ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 41
GĦANJA 13 Kristu, l-eżempju tagħna
X’Titgħallem mill-Aħħar 40 Ġurnata li Ġesù Għamel Fuq l-Art?
“Huma rawh kemm-il darba matul 40 jum, u hu tkellem dwar is-Saltna t’Alla.”—ATTI 1:3.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif nistgħu nimitaw dak li għamel Ġesù fl-aħħar 40 ġurnata li għamel fuq l-art.
1-2. X’jiġrilhom żewġ dixxipli huma u sejrin Għemmaws?
IL-ĠURNATA hi s-16 taʼ Nisan, 33 wara Kristu (WK). Id-dixxipli taʼ Ġesù huma mdejqin u qed jibżgħu. Tnejn minnhom jitilqu minn Ġerusalemm u jivvjaġġaw 11-il kilometru lejn villaġġ jismu Għemmaws. Huma kienu ħasbu li l-Messija kien se jagħmel ħafna affarijiet tajbin għal-Lhud. Imma qed iħossuhom imdejqin u skuraġġiti għax għadu kif inqatel Ġesù. Imma fit-triq tiġri xi ħaġa li ma kinux qed jistennew.
2 Huma u mexjin jiltaqgħu maʼ raġel u jibda jimxi magħhom. Huma jgħidulu x’kien ġara lil Ġesù. Imbagħad hu jibda jkellimhom dwar affarijiet li qatt ma kienu se jinsew. Ir-raġel juża l-Iskrittura u l-profeziji biex jispjegalhom għala l-Messija kellu jmut. Meta fl-aħħar jaslu Għemmaws, id-dixxipli jindunaw li dan ir-raġel kien Ġesù rxoxtat! Min jaf kemm kienu ferħanin li l-Messija kien ħaj!—Luqa 24:13-35.
3-4. Xi ġralhom id-dixxipli taʼ Ġesù, u x’se naraw f’dan l-artiklu? (Atti 1:3)
3 Qabel ma Ġesù telaʼ s-sema, dam 40 ġurnata fuq l-art. Matul dan iż-żmien, hu deher lid-dixxipli tiegħu ħafna drabi. a (Aqra Atti 1:3.) Ġesù inkuraġġiehom u huma ma baqgħux imdejqin, u kienu lesti biex jippritkaw u jgħallmu bil-ferħ dwar is-Saltna t’Alla.
4 Li nistudjaw dwar x’għamel Ġesù fl-40 ġurnata wara li ġie rxoxtat se jgħinna. F’dan l-artiklu se naraw kif Ġesù uża dan iż-żmien biex (1) jinkuraġġixxi lid-dixxipli tiegħu, (2) jgħinhom jifhmu l-Bibbja aħjar, u (3) jittrennjahom għax-xogħol li kellhom jagħmlu fil-futur. Se naraw ukoll kif nistgħu nimitaw lil Ġesù.
INKURAĠĠIXXI LIL OĦRAJN
5. Id-dixxipli taʼ Ġesù għala kellhom bżonn l-inkuraġġiment?
5 Id-dixxipli taʼ Ġesù għala kellhom bżonn l-inkuraġġiment? Xi wħud minnhom kienu telqu lill-familji tagħhom, id-djar, jew xogħol tajjeb biex ikunu maʼ Ġesù full-time. (Mat. 19:27) Oħrajn kienu ġew ittrattati ħażin għax kienu saru dixxipli taʼ Ġesù. (Ġw. 9:22) Imma dawn kienu lesti li jagħmlu l-bidliet għax emmnu li Ġesù hu l-Messija. (Mat. 16:16) Allura meta Ġesù nqatel, huma kienu mdejqin ħafna u ddiżappuntati għax ħasbu li dak li kienu qed iħarsu ’l quddiem għalih mhux se jiġri.
6. Ġesù x’għamel wara li ġie rxoxtat?
