BIJOGRAFIJA
Naċċetta l-verità tal-Bibbja mingħajr idejn
Meta n-nies ma jħossuhomx fis-sod, normalment iżommu maʼ xi ħaġa. Jien ma nistax nagħmel dan, għax la għandi jdejn u lanqas dirgħajn. Kelli sebaʼ snin meta kellhom jaqtgħuhomli biex isalvawli ħajti.
Ommi kellha 17-il sena meta twelidt fl-1960. Missieri abbandunana qabel twelidt. Jien u ommi għexna man-nanniet f’Burg, belt żgħira f’dik li qabel kienet ir-Repubblika Demokratika Ġermaniża, jew il-Ġermanja tal-Lvant. Ħafna nies kienu atei, u l-familja tiegħi kienu tal-istess fehma. Għalina Alla ma kien ifisser xejn.
Jien u nikber kont nieħu pjaċir bl-attenzjoni tan-nannu. Hu kien jinvolvini f’ħafna attivitajiet, bħal pereżempju kien jibgħatni nitlaʼ mas-siġar biex naqtaʼ l-friegħi. Taʼ tifel li kont, kont inħobb avventuri bħal dawn. F’ħajti ma kellix problemi u kont ferħan.
AĊĊIDENT IBIDDILLI ĦAJTI
Meta kelli sebaʼ snin ġratli xi ħaġa tal-biżaʼ. Kont għadni kif bdejt it-tieni sena tal-iskola. Jien u sejjer id-dar, tlajt m’arblu tad-dawl. Meta kont tmien metri ’l fuq mill-art, ħadt xokk elettriku u spiċċajt intlift minn sensija. Fl-isptar, meta qomt, ma stajtx inħoss idejja. Sofrejt ħruq estensiv, u l-feriti tant kienu gravi li jdejja kellhom jiġu maqtugħin biex demmi ma jiġix avvelenat. Bħalma tistaʼ timmaġina, ommi u n-nanniet ħaduha bi kbira ħafna. Però, peress li kont għadni tifel, ma kontx fhimt sew kif in-nuqqas taʼ jdejja kien se jeffettwawli l-kumplament taʼ ħajti.
Wara li ħriġt mill-isptar, erġajt mort l-iskola. It-tfal kienu joqogħdu jgħaddu ż-żmien bija, jimbottawni, u jwaddbuli l-affarijiet għax ma kontx nistaʼ niddefendi lili nnifsi. Kont inkun imweġġaʼ ħafna minn kummenti li jġegħluk tħossok inferjuri u krudili. Fl-aħħar, intbgħatt f’Birkenwerder fi skola għall-istudenti li jkollhom diżabilità fiżika u li kienu joqogħdu fiha. Minħabba li l-iskola kienet ’il bogħod ħafna mid-dar, ommi u n-nanniet ma kinux jaffordjaw jiġu jżuruni. Kont narahom biss fil-vaganzi. Fl-għaxar snin taʼ wara, kbirt mingħajr omm u nanniet.
NIKBER MINGĦAJR IDEJN
Tgħallimt nagħmel ħafna affarijiet mill-ġdid billi nuża saqajja. Tistaʼ timmaġina li tuża s-swabaʼ taʼ saqajk biex iżżomm furketta jew mgħarfa biex tiekol? B’xi mod irnexxieli niżviluppa din l-abbiltà. Barra minn hekk, tgħallimt naħsel snieni u nagħmel xagħri b’saqajja. Bdejt saħansitra nagħmel il-ġesti b’saqajja jien u nitkellem man-nies. Iva, saqajja saru jdejja.
Meta dħalt fiż-żgħożija, kont nieħu pjaċir naqra kotba tal-fantaxjenza. Kultant kont nimmaġina li jkolli jdejn b’teknoloġija sofistikata li jippermettuli nagħmel kollox. Taʼ 14-il sena, bdejt inpejjep. Ħassejt li dan kien jagħtini fiduċja fija nnifsi u kont inħossni bħal kulħadd. Kien bħallikieku kont qed ngħid: ‘Iva, nistaʼ nagħmel hekk ukoll. Dawk li jpejpu huma kbar—għandhom jew m’għandhomx idejn.’
