Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Jien Inħossni Protett Għax Nafda f’Ġeħova

Jien Inħossni Protett Għax Nafda f’Ġeħova

META n-nies isaqsuni x’għamilt għal Ġeħova fil-ħajja tiegħi, jien ngħidilhom li nħossni qisni bagalja li Ġeħova jiħodha fejn irid hu! Dan għax bħalma bagalja niħodha fejn irrid, jien nixtieq li Ġeħova u l-organizzazzjoni jagħmlu hekk bija wkoll. Jien aċċettajt inkarigi li kienu diffiċli, u xi kultant kienu perikolużi. Imma jien tgħallimt li nistaʼ nħossni protett meta nafda f’Ġeħova biss.

KIF SIRT NAF LIL ĠEĦOVA U BDEJT NAFDAH

Jien twelidt fl-1948 f’raħal żgħir fin-Niġerja. Dak iż-żmien, iz-ziju tiegħi u ħija l-kbir Wahabi, tgħammdu bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Meta kelli disaʼ snin, missieri miet, u kien żmien diffiċli ħafna għalija. Wahabi qalli li fl-irxoxt nistgħu nerġgħu naraw lill-pa. Dal-ħsieb ġegħelni nibda nistudja l-Bibbja, u tgħammidt fl-1963. Wara, it-tliet ħuti l-oħra wkoll tgħammdu.

Fl-1965, jien mort fejn ħija Wilson f’Lagos u ħadt pjaċir inkun mal-pijunieri fil-Kongregazzjoni taʼ Igbobi. Meta rajt kemm kienu jirsistu u kemm kienu ferħanin, jien ukoll bdejt nagħmel pijunier f’Jannar tal-1968.

Ħu jismu Albert Olugbebi, li kien jaħdem f’Betel, organizza laqgħa speċjali għaż-żgħażagħ biex jgħidilna dwar il-bżonn li kien hemm taʼ pijunieri speċjali fin-naħa taʼ fuq tan-Niġerja. Għadni niftakar kemm kien entużjast Ħuna Olugbebi meta qal: “Intom għadkom żgħar, u tistgħu tużaw il-ħin u l-enerġija li għandkom għal Ġeħova. Hemm ħafna xogħol x’tagħmlu!” Jien xtaqt inkun bħal Isaija u mmur fejn jibgħatni Ġeħova, allura applikajt biex inkun pijunier speċjali.—Is. 6:8.

F’Mejju tal-1968, bagħtuni bħala pijunier speċjali fil-belt taʼ Kano, fin-naħa taʼ fuq tan-Niġerja. Dan kien matul żmien taʼ gwerra ċivili bejn in-Niġerja u l-Biafra, li damet għaddejja mill-1967 sal-1970. Minħabba l-gwerra batew u mietu ħafna nies fin-naħa taʼ fuq tan-Niġerja. Imbagħad il-ġlied kompla fin-naħa tal-Lvant. Kien hemm ħu li pprova jikkonvinċini biex ma mmurx in-naħa taʼ fuq tan-Niġerja, għax ma riedx li jiġrili xi ħaġa. Imma jien għedtlu: “Napprezza li qed tinkwieta għalija. Imma jekk Ġeħova jridni mmur hemm, jien ċert li se jieħu ħsiebi.”

NAFDA F’ĠEĦOVA F’POST IMKISSER WARA L-GWERRA

Kienet vera taʼ dwejjaq li tara x’kien hemm f’Kano wara l-gwerra għax din kienet qerdet din il-belt kbira. Meta konna nkunu service, ġieli konna naraw xi nies li nqatlu minħabba l-gwerra. Kien hemm ħafna kongregazzjonijiet f’Kano, imma ħafna mill-aħwa kienu ħarbu. Kien għad fadal inqas minn 15-il pubblikatur, u kienu mbeżżgħin u skuraġġiti. Dawn l-aħwa kienu vera ferħanin meta wasalna jien u ħames pijunieri speċjali oħra. Il-pubblikaturi ħassewhom aħjar wara li inkuraġġejniehom. Aħna għenniehom biex jerġgħu jibdew jagħmlu l-laqgħat u joħorġu fuq is-service, u għenniehom biex jerġgħu jibdew jibagħtu s-service reports lill-fergħa u jordnaw il-letteratura.

