Ġenna fuq l-art—Ħolma jew realtà?
Ġenna! Rivisti tal-ivvjaġġar mill-isbaħ iħajruna mmorru f’postijiet ’il bogħod qishom “ġenna” biex nistrieħu u ninsew l-inkwiet u l-problemi kollha tagħna. Imma bħalma nafu tajjeb, kif immorru lura d-dar, ir-realtajiet tal-ħajja, tistaʼ tgħid, jibqgħu l-istess bħalma nkunu ħallejniehom.
Minkejja dan, ġenna tal-art tqanqal interess kbir. Żgur li ġieli ħsibna: ‘Hi “l-ġenna” sempliċiment ħolma sabiħa? Jekk inhu hekk, għala taffaxxinana daqshekk? U tistaʼ qatt xi darba ssir realtà?’
IL-ĠENNA—MINN ĠENERAZZJONI GĦAL OĦRA
Matul is-sekli, in-nies kienu affaxxinati bil-ħsieb taʼ ġenna. Għal ħafna wħud, l-interess tagħhom kien imqanqal għax fil-Bibbja jissemma “ġnien fl-Għeden, lejn il-lvant.” X’għamel lil dan il-ġnien tant attraenti? Ir-rakkont jgħidilna: “Alla Ġeħova nibbet mill-art kull siġra li tpaxxi l-għajn u tajba għall-ikel.” Dan il-ġnien kien post li ma kien jonqsu xejn u jpaxxi l-għajn. Kien hemm ukoll, bħala l-aktar ħaġa li tolqot l-għajn, “is-siġra tal-ħajja f’nofs il-ġnien.”—Ġenesi 2:8, 9.
Ukoll, ir-rakkont fil-Ġenesi jsemmi erbaʼ xmajjar ħerġin minn ġol-ġnien. Tnejn minn dawn l-ixmajjar għadna nafu bihom sal-ġurnata tal-lum. Waħda hija x-Xmara Ewfrat. L-oħra hija x-Xmara Ħiddekel li llum hija magħrufa bħala x-Xmara Tigri. (Ġenesi 2:10-14) Dawn iż-żewġ xmajjar jgħaddu minn ġol-pajjiż li llum nafuh bħala l-Iraq, li qabel kien parti mill-Persja tal-qedem, u jispiċċaw fil-Golf Persjan.
Mhux taʼ b’xejn li ġenna tal-art tagħmel parti kbira mill-wirt kulturali Persjan. Infatti, tapit Persjan tas-16-il seklu, fil-Philadelphia Museum of Art ġewwa Pennsylvania, fl-Istati Uniti tal-Amerika, juri ġnien imdawwar b’ħajt li għandu siġar u fjuri minsuġin fid-disinn tiegħu. Il-kelma “ġenna” ġejja minn kelma antika Persjana li tfisser “ġnien imdawwar b’ħajt.” Ix-xena fuq dan it-tapit tirrifletti d-deskrizzjoni tal-ġnien tal-Għeden li jissemma fil-Bibbja. Dan il-ġnien kien sabiħ u mimli frott.
Fil-fatt, stejjer dwar ġenna tal-art huma rrakkontati f’ħafna kulturi u lingwi madwar id-dinja. Hekk kif in-nies emigraw lejn pajjiżi oħrajn madwar id-dinja, ħadu magħhom verżjonijiet differenti tar-rakkont oriġinali li, fuq medda taʼ mijiet taʼ snin, tħalltu mat-twemmin u l-leġġendi li kienu żviluppaw lokalment. Saħansitra sal-ġurnata tal-lum, in-nies mingħajr ma jaħsbuha darbtejn jiddeskrivu postijiet bi ġmiel naturali bħala ġenna.
IT-TFITTXIJA GĦALL-ĠNIEN TAL-GĦEDEN
Xi esploraturi qalu li kienu sabu fejn kien il-ġnien tal-Għeden. Pereżempju, Charles Gordon, ġeneral fl-armata Brittanika, meta żar is-Seychelles fl-1881, tant kien impressjonat bil-ġmiel straordinarju taʼ post jismu Vallée de Mai—li llum huwa parti mill-Wirt Dinji—li ddikjarah il-ġnien tal-Għeden. Fl-1492, it-Taljan Kristofru Kolombu, meta wasal fuq il-gżira taʼ Hispaniola li llum hi r-Repubblika Dominicana u l-Ħaiti, ħaseb li kien kważi sab il-ġnien tal-Għeden.
