Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | SE TAĊĊETTAH INT L-AQWA RIGAL MINGĦAND ALLA?

Rigal uniku

Rigal uniku

IT-TEMPRINA forma taʼ dgħajsa li Jordan għandu f’idu ma tidhirx li hi xi ħaġa speċjali. Però, għalih hi waħda mill-iktar affarijiet li jgħożż. Jordan jispjega: “Tahieli Russell, ħabib tal-familja mdaħħal fiż-żmien, meta kont għadni żgħir.” Wara li miet Russell, Jordan sar jaf li Russell kellu rwol importanti fil-ħajja tan-nannu u l-ġenituri taʼ Jordan. Hu kien għenhom matul żminijiet diffiċli. “Issa li sirt naf iktar dwar Russell,” jgħid Jordan, “għalija dan ir-rigal żgħir sar iktar prezzjuż minn qatt qabel.”

Bħalma turi l-esperjenza taʼ Jordan, rigal jaf ftit li xejn ikollu valur għal xi nies oħrajn. Iżda, għal dak li jkun grat li rċivieh, dan jistaʼ jkun prezzjuż jew saħansitra imprezzabbli. Il-Bibbja tiddeskrivi rigal li l-valur tiegħu ma jistax jiġi stmat. Hi tgħid: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 3:16.

Hemm rigal li jistaʼ jagħti l-ħajja taʼ dejjem lil dak li jirċivih! Jistaʼ jkun hemm rigal ieħor li jiswa iktar minn dan? Filwaqt li xi wħud għandhom mnejn ma jirrikonoxxux il-valur taʼ dan ir-rigal, il-Kristjani veri jqisuh “prezzjuż.” (Salm 49:8; 1 Pietru 1:18, 19) Imma Alla għala offra l-ħajja taʼ Ibnu bħala rigal għad-dinja?

L-appostlu Pawlu jispjega għala b’dan il-kliem: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha.” (Rumani 5:12) L-ewwel raġel, Adam, dineb għax apposta m’obdiex lil Alla, u minħabba f’hekk bata l-piena tal-mewt. Permezz t’Adam, il-mewt ġiet fuq id-dixxendenti tiegħu kollha—l-umanità.

“Il-ħlas li jagħti d-dnub hu l-mewt, imma l-għotja li jagħti Alla hi l-ħajja taʼ dejjem bi Kristu Ġesù, il-Mulej tagħna.” (Rumani 6:23) Biex jeħles lill-bnedmin mill-kundanna tal-mewt, Alla bagħat lil Ibnu, Ġesù Kristu, fuq l-art biex jagħti l-ħajja perfetta tiegħu bħala sagrifiċċju għad-dinja. Fuq il-bażi taʼ dan is-sagrifiċċju, li hu magħruf bħala “l-fidwa,” dawk kollha li jeżerċitaw il-fidi f’Ġesù se jkollhom il-ħajja taʼ dejjem.—Rumani 3:24.

Rigward il-barkiet kollha li Alla ta lill-aduraturi tiegħu permezz taʼ Ġesù Kristu, Pawlu ddikjara: “Grazzi lil Alla għall-għotja b’xejn tiegħu li ma tistax tiġi deskritta.” (2 Korintin 9:15) Iva, il-fidwa tant hi meraviljuża li lanqas biss nistgħu niddeskrivuha bis-sħiħ. Imma fost l-għotjiet kollha li Alla jagħti b’qalb tajba lill-umanità, il-fidwa għala hi tant rimarkevoli? Il-fidwa b’liema mod hi rigal uniku mingħand Alla? * U kif għandna nwieġbu għaliha? Nistidnuk biex taqra t-tweġibiet tal-Bibbja għal dawn il-mistoqsijiet fiż-żewġ artikli li ġejjin.

^ par. 8 Ġesù minn jeddu “ta ruħu għalina.” (1 Ġwanni 3:16) Madankollu, ladarba dan is-sagrifiċċju kien parti mill-iskop t’Alla, din is-serje t’artikli se tiffoka fuq l-irwol t’Alla bħala Dak li pprovda l-fidwa.