Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Bibbja u l-futur tiegħek

Il-Bibbja u l-futur tiegħek

IMMAĠINA lilek innifsek miexi fi trejqa mudlama tard filgħaxija. Għalkemm ix-​xemx ilha li niżlet, ma tħossokx mitluf għalkollox, għax f’idek għandek torċ b’saħħtu. Meta titfaʼ d-​dawl ’l isfel, tistaʼ tara eżatt x’hemm quddiemek. U meta titfaʼ d-​dawl tat-​torċ quddiemek, ir-​raġġi qawwijin idawlu biċċa twila sew mit-​triq li għandek quddiemek.

Sa ċertu punt, il-​Bibbja hi bħal dan it-​torċ. Bħalma rajna fl-​artikli taʼ qabel, il-​Kelma t’Alla tistaʼ tgħinna nkampaw maʼ dak li għandna eżatt quddiemna—il-​problemi taʼ kuljum li lkoll niffaċċjaw f’din id-​dinja kollha problemi. Imma l-​Bibbja tgħinna iktar minn hekk. Tgħinna naraw ukoll x’ġej fil-​futur. U dan jippermettilna naraw u nsegwu trejqa li twassal biex nibqgħu ferħanin u kuntenti. (Salm 119:105) Dan kif?

Ejja nikkunsidraw żewġ modi kif il-​Bibbja tagħtina tama taʼ veru għall-​futur: 1 Tgħinna nsibu skop fil-​ħajja, u 2 tgħallimna kif ikollna ħbiberija dejjiema mal-​Ħallieq tagħna.

1 SKOP FIL-​ĦAJJA

Il-​Bibbja tagħti pariri taʼ min joqgħod fuqhom dwar kif għandna nittrattaw mal-​problemi tagħna, però hija ħafna iktar minn sempliċi ktieb li jgħinek issolvi l-​problemi waħdek. Minflok ma tinkuraġġina biex niffokaw fuq dak li jikkonċernana biss, il-​Bibbja tgħallimna biex nieħdu ħsieb lil ħaddieħor ukoll. Hekk biss ħajjitna jistaʼ jkollha skop taʼ veru.

Pereżempju, ikkunsidra dan il-​prinċipju tal-​Bibbja: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Tistaʼ taħseb f’xi żmien meta għent lil xi ħadd materjalment? Jew forsi meta għent billi tajt widen hekk kif ħabib fetaħ qalbu miegħek? Ma ħassejtekx sodisfatt meta għent lil xi ħadd biex il-​ġurnata tiegħu tkun aħjar?

Aħna nsibu l-​akbar ferħ meta nagħtu mingħajr ma nistennew li nirċievu xi ħaġa lura. Kittieb kiteb: “Huwa kważi impossibbli li tagħti minnek innifsek mingħajr ma tirċievi iktar milli tajt—dment li tagħti mingħajr ma tistenna li tirċievi xi ħaġa lura.” Madankollu, meta nagħtu minna nfusna—speċjalment lil dawk li ma jistgħux ipattu l-​pjaċir—niġu premjati. Fil-​fatt, inkunu qed naħdmu id f’id mal-​Ħallieq innifsu, li jqis atti taʼ qalb tajba bħal dawn bħallikieku qed insellfu lilu. (Proverbji 19:17) Hu japprezza ħafna dak li nagħmlu mal-​batut, u hu jwiegħed li jħallasna lura bil-​kbir—b’ħajja eterna f’art magħmula ġenna. X’tama eċitanti għall-​futur!—Salm 37:29; Luqa 14:12-​14. *