6 Ġesù kien jaf li d-dixxipli tiegħu kienu mdejqin li hu miet mhux għax ma kellhomx fidi, imma għax kienet xi ħaġa normali li jħossuhom hekk. Allura meta ġie rxoxtat, mill-ewwel beda jinkuraġġixxi lill-ħbieb tiegħu. Pereżempju, l-ewwel deher lil Marija l-Maddalena meta kienet qed tibki fejn il-qabar tiegħu. (Ġw. 20:11, 16) Imbagħad deher liż-żewġ dixxipli li kienu sejrin Għemmaws. Hu deher ukoll lil Pietru. (Luqa 24:34) X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġesù? Ejja naraw x’ġara meta deher lil Marija l-Maddalena.
7. Skont Ġwanni 20:11-16, Ġesù x’ra lil Marija tagħmel, u hu x’għamel għaliha? (Ara l-istampa.)
7 Aqra Ġwanni 20:11-16. Kmieni filgħodu fis-16 taʼ Nisan, xi nisa marru ħdejn il-qabar fejn kien hemm Ġesù. (Luqa 24:1, 10) Waħda minnhom kienet Marija l-Maddalena. Meta waslet, rat li l-ġisem taʼ Ġesù ma kienx fil-qabar. Allura malajr marret tgħid lil Pietru u lil Ġwanni. Huma marru jiġru lejn il-qabar u hi marret warajhom. Xħin raw li l-qabar veru kien vojt, huma marru lura d-dar. Imma Marija baqgħet hemmhekk tibki. Hi ma kinitx taf li Ġesù kien qed jaraha. Hu nnota li kienet qed tibki u ried jinkuraġġiha. Allura dehrilha, kellimha, u taha inkarigu importanti. Hi kellha tmur għand l-aħwa u tgħidilhom li Ġesù kien ġie rxoxtat.—Ġw. 20:17, 18.
8. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù?
8 Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù? Dan nistgħu nagħmluh billi ninkuraġġixxu lill-aħwa biex jibqgħu jaqdu lil Ġeħova, noqogħdu attenti għal dak li jkunu għaddejjin minnu u nipprovaw nifhmu kif qed iħossuhom. Ara l-eżempju t’oħt jisimha Jocelyn. Oħtha mietet f’aċċident ikrah. Jocelyn tgħid: “Għamilt xhur imdejqa ħafna.” Imma ħu u l-mara tiegħu stidnuha d-dar, qagħdu jisimgħuha tiftaħ qalbha, u qalulha kemm hi importanti għal Ġeħova. Jocelyn tgħid: “Ħassejt qisu Ġeħova qed juża lil dawn l-aħwa biex isalvani minn baħar imqalleb. Huma għenuni biex ikolli x-xewqa li nerġaʼ naqdi lil Ġeħova.” Aħna nistgħu ngħinu lil oħrajn jekk inħalluhom jitkellmu u noqogħdu nisimgħuhom. Dan se jgħinhom biex jibqgħu jaqdu lil Ġeħova.—Rum. 12:15.
GĦIN LIL OĦRAJN JIFHMU L-BIBBJA
9. Xi sfida kellhom id-dixxipli taʼ Ġesù, u Ġesù kif għenhom?
9 Id-dixxipli kienu jemmnu fil-Kelma t’Alla u għamlu kulma setgħu biex jobduha. (Ġw. 17:6) Imma ma setgħux jifhmu għala Ġesù nqatel bħala kriminal. Ġesù kien jaf li huma kellhom il-fidi u kienu jħobbuh lil Ġeħova. Imma kien jaf ukoll li kellhom jifhmu l-Kelma t’Alla aħjar. (Luqa 9:44, 45; Ġw. 20:9) Ġesù għen lid-dixxipli tiegħu biex meta jkunu qed jaqraw il-Bibbja mhux jifhmu biss il-kliem li hemm imma jifhmu dak li jrid jgħallimhom Ġeħova. Aħseb dwar kif għamel dan meta deher liż-żewġ dixxipli huma u sejrin Għemmaws.
10. Ġesù kif għen lid-dixxipli tiegħu jifhmu li hu kien il-Messija?
