Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TIBBENEFIKA IKTAR MILL-QARI TAL-BIBBJA

Kif nistaʼ nibda?

Kif nistaʼ nibda?

Liema metodu se jgħinek tieħu pjaċir taqra l-​Bibbja u tibbenefika l-​iktar minnha? Ikkunsidra ħames suġġerimenti li ħafna sabuhom tajbin.

Oħloq ambjent addattat. Ipprova sib post għall-​kwiet. Naqqas l-​affarijiet li jistgħu jaljenawk ħalli tkun tistaʼ tiffoka fuq dak li tkun qed taqra. Li jkollok dawl tajjeb u arja friska se jgħinuk biex tibbenefika iktar mill-​qari tiegħek.

Ipprepara lil moħħok. Peress li l-​Bibbja hi minn Missierna tas-​sema, se tibbenefika l-​iktar jekk ikollok attitudni taʼ tifel li lest li jitgħallem minn ġenitur kollu mħabba. Jekk diġà għandek xi ideat negattivi dwar il-​Bibbja, ipprova warrabhom ħalli Alla jkun jistaʼ jgħallmek.—Salm 25:4.

Itlob qabel taqra. Il-​Bibbja fiha l-​ħsibijiet t’Alla, allura ma niħduhiex bi kbira li għandna bżonn l-​għajnuna tiegħu biex nifhmuha. Alla jwiegħed li jagħti “l-​ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh.” (Luqa 11:13) L-​ispirtu qaddis jistaʼ jgħinek tifhem il-​ħsibijiet t’Alla. Maż-​żmien, se jgħinek biex tifhem “saħansitra l-​affarijiet profondi t’Alla.”—1 Korintin 2:10.

Aqra biex tifhem. Taqrax biex sempliċement tgħid li qed taqra l-​Bibbja. Aħseb sew dwar dak li tkun qed taqra. Saqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal: ‘Liema kwalitajiet qed nara fil-​persunaġġ li qed naqra dwaru? Kif nistaʼ napplika dan f’ħajti?’

Agħmel miri speċifiċi. Biex il-​qari tal-​Bibbja jkun taʼ ġid għalik, kun lest li titgħallem xi ħaġa li biha ħajtek ikollha iktar valur. Tistaʼ tagħmel miri bħal: ‘Nixtieq insir naf iktar dwar Alla nnifsu.’ ‘Irrid insir persuna aħjar, raġel jew mara miżżewġa aħjar.’ Imbagħad agħżel xi siltiet mill-​Bibbja li jgħinuk tilħaq dawn il-​miri. *

Dawn il-​ħames suġġerimenti se jgħinuk tibda. Imma kif tistaʼ tagħmel il-​qari saħansitra iktar interessanti? L-​artiklu li ġej fih xi suġġerimenti.

^ par. 8 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma lesti li jgħinuk bil-​qalb kollha jekk m’intix ċert liema siltiet mill-​Bibbja se jkunu l-​iktar addattati f’dan ir-​rigward.