Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 45

Kif l-ispirtu qaddis jgħinna

Kif l-ispirtu qaddis jgħinna

“Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.”—FLP. 4:13.

GĦANJA 104 L-​ispirtu qaddis—Għotja mingħand Alla

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. (a) X’jgħinna nibqgħu għaddejjin minn ġurnata għall-​oħra? Spjega. (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

“META naħseb fuq dak li għaddejt minnu, nifhem li ma stajtx iffaċċjajtu waħdi.” Qatt għedt xi ħaġa bħal din? Ħafna minna jgħidu iva. Forsi għedt dan il-​kliem wara li rriflettejt fuq kif kont kapaċi tkampa b’marda serja jew bil-​mewt taʼ xi ħadd li tħobb. Meta taħseb fuq dak li ġara, int tħoss li stajt tgħix ġurnata b’ġurnata biss għax l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova tak “qawwa iktar min-​normal.”—2 Kor. 4:7-9.

2 Aħna għandna bżonn ukoll l-​ispirtu qaddis biex jgħinna nirreżistu l-​influwenza taʼ did-​dinja mill-​agħar. (1 Ġw. 5:19) Flimkien maʼ dan, ikollna niġġieldu kontra “l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar.” (Efes. 6:12) B’dawn il-​pressjonijiet kollha f’moħħna, se nikkunsidraw żewġ modi kif l-​ispirtu qaddis jgħinna. Imbagħad se niddiskutu x’nistgħu nagħmlu biex nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​ispirtu qaddis.

L-​ISPIRTU QADDIS JAGĦTINA L-​QAWWA

3. X’inhu mod wieħed kif Ġeħova jgħinna permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu?

3 L-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova jgħinna billi jagħtina l-​qawwa, jew is-​saħħa, biex inwettqu r-​responsabbiltajiet tagħna minkejja l-​provi. L-​appostlu Pawlu ħass li setaʼ jkompli jaqdi lil Ġeħova minkejja l-​provi għax hu straħ fuq “il-​qawwa tal-​Kristu.” (2 Kor. 12:9) Matul it-​tieni vjaġġ missjunarju tiegħu, Pawlu mhux biss ħadem iebes fl-​ippritkar imma wkoll appoġġja lilu nnifsu finanzjarjament. Hu qagħad Korintu fid-​dar t’Akwila u Prixilla. Huma kienu jagħmlu t-​tined. Peress li Pawlu kellu l-​istess sengħa, hu ħadem magħhom part-​time. (Atti 18:1-4) L-​ispirtu qaddis ta lil Pawlu l-​qawwa kemm biex jaħdem għall-​ispejjeż tiegħu kif ukoll biex jipprietka.

4. Skont it-​2 Korintin 12:7b-​9, xi problema kellu Pawlu?

4 Aqra t-​2 Korintin 12:7b-​9. F’din is-​silta, x’ried ifisser Pawlu meta qal li kellu “xewka fil-​laħam”? Kieku kellek xewka f’ġismek kien ikollok ħafna wġigħ. Allura Pawlu kien qed jgħid li ffaċċja xi tip taʼ prova personali taʼ wġigħ. Hu sejjaħ din il-​prova “anġlu taʼ Satana,” li baqgħet ‘issawtu.’ Satana jew id-​demonji tiegħu forsi ma kkaġunawx il-​provi taʼ Pawlu direttament, bħallikieku ġiegħlu li xewka tidħol f’ġismu. Imma meta dawn l-​ispirti mill-​agħar innotaw ix-​“xewka,” forsi kienu ħerqanin li jdaħħluha iktar fil-​fond, biex ngħidu hekk, ħalli jżidu l-​uġigħ taʼ Pawlu. X’għamel Pawlu?

5. Ġeħova kif wieġeb it-​talb taʼ Pawlu?

