħadd jistaʼ jaqdi bħala pijunier, imma nistgħu nużaw il-​ħin u l-​enerġija tagħna biex inżidu fis-​servizz tagħna lil Ġeħova. Jekk nagħmlu hekk, bħal Pawlu, nuru li aħna mqanqlin mill-​imħabba taʼ Ġesù. L-​imħabba t’Alla xi tqanqalna nagħmlu iktar?

OBBLIGATI LI NĦOBBU LIL XULXIN

12. L-​imħabba t’Alla xi tqanqalna nagħmlu?

12 It-​tieni, l-​imħabba t’Alla għandha tqanqalna nħobbu lil ħutna. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Maħbubin, jekk Alla ħabbna b’dan il-​mod, mela aħna għandna l-​obbligu li nħobbu lil xulxin.” (1 Ġwanni 4:7-​11) Allura, jekk irridu li nkunu maħbubin minn Alla, għandna nagħrfu li hu obbligu tagħna li nħobbu lil ħutna. (1 Ġwanni 3:16) Kif nistgħu nuru li nħobbuhom?

13. Ġesù x’eżempju ħalla f’li jħobb lil oħrajn?

13 L-​eżempju taʼ Ġesù jurina kif nistgħu nħobbu lil oħrajn. Meta kien fuq l-​art, hu għen lin-​nies, speċjalment lil dawk umli. Hu fejjaq lil morda, zopop, għomja, muti, u lil dawk neqsin mis-​smigħ. (Mattew 11:4, 5) Għall-​kuntrarju tal-​mexxejja reliġjużi, Ġesù ħa pjaċir jgħallem nies li riedu jitgħallmu dwar Alla. (Ġwanni 7:49) Hu ħabb lil dawn in-​nies umli u ħadem iebes biex jgħinhom.—Mattew 20:28.

Tistaʼ tgħin lil ħu jew oħt avvanzata fl-età fil-ministeru? (Ara paragrafu 14)

14. X’tistaʼ tagħmel biex turi mħabba għal ħutek?

14 Barra minn hekk, l-​istaġun tat-​Tifkira hu żmien tajjeb biex taħseb dwar kif tistaʼ tgħin lil aħwa rġiel u nisa fil-​kongregazzjoni tiegħek, speċjalment dawk akbar fl-​età. Tistaʼ żżur lil dawn l-​għeżież? Tistaʼ tiħdilhom xi ħaġa x’jieklu, tgħinhom fil-​faċendi tad-​dar, toffri li tiħodhom il-​laqgħa, jew tistidinhom biex jaħdmu miegħek fil-​ministeru? (Aqra Luqa 14:12-​14.) Ħalli l-​imħabba t’Alla tqanqlek turi mħabba għal ħutek!

URU ĦNIENA MAL-​AĦWA

15. X’hemm bżonn li nifhmu?

15 It-​tielet, l-​imħabba li Ġeħova għandu għalina tqanqalna naħfru lil ħutna rġiel u nisa. Kulħadd wiret id-​dnub u l-​mewt minn Adam, u allura ħadd ma jistaʼ jgħid, “M’għandix bżonn il-​fidwa.” Anki l-​iktar qaddej leali t’Alla għandu bżonn l-​għotja tal-​fidwa. Kull wieħed minna nħafirlu balla dejn! Għala hu importanti li tifhem dan? It-​tweġiba nsibuha f’waħda mit-​tixbihat taʼ Ġesù.

16, 17. (a) X’għandna nitgħallmu mit-​tixbiha taʼ Ġesù tas-​sultan u l-​ilsiera? (b) Wara li timmedita fuq it-​tixbiha taʼ Ġesù, x’int determinat li tagħmel?