Kont inżomm ruħi okkupat u involvejt ruħi f’attivitajiet soċjali. Sirt membru tal-Free German Youth, organizzazzjoni sponsorjata mill-gvern għaż-żgħażagħ soċjalisti, u kont naqdi bħala segretarju, pożizzjoni responsabbli fost il-membri lokali. Ingħaqadt ukoll maʼ klabb tal-kant, kont nagħmel sessjonijiet tal-poeżija, u kont nipparteċipa fi sports għal dawk b’diżabilità. Wara li ġejt imħarreġ, bdejt naħdem f’kumpanija fil-belt tagħna. Jien u nikber, kont nilbes aktar u aktar l-idejn artifiċjali għax ridt inkun raġel komplut.
NAĊĊETTA L-VERITÀ TAL-BIBBJA
Darba minnhom waqt li kont qed nistenna t-trejn biex immur ix-xogħol, ġie raġel ikellimni. Hu saqsieni jekk stajtx nimmaġina li Alla jagħtini jdejja lura. Jien ħassejtni konfuż. Dażgur li ridt idejja lura, imma għalija dan kien impossibbli u mhux realistiku! Bħala ateu, kont konvint li Alla ma kienx jeżisti. Minn dakinhar ’l hemm, rajt kif nevitah.
Xi żmien wara, kollega stidnitni nżur lill-familja tagħha. Aħna u nieħdu l-kafè, il-ġenituri tagħha bdew jitkellmu dwar Alla—Alla Ġeħova. Kienet l-ewwel darba li smajt li Alla għandu isem. (Salm 83:18) Però, bejni u bejn ruħi ma kontx qed naqbel u rraġunajt: ‘Ma jistax ikun li hemm Alla, hu x’inhu ismu. Lil dawn se nurihom li huma żbaljati.’ Peress li kont ċert mill-opinjonijiet tiegħi, qbilt li jkollna diskussjonijiet dwar il-Bibbja. Madankollu, bqajt mistagħġeb li ma stajtx nagħti prova li Alla ma jeżistix.
Bil-mod il-mod kont qed inbiddel fehmti dwar l-eżistenza t’Alla hekk kif bdejna neżaminaw il-profeziji tal-Bibbja. Seħħew ħafna affarijiet li tbassru b’mod divin minkejja li kienu nkitbu mijiet taʼ snin jew saħansitra eluf taʼ snin minn qabel. Matul diskussjoni dwar il-Bibbja, qabbilna l-kundizzjonijiet kurrenti tad-dinja mal-profeziji li nsibu f’Mattew kapitlu 24, Luqa kapitlu 21, u t-2 Timotju kapitlu 3. Bħalma għadd taʼ sintomi flimkien jistgħu jgħinu lil tabib biex ikun jaf x’marda eżatta għandu pazjent, bl-istess mod l-għadd taʼ ġrajjiet li ssemmew f’dawn il-profeziji għenuni nifhem li qed ngħixu f’dak il-perijodu li l-Bibbja ssejjaħlu “l-aħħar jiem.” * Bqajt iċċassat. Dawn il-profeziji kienu qed jitwettqu quddiem għajnejja.
Kont konvint li dak li kont qed nitgħallem kien il-verità. Bdejt nitlob lil Alla Ġeħova u qtajt is-sigaretti—għalkemm kont ilni iktar minn għaxar snin inpejjep ħafna. Bqajt nistudja l-Bibbja għal madwar
sena. Fis-27 t’April tal-1986, tgħammidt f’banju bil-moħbi, ladarba f’dak iż-żmien ix-Xhieda kienu pprojbiti fil-Ġermanja tal-Lvant.NAGĦTI LIL OĦRAJN
Minħabba l-projbizzjoni, konna niltaqgħu fi gruppi żgħar ġo djar privati u kont naf biss ftit nies li kienu Xhieda. Bla mistenni, kelli l-permess mill-awtoritajiet tal-pajjiż biex immur il-Ġermanja tal-Punent, fejn ix-Xhieda ma kellhomx projbizzjoni. Għall-ewwel darba f’ħajti, stajt nattendi konvenzjonijiet dwar il-Bibbja u nara eluf taʼ aħwa rġiel u nisa. Din kienet esperjenza unika.