5 Għall-​ewwel, Pawlu ried li jinħeles mix-​“xewka.” Hu jammetti: “Tliet darbiet tlabt bil-​ħrara lill-​Mulej [Ġeħova] biex titbiegħed minni.” Iżda minkejja t-​talb tiegħu, ix-​xewka f’ġismu baqgħet hemm. Ifisser dan li Ġeħova ma weġibx it-​talb taʼ Pawlu? Lanqas xejn. Hu wieġbu. Ġeħova ma neħħiex il-​problema imma tah is-​saħħa biex jissaportiha. Ġeħova qal: “Il-​qawwa tiegħi tintgħamel perfetta fid-​dgħjufija.” (2 Kor. 12:8, 9) Bl-​għajnuna t’Alla, Pawlu setaʼ jibqaʼ jkollu l-​ferħ u jħossu kalm.—Flp. 4:4-​7.

6. (a) Ġeħova kif għandu mnejn iwieġeb it-​talb tagħna? (b) Liema wegħdiet fl-​iskritturi tal-​paragrafu jagħtuk is-​saħħa?

6 Bħal Pawlu, int qatt tlabt lil Ġeħova biex jeħilsek minn xi prova? Jekk minkejja talb sinċier il-​problema baqgħet hemm—jew marret għall-​agħar—inkwetajt int li forsi Ġeħova ma kienx kuntent bik? Jekk iva, ftakar l-​eżempju taʼ Pawlu. Bħalma Ġeħova wieġeb it-​talb tiegħu, Hu żgur li se jwieġeb it-​talb tiegħek! Forsi Ġeħova ma jneħħilekx il-​problema. Imma permezz tal-​ispirtu qaddis, hu se jagħtik is-​saħħa li teħtieġ biex tissaporti l-​prova. (Salm 61:3, 4) Forsi tkun ‘mitfugħ maʼ l-​art,’ imma Ġeħova mhux se jabbandunak.—2 Kor. 4:8, 9; Flp. 4:13.

L-​ISPIRTU QADDIS JGĦINNA NIMXU ’L QUDDIEM

7-8. (a) B’liema mod l-​ispirtu qaddis hu bħar-​riħ? (b) Pietru kif iddeskriva l-​mod kif l-​ispirtu qaddis jaħdem?

7 B’liema mod ieħor jgħinna l-​ispirtu qaddis? Dgħajsa bil-​qlugħ tistaʼ tuża riħ li jonfoħ f’direzzjoni tajba biex tasal fid-​destinazzjoni tagħha anke jekk il-​baħar ikun imqalleb. B’mod simili, l-​ispirtu qaddis jgħinna nibqgħu naqdu lil Ġeħova minkejja l-​provi sakemm inkunu fid-​dinja l-​ġdida mwiegħda minn Alla.

8 Bħala sajjied, l-​appostlu Pietru kien imdorri jbaħħar. Allura tajjeb li ninnotaw li ddeskriva l-​mod kif jaħdem l-​ispirtu qaddis billi uża espressjoni li milli jidher għandha x’taqsam mat-​tbaħħir. Hu kiteb: “Il-​profezija qatt ma ġiet bir-​rieda tal-​bniedem, imma xi bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-​ispirtu qaddis.” Il-​kelma Griega tradotta “tmexxew” litteralment tfisser li tinġarr.—2 Pt. 1:21.

9. Pietru liema stampa ried iġibilna quddiem għajnejna billi uża l-​espressjoni “tmexxew”?

9 Liema stampa jġibilna quddiem għajnejna Pietru bl-​espressjoni “tmexxew,” jew inġarrew? Forma simili tal-​istess kelma Griega ntużat minn Luqa, il-​kittieb tal-​Atti, biex jiddeskrivi ġifen li ‘jinġarr’ mir-​riħ. (Atti 27:15) Studjuż tal-​Bibbja qal li meta Pietru kiteb li l-​kittieba tal-​Bibbja “tmexxew” bl-​ispirtu qaddis, hu uża espressjoni li kienet se ġġiegħel lin-​nies jaħsbu dwar it-​tbaħħir. Pietru bħallikieku qal li bħalma ġifen jinġarr mir-​riħ biex jagħmel il-​vjaġġ tiegħu, hekk ukoll il-​profeti u l-​kittieba tal-​Bibbja nġarrew bl-​ispirtu qaddis biex jagħmlu x-​xogħol tagħhom. L-​istess studjuż qal: “Il-​profeti tellgħu l-​qlugħ, biex ngħidu hekk.” Ġeħova għamel dak li kellu bżonn jagħmel. Hu pprovda “r-​riħ,” jew l-​ispirtu qaddis. Il-​kittieba tal-​Bibbja għamlu x-​xogħol li ngħataw jagħmlu. Huma ħadmu fi qbil mad-​direzzjoni taʼ dak l-​ispirtu.