Iktar minn hekk, il-​Bibbja tgħallimna li nistgħu nsibu l-​iskop taʼ veru fil-​ħajja billi nqimu lill-​Alla l-​veru, Ġeħova. Il-​Kelma tiegħu tinkuraġġina biex infaħħruh, nonorawh, u nobduh kif jistħoqqlu. (Ekkleżjasti 12:13; Rivelazzjoni 4:11) Meta nagħmlu hekk, aħna nkunu qed inwettqu xi ħaġa li hi tal-​għaġeb meta taħseb fuqha: Inkunu qed neffettwaw lill-​Ħallieq tagħna b’mod pożittiv. Fil-​fatt, hu jħeġġiġna: “Kun għaref u ferraħli qalbi.” (Proverbji 27:11) Aħseb ftit: Meta b’għaqal nieħdu deċiżjonijiet tajbin ibbażati fuq il-​prinċipji mniżżlin fil-​Bibbja, aħna nferrħu lil Missierna tas-​sema kollu mħabba. Għala? Għax hu jimpurtah minna u jrid li nsegwu l-​gwida tiegħu għall-​ġid tagħna stess. (Isaija 48:17, 18) Fir-​realtà, xi skop akbar jistaʼ jkollna iktar milli nqimu lis-​Sovran tal-​univers u milli ngħixu b’mod li jogħġbu?

2 ĦBIBERIJA MAL-​ĦALLIEQ TAGĦNA

Il-​Bibbja tgħallimna wkoll biex nagħmlu ħbieb mal-​Ħallieq tagħna. L-​Iskrittura tgħid: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” (Ġakbu 4:8) Kultant forsi għandna mnejn niddubitaw jekk hux verament possibbli li nkunu ħbieb mal-​Ħallieq li jistaʼ kollox. Imma l-​Bibbja taċċertana li jekk ‘infittxu ’l Alla,’ se ‘jirnexxilna nsibuh,’ għax “m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:27) Il-​pariri tal-​Bibbja dwar li nsiru ħbieb m’Alla huma taʼ benefiċċju kbir għall-​futur tagħna. B’liema mod?

Ikkunsidra: Waħedna, nipprovaw kemm nipprovaw, ħadd minna ma jistaʼ jaħrab l-​aħħar għadu tagħna—il-​mewt. (1 Korintin 15:26) Madankollu, Alla hu etern. Hu qatt mhu se jmut, u jrid lill-​ħbieb tiegħu jgħixu għal dejjem ukoll. Permezz taʼ dan il-​kliem sempliċi imma sabiħ, il-​Bibbja tgħid xi jrid Ġeħova għal dawk li qed ifittxuh: “Min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwanni 2:17.

Kif tistaʼ tkun ħabib għal dejjem m’Alla? Ibqaʼ tgħallem dwaru permezz tal-​paġni tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. (Ġwanni 17:3; 2 Timotju 3:16) Fittex l-​għajnuna tiegħu biex tifhem l-​Iskrittura. Il-​Bibbja taċċertana li jekk b’mod sinċier ‘nibqgħu nitolbu lil Alla’ għall-​għerf, hu se jagħtihulna. * (Ġakbu 1:5) Fl-​aħħar, stinka biex tapplika dak li titgħallem billi tħalli l-​Kelma t’Alla tkun kemm ‘musbieħ għal sieqek’ u kemm ‘dawl għal triqtek’—issa u matul l-​eternità kollha.—Salm 119:105.

^ par. 8 Għal iktar informazzjoni dwar il-​wegħda t’Alla taʼ ħajja taʼ dejjem fil-​Ġenna tal-​art, ara t-​3 kapitlu tal-​ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu mill-​Bibbja? ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 13 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova joffru kors tal-​Bibbja b’xejn li jistaʼ jgħinek tifhem iktar l-​Iskrittura. Sabiex tkun taf iktar dwar dan il-​kors, jekk jogħġbok ara l-​vidjow X’jiġri matul studju tal-​Bibbja? minn fuq www.jw.org/mt. (Ikklikkja fuq PUBBLIKAZZJONIJIET > VIDJOWS)

Alla hu etern, u jrid li l-​ħbieb tiegħu jgħixu għal dejjem ukoll