Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Min se jiġi rxoxtat fuq l-art u x’se jiġri wara?
Ara kif il-Bibbja twieġeb dawn il-mistoqsijiet.
Atti 24:15 jgħid li se jkun hemm “irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” In-nies sewwa huma dawk li qabel mietu obdew lil Alla, allura isimhom miktub fil-ktieb tal-ħajja. (Mal. 3:16) In-nies li mhumiex sewwa huma dawk li qabel mietu ma kellhomx iċ-ċans jitgħallmu dwar Ġeħova, allura isimhom mhux fil-ktieb tal-ħajja.
Ġwanni 5:28, 29 isemmi l-istess żewġ gruppi li jissemmew f’Atti 24:15. Ġesù qal li “dawk li għamlu t-tajjeb” se jkollhom ‘irxoxt taʼ ħajja, u dawk li għamlu affarijiet ħżiena, irxoxt taʼ ġudizzju.’ In-nies sewwa għamlu affarijiet tajbin qabel mietu. Huma se jkollhom irxoxt taʼ ħajja għax isimhom se jkun għadu miktub fil-ktieb tal-ħajja. Imma n-nies mhux sewwa għamlu affarijiet ħżiena qabel mietu. Għalhekk, huma se jkollhom irxoxt taʼ ġudizzju. Isimhom għadu mhux miktub fil-ktieb tal-ħajja. Huma se jkollhom perjodu taʼ żmien fejn se jiġu ġġudikati skont kif jgħixu ħajjithom. Dan se jkun bħal test għalihom. F’dak iż-żmien, se jkollhom iċ-ċans li jitgħallmu dwar Ġeħova u jkollhom isimhom miktub fil-ktieb tal-ħajja.
Rivelazzjoni 20:12, 13 jispjega li n-nies kollha li se jirxoxtaw se jkollhom jobdu dak li jkun hemm “miktub fir-rombli.” Dawn huma l-liġijiet ġodda li Alla se jtina fid-dinja l-ġdida. Ġeħova se jeqred lil kull min ma jobdix.—Is. 65:20.
Danjel 12:2 jgħid li ħa jkun hemm min se jiġi rxoxtat “għall-ħajja taʼ dejjem u min għall-għajb u għall-istmerrija taʼ dejjem.” Dan il-vers jitkellem dwar l-aħħar ġudizzju taʼ dawk li se jiġu rxoxtati. Huma jew se jkollhom “ħajja taʼ dejjem” jew “stmerrija taʼ dejjem.” Mela fl-aħħar tal-1,000 sena, min se jkollu ħajja taʼ dejjem u min se jinqered għal dejjem.—Riv. 20:15; 21:3, 4.
Ejja nġibu eżempju. Iż-żewġ gruppi li se jiġu rxoxtati nistgħu nqabbluhom maʼ nies li jridu jgħixu f’pajjiż differenti. Is-sewwa huma bħal dawk li jirċievu viża biex ikunu jistgħu jaħdmu jew viża biex jgħixu fil-pajjiż. Imma n-nies mhux sewwa huma bħal dawk li jirċievu viża biex joqogħdu fil-pajjiż għal ftit żmien biss. Iż-żewġ gruppi jridu jirrispettaw u jobdu l-liġijiet tal-pajjiż biex ikunu jistgħu jibqgħu fih. B’mod simili, in-nies mhux sewwa li se jiġu rxoxtati jridu jobdu il-liġijiet taʼ Ġeħova u juru li nbidlu biex jibqgħu fil-Ġenna tal-art. Bħall-eżempju li semmejna, hi x’inhi l-viża li rċivew fil-bidu, fl-aħħar ikun hemm min ikollu ċ-ċittadinanza u min jitkeċċa. Dan jiddependi minn kif iġibu ruħhom fil-pajjiż il-ġdid. B’mod simili, il-ġudizzju fuq dawk li se jiġu rxoxtati jiddependi fuq il-lealtà tagħhom u kif iġibu ruħhom fid-dinja l-ġdida.
Ġeħova mhux biss Alla mimli mħabba imma wkoll l-Alla tal-ġustizzja. (Dt. 32:4; Salm 33:5) Hu se juri l-imħabba billi jirxoxta kemm lin-nies tajbin u anke lil dawk li mhumiex. Imma hu jistenna li kulħadd jobdi l-liġijiet tiegħu. Dawk li jħobbuh u jobduh biss se jibqgħu jgħixu fid-dinja l-ġdida.