L-​1 PASS: Ħu sehem fl-​attivitajiet spiritwali regolarment

IT-​2 PASS: Kun involut bis-​sħiħ f’dawk l-​attivitajiet spiritwali bl-​aħjar mod li tistaʼ (Ara paragrafu 11) *

10-11. Liema żewġ passi għandna bżonn nieħdu biex inkunu ċerti li qed nitmexxew bl-​ispirtu qaddis? Agħti eżempju.

10 M’għandniex xi ngħidu, illum Ġeħova m’għadux juża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex in-​nies ikunu jistgħu jiktbu kotba tal-​Bibbja. Madankollu, l-​ispirtu qaddis għadu juża l-​qawwa fuq il-​poplu t’Alla. Ġeħova għadu jagħmel dak li għandu bżonn jagħmel. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​ispirtu qaddis t’Alla? Jeħtieġ li nkunu ċerti li nibqgħu nagħmlu dak li suppost. Dan kif nagħmluh?

11 Aħseb f’dan l-​eżempju. Sabiex baħri jibbenefika mir-​riħ, hu għandu jagħmel żewġ affarijiet. L-​ewwel, hu għandu jieħu d-​dgħajsa tiegħu fejn ikun hemm ir-​riħ. Wara kollox, id-​dgħajsa mhix se timxi ’l quddiem jekk il-​baħri jibqaʼ fil-​port ’il bogħod minn fejn jonfoħ ir-​riħ. It-​tieni, għandu jtellaʼ u jiftaħ il-​qlugħ kompletament. Ovvjament, anke jekk ikun hemm ir-​riħ, id-​dgħajsa tiegħu timxi ’l quddiem biss jekk il-​qlugħ jaqbdu r-​riħ. B’mod simili, aħna se nissaportu fis-​servizz taʼ Ġeħova biss jekk ikollna l-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis. Biex nibbenefikaw minn dan l-​ispirtu qaddis, aħna għandna nieħdu żewġ passi. L-​ewwel, għandna npoġġu lilna nfusna fid-​direzzjoni tal-​ispirtu t’Alla billi nieħdu sehem f’attivitajiet li jġibuna taħt l-​influwenza tiegħu. It-​tieni, għandna “ntellgħu l-​qlugħ tagħna” kemm nistgħu billi nkunu involuti bis-​sħiħ f’dawn l-​attivitajiet bl-​aħjar mod li nistgħu. (Salm 119:32) Meta nieħdu dawn il-​passi, l-​ispirtu qaddis se jimbottana ’l quddiem f’mewġ t’oppożizzjoni u provi u se jgħinna nissaportu lealment fil-​mixja tagħna lejn id-​dinja l-​ġdida t’Alla.

12. X’se nikkunsidraw issa?

12 S’issa ddiskutejna żewġ affarijiet li l-​ispirtu qaddis jgħinna fihom. L-​ispirtu qaddis jagħtina l-​qawwa u jgħinna nibqgħu leali waqt li niffaċċjaw il-​provi. Ukoll, l-​ispirtu qaddis imexxina ’l quddiem u jgħinna nibqgħu fit-​triq li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem. Issa se nikkunsidraw erbaʼ affarijiet li għandna nagħmlu biex nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​ispirtu qaddis.