16 Ġesù ta tixbiha dwar sultan li ħafer lill-​ilsir tiegħu dejn enormi taʼ 60,000,000 dinar. Iżda iktar tard, dan l-​ilsir ma ħafirx l-​ilsir sieħbu ammont taʼ dejn li kien ħafna iżgħar—100 dinar biss. Il-​ħniena tas-​sultan imissha qanqlet lill-​ilsir jaħfer lill-​ilsir sieħbu. Is-​sultan kien irrabjat meta semaʼ li l-​ilsir tiegħu ma ħafirx dejn li kien tant żgħir. Hu qal: “Ilsir mill-​agħar, jien ħfirtlek dak id-​dejn kollu meta tlabtni bil-​ħrara. Ma messekx int, mill-​banda l-​oħra, ġietek ħniena mill-​ilsir sieħbek, bħalma jien ukoll ġietni ħniena minnek?” (Mattew 18:23-​35, ara n-​nota taʼ taħt) Bħas-​sultan, Ġeħova ħafrilna dejn enormi. L-​imħabba u l-​ħniena taʼ Ġeħova, x’għandhom iqanqluna nagħmlu?

17 Hekk kif nippreparaw għat-​Tifkira, għandu mnejn insaqsu lilna nfusna: ‘Ġejt imweġġaʼ minn xi ħu? Insibha diffiċli biex naħfirlu?’ Jekk iva, dan hu żmien tajjeb biex timita lil Ġeħova, li ‘lest li jaħfer.’ (Neħemija 9:17; Salm 86:5) Jekk napprezzaw il-​ħniena kbira taʼ Ġeħova, aħna se nuru ħniena m’oħrajn u naħfrulhom mill-​qalb. Jekk ma nħobbux lil ħutna u ma naħfrulhomx, ma nistgħux nistennew li Ġeħova jħobbna u jaħfrilna. (Mattew 6:14, 15) Għalkemm meta naħfru ma nbiddlux il-​passat, aħna nistgħu nkunu ċerti li dan jistaʼ jbiddel il-​futur tagħna għall-​aħjar.

18. L-​imħabba li għandu Alla kif għenet lil Lily tittollera l-​imperfezzjonijiet taʼ oħt oħra?

18 Jistaʼ jkun diffiċli li dak li jkun jittollera l-​imperfezzjonijiet taʼ ħutna rġiel u nisa. (Aqra Efesin 4:32; Kolossin 3:13, 14.) Oħt li għamlet dan jisimha Lily. [1] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) Hi għenet armla jisimha Carol. Pereżempju, hi kienet twassal lil Carol kull fejn kien hemm bżonn li tmur, tgħinha bix-​xirja, u tagħmel ħafna affarijiet oħrajn għaliha. Minkejja dak kollu li għamlet Lily, Carol dejjem kienet tikkritika, u b’hekk kultant ma kienx faċli li tgħinha. Imma Lily ffokat fuq il-​kwalitajiet tajbin taʼ Carol u għenitha għal xi snin sakemm Carol mardet serjament u raqdet fil-​mewt. Għalkemm għal Lily kien diffiċli biex tgħin lil Carol, Lily tgħid: “Inħares ’il quddiem li nara lil Carol irxoxtata. Irrid insir nafha meta ssir perfetta.” B’mod ċar, l-​imħabba li għandu Alla tistaʼ tqanqalna nittolleraw lil ħutna rġiel u nisa u nħarsu ’l quddiem għaż-​żmien meta l-​imperfezzjoni tan-​nies ma tibqax teżisti.

19. Kif tqanqlek l-​‘għotja b’xejn t’Alla li ma tistax tiġi deskritta’?

19 Ġeħova verament tana ‘għotja b’xejn li ma tistax tiġi deskritta.’ Jalla dejjem napprezzawha! L-​istaġun tat-​Tifkira hu żmien eċċellenti biex nimmeditaw fuq dak kollu li Ġeħova u Ġesù għamlu għalina. Jalla l-​imħabba tagħhom tqanqalna nimitaw lil Ġesù mill-​qrib, nuru mħabba maʼ ħutna, u naħfru lil ħutna mill-​qalb.

^ [1] (paragrafu 18) Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.