Kapitli u versi—Min poġġiehom fil-Bibbja?
IMMAĠINA li int Kristjan li qed tgħix fl-ewwel seklu. Il-kongregazzjoni tiegħek għadha kif irċiviet ittra mingħand l-appostlu Pawlu. Waqt li tismagħha tinqara, tinnota li Pawlu spiss ikkwota mill-“kitba qaddisa,” jiġifieri l-Iskrittura Ebrajka. (2 Timotju 3:15) ‘Nixtieq kieku nara minn fejn qed jikkwota,’ tgħid bejnek u bejn ruħek. Imma ma kinitx tkun ħaġa faċli. Għala le?
LA KAPITLI U LANQAS VERSI
Ikkunsidra kif kienu jidhru l-manuskritti tal-“kitba qaddisa” li kienu disponibbli fi żmien l-appostlu Pawlu. Wieħed minnhom jidher hawn—parti mill-ktieb taʼ Isaija mir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet. X’tistaʼ tara? Skoss kitba! L-ebda punteġġjatura. U l-ebda kapitlu u vers innumerat li nużaw illum.
Il-kittieba tal-Bibbja ma qasmux il-messaġġ tagħhom f’kapitli jew versi. Qabdu u kitbu l-messaġġ li tahom Alla sabiex il-qarrejja wkoll ikun jistaʼ jkollhom il-messaġġ kollu, mhux biss biċċiet żgħar minnu. Mhux hekk tkun trid int meta tirċievi ittra importanti mingħand xi ħadd li tħobb? Taqra l-ittra kollha, mhux biss biċċiet minnha.
Però, il-fatt li ma kienx hemm kapitli jew versi qajjem problema. Pawlu setaʼ biss jidentifika l-kwotazzjonijiet tiegħu bi kliem bħal “bħalma hu miktub” jew “bħalma Isaija qal minn qabel.” (Rumani 3:10; 9:29) U kien ikun diffiċli ssib dawk il-kwotazzjonijiet sakemm ma kontx midħla sew tal-“kitba qaddisa” kollha.
Iżjed minn hekk, din il-“kitba qaddisa” ma kinitx sempliċi messaġġ wieħed mingħand Alla. Sa tmiem l-ewwel seklu WK, dawn kienu jikkonsistu f’kollezzjoni taʼ 66 ktieb! Hu għalhekk li l-parti l-kbira tal-qarrejja tal-Bibbja llum jieħdu pjaċir ikollhom kapitli u versi nnumerati biex jgħinuhom isibu informazzjoni speċifika, bħalma huma l-ħafna kwotazzjonijiet fl-ittri taʼ Pawlu.
‘Mela,’ għandek mnejn tistaqsi, ‘min poġġiehom fil-Bibbja n-numri tal-kapitli u l-versi?’
MIN ŻIED IL-KAPITLI?
Il-qassis Ingliż Stephen Langton, li iżjed tard sar l-Arċisqof taʼ Canterbury, jingħata l-krettu taʼ li qasam il-Bibbja f’kapitli. Dan għamlu kmieni fis-seklu 13 WK, meta kien għalliem fl-Università taʼ Pariġi fi Franza.
Qabel żmien Langton, l-istudjużi tal-Bibbja kienu esperimentaw b’modi differenti biex jaqsmu l-Bibbja f’sezzjonijiet jew kapitli iżgħar, prinċipalment biex, milli jidher, jagħmluha iżjed faċli għall-qarrejja biex jirreferu għal siltiet partikulari. Tistaʼ timmaġina kemm kien ikun iżjed faċli jsibu silta li kieku kellhom ifittxu f’kapitlu wieħed biss minflok fi ktieb sħiħ, bħall-ktieb taʼ Isaija, li fih 66 kapitlu.