KIF TIBBENEFIKA BIS-​SĦIĦ MILL-​ISPIRTU QADDIS

13. Skont it-​2 Timotju 3:16, 17, l-​Iskrittura x’tistaʼ tagħmel għalina, imma x’għandna nagħmlu?

13 L-​ewwel, studja l-​Kelma t’Alla. (Aqra t-​2 Timotju 3:16, 17.) Il-​kelma Griega tradotta “mnebbħa minn Alla” letteralment tfisser “mogħtija bin-​nifs t’Alla.” Alla uża l-​ispirtu tiegħu biex ipoġġi l-​ħsibijiet tiegħu fl-​imħuħ tal-​kittieba tal-​Bibbja. Meta naqraw il-​Bibbja u nimmeditaw fuq dak li naqraw, l-​istruzzjonijiet t’Alla jidħlu f’moħħna u f’qalbna. Dawn il-​ħsibijiet imnebbħin iqanqluna nġibu ħajjitna fi qbil mar-​rieda t’Alla. (Ebr. 4:12) Iżda biex nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​ispirtu qaddis, għandna nwarrbu l-​ħin biex regolarment nistudjaw u naħsbu fil-​fond dwar dak li naqraw. Imbagħad il-​Kelma t’Alla se tinfluwenza kulma ngħidu u nagħmlu.

14. (a) Għala nistgħu ngħidu li “r-​riħ qed jonfoħ” fil-​laqgħat Kristjani tagħna? (b) X’se jgħinna nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​ispirtu qaddis fil-​laqgħat tagħna?

14 It-​tieni, qim lil Alla m’oħrajn. (Salm 22:22) F’ċertu sens, il-​laqgħat Kristjani tagħna huma okkażjonijiet fejn “ir-​riħ qed jonfoħ.” L-​ispirtu taʼ Ġeħova jkun preżenti fil-​laqgħat. (Riv. 2:29) Għala nistgħu ngħidu dan? Għax meta niltaqgħu għall-​qima maʼ ħutna, aħna nitolbu għall-​ispirtu qaddis, inkantaw għanjiet tas-​Saltna bbażati fuq il-​Kelma t’Alla, u nisimgħu struzzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja ppreżentati minn aħwa rġiel li kienu maħturin bl-​ispirtu qaddis. U l-​istess spirtu qaddis jgħin lill-​aħwa nisa jippreparaw u jagħtu s-​sehem tagħhom. Madankollu, sabiex nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​ispirtu qaddis, jeħtieġ li niġu preparati biex nipparteċipaw fil-​laqgħat. B’dan il-​mod, niġu l-​laqgħat “bil-​qlugħ miftuħin.”

15. L-​ispirtu qaddis kif inhu involut fix-​xogħol tal-​ippritkar, u x’għandna nagħmlu?

15 It-​tielet, ħu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar. Meta nużaw il-​Bibbja fix-​xogħol tal-​ippritkar u t-​tagħlim, aħna nħallu l-​ispirtu qaddis ikun involut fil-​ministeru tagħna. (Rum. 15:18, 19) Iżda biex tibbenefika bis-​sħiħ mill-​ispirtu t’Alla, għandek tieħu sehem regolarment fl-​ippritkar u tuża l-​Bibbja kull meta jkun possibbli. Mod wieħed kif jistaʼ jkollok konversazzjonijiet aħjar man-​nies meta tipprietka hu billi tuża l-​eżempji taʼ konversazzjonijiet mill-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa.

16. X’inhu l-​iktar mod dirett biex ikollna l-​ispirtu qaddis?

16 Ir-​rabaʼ, itlob lil Ġeħova. (Mt. 7:7-​11; Lq. 11:13) L-​iktar mod dirett biex ikollna l-​ispirtu qaddis hu billi nitolbu lil Ġeħova għalih. Xejn ma jistaʼ jwaqqaf it-​talb tagħna milli jasal għand Ġeħova jew iżomm l-​għotja tajba tal-​ispirtu t’Alla milli tasal għandna—la ċella tal-​ħabs u lanqas saħansitra Satana. (Ġak. 1:17) Kif għandna nitolbu biex nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​ispirtu qaddis? Sabiex inwieġbu, ejja neżaminaw is-​suġġett tat-​talb b’iktar dettall billi nikkunsidraw tixbiha li nsibu biss fl-​Evanġelju taʼ Luqa. *