Aħna li morna hemm bdejna nitgħallmu l-lingwa Hausa. Meta semgħu l-messaġġ bil-lingwa tagħhom, ħafna nies tkellmu magħna. Però, xi mexxejja tar-reliġjon li ħafna nies kienu jsegwu f’Kano għamluhielna diffiċli biex nippritkaw. Allura ridna noqogħdu attenti ħafna. Darba kien hemm raġel li beda jiġri warajna b’sikkina. Imma aħna ġrejna iktar minnu, u rnexxielna naħarbu! Għalkemm kien hemm ħafna periklu, Ġeħova pproteġiena, u n-numru taʼ pubblikaturi beda jikber. (Salm 4:8) Illum, hemm iktar minn 500 pubblikatur jaqdu fi 11-il kongregazzjoni f’Kano.

PERSEGWITATI FIN-NIĠER

Naqdi bħala pijunier speċjali fi Niamey, in-Niġer

F’Awwissu tal-1968, wara li kont Kano għal xi xhur, ġejt mibgħut maʼ żewġ pijunieri speċjali oħra fi Niamey, il-belt kapitali tar-Repubblika tan-Niġer. Ma domniex ma ndunajna li n-Niġer hu wieħed mill-iktar postijiet sħan fid-dinja. Apparti li kellna nidraw nippritkaw fi sħana kbira, kellna nitgħallmu l-lingwa uffiċjali tal-pajjiż, il-Franċiż. Għalkemm kienet xi ħaġa diffiċli, aħna fdajna f’Ġeħova u bdejna nippritkaw fil-belt mal-ftit pubblikaturi li kien hemm. Fi żmien qasir, kważi kulħadd fi Niamey kellu l-ktieb Il-Verità li Twassal għal Ħajja Eterna. Ġieli kienu jiġu jfittxuna biex jieħdu kopja tal-ktieb!

Aħna sirna nafu li l-awtoritajiet ma kinux iħobbu lix-Xhieda taʼ Ġeħova. F’Lulju tal-1969, kellna l-ewwel assemblea tas-circuit fil-pajjiż, u marru madwar 20 persuna. Konna qed inħarsu ’l quddiem biex naraw żewġ pubblikaturi ġodda jitgħammdu. Imma fl-ewwel ġurnata tal-assemblea, ġew il-pulizija u waqqfu l-assemblea. Huma ħadu lill-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u lill-pijunieri speċjali l-għassa. Wara li għamlulna ħafna mistoqsijiet, qalulna biex l-għada nerġgħu mmorru. Aħna ndunajna li l-awtoritajiet kien se jaqilgħulna l-problemi, allura rranġajna biex it-taħdita tal-magħmudija ssir fid-dar taʼ xi ħadd, u l-magħmudija ssir bil-moħbi fi xmara.

Xi ġimgħat wara, l-awtoritajiet keċċew lili u ħames pijunieri speċjali oħra. Huma tawna 48 siegħa biex nitilqu mill-pajjiż, u kellna nirranġaw kollox aħna. Aħna obdejna, u morna fl-uffiċċju tal-fergħa fin-Niġerja, fejn tawna inkarigi ġodda.

Lili bagħtuni f’raħal fin-Niġerja jismu Orisunbare. Vera kont nieħu pjaċir nipprietka u nikkonduċi studji tal-Bibbja maʼ grupp żgħir taʼ pubblikaturi li kienu jgħixu hemmhekk. Imma wara sitt xhur, reġgħu staqsewni mill-uffiċċju tal-fergħa biex immur in-Niġer waħdi. Għall-ewwel ma kontx qed nistennieha u bdejt nibżaʼ. Imma mbagħad bdejt inħares ‘il quddiem biex nerġaʼ nara lill-aħwa fin-Niġer!