10 Aqra Luqa 24:18-27. Innota li Ġesù mhux mill-ewwel qal lil dawk l-irġiel min kien. Minflok, hu staqsiehom xi mistoqsijiet. Għala? Forsi hu xtaq ikun jaf x’kienu qed jaħsbu u x’kellhom f’qalbhom. U hekk ġara, għax huma qalulu li kienu qed jaħsbu li Ġesù kien se jmexxi minflok ir-Rumani. Wara li fetħu qalbhom miegħu, Ġesù uża l-Bibbja biex jgħinhom jifhmu li ħafna profeziji kienu ġraw. b Imbagħad iktar tard filgħaxija, Ġesù ltaqaʼ maʼ dixxipli oħra u spjegalhom x’kienu jfissru dawn il-profeziji. (Luqa 24:33-48) X’nistgħu nitgħallmu?
11-12. (a) X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Ġesù għallem mill-Bibbja? (Ara l-istampi.) (b) Il-ħu li studja maʼ Nortey kif għenu?
11 Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù? L-ewwel, meta tistudja l-Bibbja maʼ xi ħadd, staqsi mistoqsijiet biex issir taf x’jaħseb u x’jemmen. (Prov. 20:5) Imbagħad meta tifhem kif iħossu, għin lill-istudent isib versi mill-Bibbja li jistgħu jgħinuh. Importanti li ma tgħidlux x’għandu jagħmel. Minflok, għinu jirraġuna minn fuq il-versi tal-Bibbja. U inkuraġġih biex jaħseb dwar x’qed jaqra, u jara kif jistaʼ japplikah f’ħajtu. Aħseb dwar l-esperjenza taʼ ħu mill-Ghana jismu Nortey.
12 Meta Nortey kellu 16-il sena, beda jistudja l-Bibbja. Imma l-familja tiegħu mill-ewwel bdew jagħmluhielu diffiċli. X’għenu biex jibqaʼ jistudja? Il-ħu li studja l-Bibbja maʼ Nortey iddiskuta miegħu Mattew kapitlu 10. Hu wrieh li l-Kristjani veri se jkollhom il-persekuzzjoni. Nortey qal: “Meta bdiet il-persekuzzjoni sirt ċert li kont sibt il-verità.” Imbagħad, il-ħu rraġuna miegħu fuq Mattew 10:16 u ddiskutew kif dan il-vers jistaʼ jgħinu. Hu fakkru kemm hu importanti li dejjem ikun attent u juri rispett meta jitkellem mal-familja tiegħu dwar il-verità. Wara li tgħammed, Nortey xtaq jibda jaqdi bħala pijunier. Imma missieru riedu jmur l-università. Il-ħu li studja l-Bibbja miegħu ma qallux x’għandu jagħmel. Imma minflok, urieh xi prinċipji mill-Bibbja u rraġuna miegħu billi saqsieh xi mistoqsijiet. Nortey x’għamel? Hu ddeċieda li jibda jaqdi bħala pijunier. Imma missieru keċċieh mid-dar. Nortey kif ħassu? Hu qal: “Jien ċert li ħadt l-aqwa deċiżjoni.” Meta ninkuraġġixxu lil oħrajn biex jirraġunaw fuq il-Bibbja, ngħinuhom biex isaħħu l-fidi tagħhom u jibqgħu leali lejn Ġeħova.—Efes. 3:16-19.