Mapping Paradise, ktieb modern dwar l-istorja, fih dettalji taʼ aktar minn 190 mappa antika, li ħafna minnhom juru lil Adam u Eva fl-Għeden. Fosthom hemm mappa partikulari, li għandha madwar 800 sena u li hija kopja tal-manuskritt taʼ Beatus taʼ Liébana. Fuq, hemm kaxxa żgħira bil-ġenna fin-nofs. Minn nofsha ħerġin erbaʼ xmajjar li għandhom l-isem “Tigris,” “Eufrates,” “Pison,” u “Geon.” Kull waħda sejra lejn rokna differenti, li jingħad li dawn jirrappreżentaw il-firxa tal-Kristjanità lejn l-erbaʼ rkejjen tal-art. Affarijiet bħal dawn juru li għalkemm in-nies ma kinux jafu fejn kienet eżattament il-ġenna, l-istejjer li jgħaddu minn ġenerazzjoni
għal oħra b’mod ċar juru li għadhom affaxxinati bil-Ġenna tal-art.John Milton, poeta Ingliż li twieled aktar minn 400 mitt sena ilu, huwa magħruf għall-poeżija tiegħu Paradise Lost, li hi bbażata fuq ir-rakkont tal-Ġenesi dwar id-dnub u t-tkeċċija taʼ Adam mill-Għeden. Fiha hu enfasizza l-wegħda li l-bnedmin se jerġgħu jgħixu għal dejjem f’art magħmula ġenna, billi qal: “Imbagħad l-art kollha se tkun ġenna.” Wara din il-poeżija, Milton kiteb oħra li tkompli magħha bl-isem Paradise Regained.
JIFFOKAW FUQ ĦAĠA OĦRA
B’mod ċar, il-ħsieb li xi darba kien hemm il-ġnien tal-Għeden kienet idea aċċettata ferm fost in-nies matul l-istorja umana. Allura llum għaliex m’għadhiex tissemma? Bażikament, għaliex bħalma jgħid il-ktieb Mapping Paradise, “it-teologi . . . injoraw apposta l-kwistjoni taʼ fejn kienet il-ġenna.”
Il-maġġoranza tan-nies li jmorru l-knisja huma mgħallmin li fl-aħħar mill-aħħar sejrin fis-sema, u mhux jgħixu f’ġenna tal-art. Minkejja dan, il-Bibbja tgħid f’Salm 37:29: “Il-ġusti se jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” Ladarba d-dinja li qed ngħixu fiha llum żgur li mhix ġenna, x’tama hemm li din il-wegħda qatt xi darba se ssir realtà? *
IR-REALTÀ TAʼ ĠENNA FUQ L-ART KOLLHA
Alla Ġeħova, li ħalaq il-Ġenna tal-art oriġinali, wiegħed li se jerġaʼ jġib lura dak li kien intilef. Kif? Ftakar li Ġesù għallimna nitolbu: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:10) Din is-Saltna hija gvern immexxi minn Ġesù Kristu u hu se jsaltan fuq id-dinja kollha minflok il-gvernijiet umani. (Danjel 2:44) Taħt it-tmexxija taʼ din is-Saltna, ir-rieda t’Alla li jerġaʼ jagħmel l-art ġenna se titwettaq.
Mijiet taʼ snin qabel, il-profeta Isaija kien ispirat biex jiddeskrivi kif se jkunu l-kundizzjonijiet fil-Ġenna tal-art li hi mwiegħda, fejn it-tensjoni u l-ġlied li qed jifnu l-umanità llum mhux se jibqgħu aktar. (Isaija 11:6-9; 35:5-7; 65:21-23) Inħeġġuk tieħu ftit minuti u taqra dawn l-iskritturi mill-Bibbja tiegħek stess. Jekk tagħmel hekk, se tkun ċert minn dak li Alla għandu maħżun għall-umanità ubbidjenti. Imbagħad dawk li jkunu ħajjin se jgawdu ġenna tal-art u l-approvazzjoni t’Alla, żewġ affarijiet li tilef Adam.—Rivelazzjoni 21:3.
Għaliex nistgħu nkunu ċerti li t-tama li din l-art se ssir Ġenna mhix ħolma imma realtà? Għaliex il-Bibbja tgħidilna: “Taʼ Ġeħova huma s-smewwiet, imma l-art taha lil ulied il-bnedmin.” It-tama taʼ Ġenna fuq l-art hija tama li “Alla, li ma jistax jigdeb, . . . wegħedhielna minn żmien twil ilu.” (Salm 115:16; Titu 1:2) Xi prospett tal-għaġeb qed toffri l-Bibbja—Ġenna tal-art għal dejjem!
^ par. 15 Huwa taʼ interess ukoll li l-Koran f’vers 105 taʼ sura 21, Al-Anbija [Il-Profeti], jgħid: “Il-ġusti minn fost il-qaddejja Tiegħi se jirtu l-art.”