Jien erġajt mort Niamey. Ġurnata wara li wasalt, negozjant min-Niġerja nduna li jien kont Xhud, u beda jsaqsi ħafna mistoqsijiet dwar il-Bibbja. Studjajna l-Bibbja flimkien, u wara li waqaf ipejjep u jixrob, hu tgħammed. Kont vera ferħan li stajt nipprietka mal-aħwa f’postijiet differenti fin-Niġer, u nara li maż-żmien ħafna nies aċċettaw il-verità. Meta wasalt fil-pajjiż kien hemm 31 Xhud, imma meta tlaqt kien hemm kważi 70.

“MA NAFUX KIF SEJRIN L-AĦWA FIL-GUINEA”

F’Diċembru tal-1977, erġajt mort in-Niġerja għal xi trejning. Wara li spiċċa t-trejning, Ħuna Malcolm Vigo, il-koordinatur tal-Kumitat tal-Fergħa, tani ittra mill-fergħa taʼ Sierra Leone. Fl-ittra kien hemm li l-aħwa t’hemm bdew ifittxu ħu single li kien pijunier u kien jaf jitkellem bl-Ingliż u l-Franċiż, biex jaqdi bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fil-Guinea. Ħuna Vigo qalli li jien ġejt trenjat għal dan l-inkarigu. Hu għamilhieli ċara li ma kienx inkarigu faċli. Hu qalli, “Aħsibha sew qabel ma taċċetta.” Imma jien għedtlu, “La Ġeħova qed jibgħatni, jien ħa mmur.”

Wara mort Sierra Leone u ltqajt mal-aħwa tal-fergħa t’hemmhekk. Wieħed mill-aħwa fil-Kumitat tal-Fergħa qalli, “Ma nafux kif sejrin l-aħwa fil-Guinea.” Il-fergħa fi Sierra Leone kienet responsabbli għall-aħwa fil-Guinea, imma ma setgħetx tikkomunika mal-aħwa minħabba li fil-pajjiż kien hemm problemi taʼ politika. Kienu pprovaw kemm-il darba jibagħtu ħu biex jaraw kif sejrin l-aħwa, imma ma kienx irnexxielhom. Allura, staqsewni biex immur il-belt kapitali, Conakry, biex nipprova nġib ir-residenza.

“La Ġeħova qed jibgħatni, jien ħa mmur”

Meta wasalt Conakry, mort l-ambaxxata tan-Niġerja. Lill-ambaxxatur għedtlu li nixtieq nipprietka fil-Guinea. Hu qalli li aħjar ma nibqax fil-Guinea għax kien hemm ċans li jarrestawni jew agħar. Qalli li aħjar immur in-Niġerja u nipprietka hemm. Imma jien għedtlu, “Jien se nibqaʼ hawn.” Allura hu kiteb ittra biex il-gvern jgħinni, u hekk għamlu.

Wara, erġajt mort Sierra Leone u għedt lill-aħwa tal-fergħa bid-deċiżjoni tal-gvern. L-aħwa ferħu ħafna meta semgħu kif Ġeħova kien għenna fil-Guinea, għax il-gvern kien tani r-residenza!

Fix-xogħol tas-circuit fi Sierra Leone

Mill-1978 sal-1989, jien qdejt bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fil-Guinea u Sierra Leone, u qdejt ukoll bħala sostitut għall-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fil-Liberja. Għall-ewwel, kont nimrad spiss, u ġieli ġrali hekk f’postijiet imwarrbin. Imma l-aħwa dejjem kienu jipprovaw jagħmlu li jistgħu biex jiħduni l-isptar.