Wara l-waqgħa tal-Ħajt taʼ Berlin, il-projbizzjoni fuq ix-Xhieda taʼ Ġeħova tneħħiet. Sa fl-aħħar, stajna nqimu lil Alla Ġeħova bil-libertà. Jien ridt nagħmel iżjed fix-xogħol tal-ippritkar. Madankollu, kont nibżaʼ niltaqaʼ maʼ nies li ma nafx. Kont inħossni inferjuri minħabba d-diżabilità tiegħi u minħabba li qattajt il-maġġorparti taʼ tfuliti f’dar għal dawk b’diżabilità. Imma fl-1992 ipprovajt nipprietka 60 siegħa f’xahar. Mort tajjeb u tgħidx kemm ħadt pjaċir. Allura ddeċidejt li nagħmel dan kull xahar u rnexxieli nibqaʼ nagħmel hekk għal madwar tliet snin.
Jien dejjem inżomm f’moħħi l-kliem tal-Bibbja: “Min hu dgħajjef, u ma nkunx dgħajjef jien ukoll?” (2 Korintin 11:29) Minkejja d-diżabilitajiet tiegħi, xorta waħda kapaċi nirraġuna u nitkellem. Allura nagħmel l-aħjar tiegħi biex ngħin lil oħrajn. Peress li m’għandix idejn, nistaʼ nifhem għalkollox lil dawk li huma limitati. Jien naf x’jiġifieri meta tkun trid tagħmel xi ħaġa b’disprament imma ma tkunx tistaʼ. Jien nipprova ninkuraġġixxi lil dawk li jħossuhom b’dan il-mod. Li nagħti lil oħrajn b’dan il-mod jagħmilni ferħan.
ĠEĦOVA JGĦINNI KULJUM
Imma jkolli nammetti li kultant inkun kemxejn dipress. Sempliċiment irrid inkun raġel komplut. Nistaʼ nagħmel ħafna affarijiet taʼ kuljum waħdi, imma jinvolvi ħafna iktar ħin, sforz, u enerġija min-normal. Il-motto tiegħi għal kuljum hu: “Għal kollox għandi s-saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-qawwa.” (Filippin 4:13) Kull ġurnata, Ġeħova jagħtini l-qawwa li għandi bżonn biex nagħmel l-attivitajiet taʼ kuljum. Tgħallimt li Ġeħova maʼ waqafx milli jgħinni. Huwa għalhekk li ma rridx nieqaf naqdih.
Ġeħova berikni b’familja—l-iktar ħaġa li xtaqt fit-tfulija u ż-żgħożija tiegħi. Għandi mara mill-aqwa, Elke, li taf tħobb u turi mogħdrija. Iżjed minn hekk, miljuni taʼ Xhieda taʼ Ġeħova saru ħuti f’sens spiritwali—familja madwar id-dinja.
Barra minn hekk, inħossni mfarraġ mill-wegħda t’Alla dwar il-Ġenna tal-art, fejn se jagħmel “kollox ġdid,” inkluż idejja. (Rivelazzjoni 21:5) Jien nifhem din il-wegħda aħjar meta nimmedita dwar x’għamel Ġesù meta kien fuq l-art. F’ħakka t’għajn, hu fejjaq lil dawk diżabbli u saħansitra fejjaq widna taʼ raġel li kienet ġiet maqtugħa. (Mattew 12:13; Luqa 22:50, 51) Il-wegħdi taʼ Ġeħova u l-mirakli taʼ Ġesù jikkonvinċuni li mhux se ndum biex inkun raġel komplut.
Madankollu, l-ikbar barka hi li sirt naf lil Alla Ġeħova. Hu sar il-missier u l-ħabib tiegħi, il-wieħed li jfarraġni u li jsaħħaħni. Inħossni bħas-Sultan David li kiteb: ‘Ġeħova hu s-saħħa tiegħi. Qalbi tifraħ bl-għajnuna li ksibt.’ (Salm 28:7) Irrid nibqaʼ nżomm maʼ din il-verità mill-isbaħ matul ħajti kollha. Jien nħaddanha avolja m’għandix idejn.
^ par. 17 Għal diskussjoni dettaljata dwar is-sinjal tal-aħħar jiem, ara kapitlu 9, “Qegħdin Aħna Ngħixu fl-‘Aħħar Jiem’?” fil-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova u disponibbli onlajn fuq www.jw.org/mt.