GĦINU LILL-AĦWA RĠIEL BIEX ISIRU “BĦALA RIGALI” GĦALL-KONGREGAZZJONI
13. Ġesù x’għamel biex ikun ċert li x-xogħol tal-ippritkar jibqaʼ għaddej wara li jitlaʼ s-sema? (Efesin 4:8)
13 Meta Ġesù kien fuq l-art, għamel eżatt dak li qallu Ġeħova. Imma ma ħasibx li hu biss kien kapaċi jagħmel dan ix-xogħol. (Ġw. 17:4) Fit-tliet snin u nofs li dam jipprietka, hu għallem lil oħrajn biex jagħmlu l-istess. Qabel ma telaʼ s-sema, hu ta lid-dixxipli tiegħu r-responsabbiltà li jippritkaw u jgħallmu lin-nies dwar Ġeħova, għax hu kien jafdahom. Xi wħud minn dawn l-irġiel jistaʼ jkun li kellhom inqas minn 30 sena. (Aqra Efesin 4:8.) Huma kienu ħadmu maʼ Ġesù u kienu leali lejh. Imma qabel telaʼ s-sema, hu tahom iktar trejning biex isiru “bħala rigali” għall-kongregazzjonijiet. Kif?
14. Ġesù x’għallem lid-dixxipli tiegħu qabel telaʼ s-sema? (Ara l-istampa.)
14 Ġesù kien jaf li d-dixxipli tiegħu kellhom bżonn xi pariri, allura tahomlhom bi mħabba. Pereżempju, hu nnota li xi wħud minnhom ma kinux jemmnu li hu kien miet u ġie rxoxtat. Allura b’mod sod għenhom jaraw il-verità. (Luqa 24:25-27; Ġw. 20:27) Qalilhom ukoll biex jiffokaw iktar fuq li jieħdu ħsieb lill-aħwa minflok fuq ix-xogħol tagħhom u li jagħmlu iktar flus. (Ġw. 21:15) Hu fakkarhom biex ma jqabblux dak li qed jagħmlu għal Ġeħova maʼ dak li qed jagħmel ħaddieħor. (Ġw. 21:20-22) Xi wħud minnhom kellhom xi ideat ħżiena dwar is-Saltna. Allura għenhom biex jifhmu l-affarijiet sew u jiffokaw fuq li jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. (Atti 1:6-8) L-anzjani x’jistgħu jitgħallmu minn Ġesù?
15-16. (a) L-anzjani kif jistgħu jimitaw lil Ġesù? (b) Parir sod kif għen lil Patrick?
15 L-anzjani kif jistgħu jimitaw lil Ġesù? Huma għandhom jgħinu u jittrennjaw lil aħwa rġiel biex jaħdmu iktar għall-kongregazzjoni, anki jekk ikunu għadhom żgħar. c L-anzjani jafu li dawn l-aħwa mhumiex perfetti u li għandhom bżonn jitgħallmu. Allura, huma jagħtu l-pariri bi mħabba ħalli l-aħwa jitgħallmu jkunu umli, taʼ min jafdahom, u lesti jgħinu.—1 Tim. 3:1; 2 Tim. 2:2; 1 Pt. 5:5.
16 Ara kif ħu jismu Patrick mar tajjeb meta anzjan tah parir sod. Meta kien għadu żgħir, hu kien ikellem l-aħwa bl-aħrax, anki lill-aħwa nisa, u ma kienx jurihom qalb tajba. Anzjan induna li kellu bżonn jagħmel xi bidliet, allura tah parir sod imma b’qalb tajba. Patrick jgħid: “Jien ferħan li l-anzjan tani parir biex inkun persuna aħjar. Kont niddejjaq meta nara lil aħwa oħra jkollhom responsabbiltajiet li xtaqt jien. Imma l-parir tiegħu għenni nara li hu iktar importanti li nkun umli u nħobb lill-aħwa milli jkolli xi privileġġ.” Patrick għamel progress, u meta kellu 23 sena sar anzjan.—Prov. 27:9.
17. Ġesù kif wera li kien jafda d-dixxipli tiegħu?
17 Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu r-responsabbiltà li jippritkaw l-aħbar tajba u jgħallmu l-Iskrittura. (Mat. 28:20) d Id-dixxipli setgħu ħasbu li ma kinux kapaċi biex jagħmlu dan ix-xogħol. Imma Ġesù kien ċert li setgħu jagħmluh. Hu qalilhom: “Bħalma l-Missier bagħat lili fid-dinja, jien qed nibgħat lilkom fid-dinja.”—Ġw. 20:21.