Imma, dan kollu ħoloq problema. L-istudjużi ħolqu ħafna sistemi differenti li ma kinux jaqblu bejniethom. F’waħda minnhom, l-Evanġelju taʼ Marku ġie maqsum fi kważi 50 kapitlu, mhux fis-16 li għandna issa. F’Pariġi fi żmien Langton, kien hemm studenti minn ħafna pajjiżi, u ġabu magħhom Bibbji
minn art twelidhom. Madankollu, l-għalliema u l-istudenti ma setgħux faċilment isibu l-istess versi. Għala? Għax it-taqsim tal-kapitli fil-manuskritti li kellhom sempliċement ma qabilx.Għalhekk, Langton żviluppa taqsim taʼ kapitli ġdid. Il-ktieb The Book—A History of the Bible jgħid li s-sistema tiegħu ntgħoġbot ħafna mill-qarrejja u l-iskribi u malajr infirxet madwar l-Ewropa. Hu tana n-numri tal-kapitli li nsibu fil-biċċa l-kbira tal-Bibbji llum il-ġurnata.
MIN ŻIED IL-VERSI?
Xi 300 sena wara, f’nofs is-seklu 16, l-istampatur u studjuż Franċiż magħruf Robert Estienne għamel l-affarijiet jerġaʼ iżjed sempliċi. L-għan tiegħu kien li jagħmel l-istudju tal-Bibbja iżjed popolari. Hu rrealizza kemm kien se jkun taʼ valur li jkun hemm sistema konsistenti taʼ kemm kapitli u kemm versi nnumerati.
Ma kienx Estienne li ħareġ bl-idea li t-test Bibliku jinqasam f’versi. Oħrajn kienu diġà għamlu dan. Sekli qabel pereżempju, kopisti Lhud kienu qasmu l-Bibbja Ebrajka kollha, jew il-parti tal-Bibbja li spiss tissejjaħ it-Testment il-Qadim, f’versi imma mhux f’kapitli. Għal darb’oħra, bħalma kien il-każ fl-iżvilupp tal-kapitli, ma kienx hemm sistema konsistenti.
Estienne qasam l-Iskrittura Griega Kristjana, jew dak li hu msejjaħ it-Testment il-Ġdid, f’sett ġdid taʼ versi nnumerati u għaqqadhom maʼ dawk li diġà kien hemm fil-Bibbja Ebrajka. Fl-1553, hu ppubblika l-ewwel Bibbja kompleta (edizzjoni bil-Franċiż) li bażikament kellha l-istess kapitli u versi tal-maġġoranza tal-Bibbji li jintużaw illum. Xi nies ikkritikaw din il-verżjoni u qalu li l-versi qasmu t-test Bibliku f’biċċiet żgħar, u b’hekk dehru li kienu serje taʼ sentenzi separati u mifrudin minn xulxin. Imma fi żmien qasir, is-sistema tiegħu ġiet adottata minn stampaturi oħra.
VANTAĠĠ GĦALL-ISTUDENTI TAL-BIBBJA
Tidher li hi tant idea sempliċi—kapitli u versi nnumerati. Dan jagħti “indirizz” uniku lil kull vers fil-Bibbja—bħal kodiċi postali. Veru, it-taqsim tal-kapitli u l-versi mhux ispirat minn Alla, u kultant veru jaqsam it-test Bibliku f’postijiet strambi. Imma jagħmilhielna iżjed faċli biex insibu kwotazzjonijiet u nenfasizzaw jew naqsmu versi individwali li forsi jkollhom xi tifsir speċjali għalina—bħal meta nimmarkaw espressjonijiet jew frażijiet li nkunu rridu niftakru partikularment f’dokument jew ktieb.
Hu kemm hu konvenjenti t-taqsim tal-kapitli u l-versi, dejjem żomm f’moħħok l-importanza taʼ li tara l-istampa kollha—li tifhem il-messaġġ kollu li Alla ta. Ikkultiva d-drawwa li taqra l-kuntest iżjed milli versi iżolati. Billi tagħmel dan se ssir iżjed u iżjed familjari mal-“kitba qaddisa, li tistaʼ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni.”—2 Timotju 3:15.