Darba minnhom, imradt sew bil-malarja u dud fl-istonku. Meta fiqt, sirt naf li l-aħwa kienu qegħdin jaraw fejn se jidfnuni għax ħasbuni li ħa mmut! Minkejja dawn il-problemi, qatt m’għaddieli minn moħħi biex nieqaf mill-inkarigu li kelli. U jien ċert li Ġeħova biss jistaʼ jipproteġina bl-aħjar mod, għax anki jekk immutu, hu jistaʼ jirxoxtana.

NAFDAW F’ĠEĦOVA BĦALA KOPPJA

Meta żżewwiġna fl-1988

Fl-1988, jien iltqajt maʼ Dorcas, oħt li kienet umli u spiritwali ħafna. Iżżewwiġna u bdejna naqdu flimkien fix-xogħol tas-circuit. Dorcas ħadmet iebes ħafna miegħi, u kienet lesta li tagħmel ħafna sagrifiċċji għal Ġeħova. Ġieli, biex immorru f’kongregazzjoni oħra kellna nimxu 25 kilometru, waqt li nġorru l-bagalji. Biex immorru f’kongregazzjonijiet iżjed ‘il bogħod, konna nużaw mezzi oħrajn biex ngħaddu minn toroq bit-tajn u mimlijin ħofor.

Dorcas vera kuraġġuża. Pereżempju, ġieli kien ikollna naqsmu xmajjar li kien ikun fihom il-kukkudrilli. Darba minnhom kellna vjaġġ taʼ ħamest ijiem, u peress li l-bridge kien imkisser, kellna nużaw il-kenuri biex naqsmu x-xmara. Malli Dorcas qamet bil-wieqfa biex tinżel mill-kenura, waqgħet fix-xmara. Ħadd minna ma kien jaf jgħum, u kien hemm il-kukkudrilli fix-xmara. Imma kien hemm xi żgħażagħ li qabżu għaliha. Għal xi żmien, konna noħolmu ikrah ħabba dak li ġralna, imma xorta waħda bqajna naħdmu fix-xogħol tas-circuit.

It-tfal tagħna, Jahgift u Eric, kienu barka mingħand Ġeħova

Fil-bidu tal-1992, sirna nafu li Dorcas ħarġet tqila. Minħabba f’hekk ridna naraw jekk konniex se nibqgħu pijunieri speċjali. Aħna rraġunajna, “Ġeħova tana rigal!” Allura, iddeċidejna li nsemmu t-tifla tagħna Jahgift, li bl-Ingliż ifisser “Ġeħova tana rigal.” Erbaʼ snin wara, kellna lit-tifel tagħna Eric. It-tfal tagħna kienu barka mingħand Ġeħova. Għal xi żmien, Jahgift kienet taqdi fl-uffiċċju tat-traduzzjoni f’Conakry, u Eric jaqdi bħala qaddej ministerjali.

Għalkemm Dorcas waqfet taqdi bħala pijuniera speċjali, hi kompliet taqdi bħala pijuniera regulari, waqt li trabbi t-tfal tagħna. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, jien komplejt naqdi bħala pijunier speċjali. Meta t-tfal tagħna kibru, Dorcas reġgħet bdiet taqdi bħala pijuniera speċjali. Issa qegħdin naqdu bħala missjunarji f’Conakry.

ĠEĦOVA JIPPROTEĠINA

Jien dejjem mort fejn riedni Ġeħova, u jien u l-mara rajna l-protezzjoni u l-barka tiegħu. Minħabba li fdajna f’Ġeħova minflok fl-affarijiet materjali, frankajna ħafna problemi u stress. Jien u Dorcas tgħallimna li l-protezzjoni vera tiġi mill-“Alla tas-salvazzjoni tagħna.” (1 Kron. 16:35) U jien ċert li kull min jafda fih, hu se jipproteġilhom ħajjithom.—1 Sam. 25:29.