18. L-anzjani kif jistgħu jimitaw lil Ġesù?
18 L-anzjani kif jistgħu jimitaw lil Ġesù? Huma jittrennjaw lil oħrajn billi jtuhom xi responsabbiltajiet. (Flp. 2:19-22) Pereżempju, l-anzjani jistgħu jgħidu lil aħwa iżgħar biex jgħinuhom fit-tindif tas-Sala tas-Saltna u biex jieħdu ħsiebha. Wara li jtuhom xi xogħol x’jagħmlu u jittrennjawhom, huma juru li jafdawhom li ħa jagħmluh sew. Anzjan ġdid jismu Matthew jgħid li japprezza lill-anzjani li ttrennjawh biex jagħmel ix-xogħol u fdawh li se jagħmlu sew. Hu qal: “Meta għamilt xi żbalji, huma għenuni nitgħallem minnhom ħalli darb’oħra nagħmel ix-xogħol aħjar.” e
19. X’int determinat li tagħmel?
19 Ġesù uża l-aħħar 40 ġurnata tiegħu fuq l-art biex jinkuraġġixxi, jgħallem, u jittrennja lil oħrajn. Jalla nkunu determinati li nimxu fuq l-eżempju tiegħu. (1 Pt. 2:21) U hu ħa jkompli jgħinna. Wara kollox hu wegħedna: “Jien se nibqaʼ magħkom sal-aħħar jiem taʼ din id-dinja.”—Mat. 28:20.
GĦANJA 15 Faħħru l-Ewwel Imwieled taʼ Ġeħova!
a L-Evanġelji u kotba tal-Bibbja oħra juru li Ġesù deher lid-dixxipli tiegħu ħafna drabi wara li ġie rxoxtat. Hu deher lil Marija l-Maddalena (Ġw. 20:11-18); lil nisa oħra (Mat. 28:8-10; Luqa 24:8-11); lil żewġ dixxipli (Luqa 24:13-15); lil Pietru (Luqa 24:34); lill-appostli meta ma kienx hemm Tumas (Ġw. 20:19-24); lill-appostli meta kien hemm Tumas (Ġw. 20:26); lil sebaʼ dixxipli (Ġw. 21:1, 2); lil iktar minn 500 dixxiplu (Mat. 28:16; 1 Kor. 15:6); lil ħuh Ġakbu (1 Kor. 15:7); lill-appostli kollha (Atti 1:4); u lill-appostli viċin Betanja. (Luqa 24:50-52) Jistaʼ jkun li deher lil xi nies oħra, imma mhux kollha nkitbu fil-Bibbja.—Ġw. 21:25.
b Għal lista taʼ profeziji li juru li Ġesù kien il-Messija, ara l-artiklu “Liema profeziji juru li Ġesù kien il-Messija?” fuq jw.org.
c Anzjani li għandhom bejn il-25 u t-30 sena jistgħu jiġu inkarigati biex jaqdu bħala indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet. Imma l-ewwel irid ikollhom esperjenza biżżejjed bħala anzjani.
d Il-kelma Griega tradotta “tgħallem” tinvolvi li tistruwixxi, tispjega, tirraġuna, u tagħti provi. Li tgħallem lin-nies josservaw dak kollu li Ġesù kkmanda hu proċess kontinwu. Dan jinkludi li tgħallem dak li għallem, tapplika t-tagħlim tiegħu, u ssegwi l-eżempju tiegħu.
e Għal iktar informazzjoni taʼ kif l-anzjani jistgħu jgħinu lill-aħwa rġiel, ara It-Torri tal-Għassa t’Awwissu 2018, pp. 13-14, para. 15-17, u It-Torri tal-Għassa tal-15 t’April 2015, pp. 13-14.
f X’TURINA L-ISTAMPA: Ħu jgħin lill-istudent tal-Bibbja jirraġuna fuq dak li tgħid il-Bibbja. Wara, l-istudent jiddeċiedi li jarmi t-tiżjin tal-Milied.