KUN PERSISTENTI META TITLOB

17. X’lezzjoni dwar it-​talb nistgħu nitgħallmu mit-​tixbiha taʼ Ġesù miktuba f’​Luqa 11:5-9, 13?

17 Aqra Luqa 11:5-9, 13. It-​tixbiha taʼ Ġesù turina kif għandna nitolbu għall-​ispirtu qaddis. Fit-​tixbiha, ir-​raġel ħa dak li kellu bżonn ‘għax ippersista bla mistħija.’ Hu ma beżax jitlob l-​għajnuna lil ħabibu avolja kien tard billejl. (Lq. 11:8) * Ġesù kif applika din it-​tixbiha għat-​talb? Hu qal: “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom.” X’inhi l-​lezzjoni għalina? Sabiex nirċievu l-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis, għandna nitolbu għalih bil-​persistenza.

18. Skont it-​tixbiha taʼ Ġesù, għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu?

18 It-​tixbiha tgħallimna wkoll naraw għala Ġeħova se jagħtina l-​ispirtu qaddis. Ir-​raġel fit-​tixbiha ried jieħu ħsieb sew il-​mistieden tiegħu. Hu ħassu obbligat jipprovdi l-​ikel għall-​viżitatur tiegħu li ġie tard billejl, imma ma kellu xejn x’jagħtih. Ġesù qal li l-​ġar tah il-​ħobż minħabba l-​persistenza kbira tar-​raġel. X’kien il-​punt taʼ Ġesù? Jekk bniedem imperfett irid jgħin lil ġar persistenti tiegħu, kemm iktar il-​Missier kollu mħabba tagħna tas-​sema se jgħin lil dawk li b’persistenza jitolbuh għall-​ispirtu qaddis! Allura, aħna nistgħu nitolbu b’fiduċja li Ġeħova se jwieġeb it-​talb urġenti tagħna għall-​ispirtu qaddis.—Salm 10:17; 66:19.

19. Għala nistgħu nkunu ċerti li se noħorġu rebbiħin?

19 Aħna nistgħu nkunu ċerti li minkejja l-​attakki bla waqfien minn Satana, nistgħu noħorġu rebbiħin. Għala? Għax l-​ispirtu qaddis jgħinna b’żewġ modi. L-​ewwel, jagħtina l-​qawwa li neħtieġu biex nissaportu l-​problemi. It-​tieni, hu l-​qawwa li tgħinna nibqgħu naqdu lil Ġeħova sakemm naslu fid-​dinja l-​ġdida. Ejja nkunu determinati li nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis!

GĦANJA 41 Jekk jogħġbok, ismaʼ talbi

^ par. 5 Dan l-​artiklu jispjega kif l-​ispirtu qaddis t’Alla jistaʼ jgħinna nissaportu l-​problemi u nkunu rebbiħin. Ukoll, jikkunsidra x’nistgħu nagħmlu biex nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis.

^ par. 16 Luqa, iktar minn kull kittieb tal-​Evanġelju ieħor, jgħinna nifhmu li t-​talb kien parti importanti mill-​ħajja taʼ Ġesù.—Lq. 3:21; 5:16; 6:12; 9:18, 28, 29; 18:1; 22:41, 44.

^ par. 17 Ara n-​nota taʼ studju għal “jippersisti bla mistħija” fir-​Referenzi għall-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna taʼ Lulju 2018, paġna 4.

^ par. 60 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: L-​1 PASS: Ħu u oħt jaslu f’Sala tas-​Saltna. Billi jiltaqgħu maʼ sħabhom fit-​twemmin, huma jieħdu sehem f’okkażjoni fejn l-​ispirtu taʼ Ġeħova hu preżenti. IT-​2 PASS: Huma ppreparati biex jipparteċipaw fil-​laqgħa. L-​istess metodu japplika għall-​attivitajiet l-​oħrajn diskussi f’dan l-​artiklu: nistudjaw il-​Kelma t’Alla, nieħdu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar, u nitolbu lil Ġeħova.