Kont taf?
Fi żminijiet Bibliċi x’kien ix-xogħol taʼ prokuratur?
FI ŻMINIJIET Bibliċi, prokuratur kien jieħu ħsieb id-dar jew il-propjetà taʼ xi ħadd ieħor. Bl-Ebrajk u l-Grieg, il-kelma “prokuratur” ġieli tirreferi għal indokratur jew wieħed li jmexxi dar.
Meta Ġużeppi, it-tifel taʼ Ġakobb, kien ilsir fl-Eġittu, Ġużeppi sar il-prokuratur li jieħu ħsieb id-dar taʼ sidu. Fil-fatt, sidu l-Eġizzjan “ħalla kulma kellu f’idejn Ġużeppi.” (Ġen. 39:2-6) Iktar tard, meta Ġużeppi stess sar mexxej importanti fl-Eġittu, hu qabbad prokuratur jiħodlu ħsieb daru.—Ġen. 44:4.
Fi żmien Ġesù, dawk li kellhom artijiet spiss kienu jgħixu fi bliet ’il bogħod mill-għelieqi tagħhom. Allura kienu jqabbdu prokuraturi biex jaraw u jmexxu x-xogħol taʼ kuljum li l-ħaddiema kienu jagħmlu f’dawn l-għelieqi.
Min kien jikkwalifika biex ikun prokuratur? Il-kittieb Ruman Columella tal-ewwel seklu ta l-parir li lsir li kien se jingħata l-inkarigu taʼ prokuratur, jew taʼ indokratur, kellu jkun “xi ħadd tal-esperjenza.” Kellu jkun individwu “kapaċi jmexxi mingħajr ma jkun laxk jew kattiv.” Hu żied: “Apparti minn dak li kien mitlub minnu, hu m’għandux jaħseb li jaf kollox, u għandu jkun lest li jitgħallem.”
Il-Kelma t’Alla tuża l-eżempju taʼ prokuratur u xogħlu biex tagħti stampa tal-attivitajiet li jiġru f’kongregazzjoni Kristjana. Pereżempju, l-appostlu Pietru jinkuraġġixxi lill-Kristjani biex jużaw l-abbiltajiet li tahom Alla “bħala prokuraturi mill-aħjar tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.”—1 Pt. 4:10.
Anke Ġesù uża l-eżempju taʼ prokuratur fit-tixbiha tiegħu mniżżla f’Luqa 16:1-8. Flimkien maʼ dan, fi profezija dwar meta hu kien se jsir Sultan, Ġesù aċċerta lis-segwaċi tiegħu li hu kien se jaħtar “ilsir leali u għaqli,” jew “prokuratur leali.” L-inkarigu prinċipali taʼ dan il-prokuratur kien se jkun biex jipprovdi l-ikel spiritwali b’mod regolari lis-segwaċi taʼ Kristu matul iż-żmien tat-tmiem. (Mt. 24:45-47; Lq. 12:42) Kemm aħna grati li nistgħu nirċievu pubblikazzjonijiet li l-prokuratur leali qed jipprepara u jagħmel disponibbli madwar id-dinja! Dawn verament iqawwulna l-fidi tagħna.