Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 21

GĦANJA 107 Il-mudell divin tal-imħabba

Kif Issib l-Aħjar Persuna Biex Tiżżewweġ

Kif Issib l-Aħjar Persuna Biex Tiżżewweġ

“Min jistaʼ jsib mara kapaċi? Hi tiswa ħafna iktar mill-korall.”PROV. 31:10.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se naraw prinċipji tal-Bibbja li jistgħu jgħinuk issib l-aħjar persuna għaż-żwieġ u kif l-aħwa fil-kongregazzjoni jistgħu jgħinu lil dawk li jixtiequ jiżżewġu.

1-2. (a) Il-Kristjani liema tliet affarijiet tajjeb li jkollhom qabel jibdew joħorġu maʼ xi ħadd? (b) Xi jfisser li tibda toħroġ maʼ xi ħadd? (Ara “Espressjoni Spjegata.”)

 TIXTIEQ tiżżewweġ? M’hemmx bżonn li tkun miżżewweġ biex tkun ferħan, imma ħafna nies jixtiequ jiżżewġu. Importanti li qabel ma tibda toħroġ maʼ xi ħadd ikollok dawn it-tliet affarijiet: tkun ħabib sew taʼ Ġeħova, tkun taf tqassam il-flus sew, u tkun matur. a (1 Kor. 7:36) Meta tagħmel dawn l-affarijiet hemm iktar ċans li tkun ferħan meta tiżżewweġ.

2 Imma mhix faċli li ssib lil xi ħadd biex tiżżewweġ. (Prov. 31:10) Imma jekk issib lil xi ħadd li tixtieq issir taf aħjar, kif tistaʼ tgħidlu? b F’dan l-artiklu ħa naraw kif il-Kristjani jistgħu jsibu lil xi ħadd li jaħsbu li jkun tajjeb biex jiżżewġu. Se nitgħallmu wkoll kif l-aħwa fil-kongregazzjoni jistgħu jgħinu lil dawk li jixtiequ jiżżewġu.

X’JISTAʼ JGĦINEK ISSIB LIL XI ĦADD BIEX TIŻŻEWWEĠ?

3. Il-Kristjani dwar xiex iridu jaħsbu meta jfittxu lil xi ħadd biex jiżżewġu?

3 Jekk tixtieq tiżżewweġ, importanti li qabel tibda toħroġ maʼ xi ħadd tkun taf liema kwalitajiet tixtieq fil-persuna l-oħra. Jekk ma tagħmilx hekk, tistaʼ ma tindunax b’xi ħadd li jkun tajjeb għalik jew inkella tibda toħroġ maʼ xi ħadd li ma jkunx tajjeb għalik. Ovvjament, dak li tibda toħroġ miegħu jrid ikun Kristjan mgħammed. (1 Kor. 7:39) Imma mhux kull Kristjan mgħammed ħa jkun tajjeb. Allura staqsi lilek innifsek: ‘X’inhuma l-miri tiegħi? Liema kwalitajiet nixtieq li jkollha l-persuna l-oħra? Qiegħed nistenna wisq mill-persuna li qed infittex?’

4. Xi aħwa dwar xiex talbu?

4 Jekk tixtieq tiżżewweġ, int żgur li tlabt ħafna lil Ġeħova dwarha. (Flp. 4:6) Ovvjament, Ġeħova ma jwegħedniex li l-qaddejja tiegħu żgur ħa jsibu lil xi ħadd. Imma hu jinteressah ħafna minn kif tħossok, u se jgħinek meta tkun qed tfittex lil xi ħadd. Allura ibqaʼ itlob u għidlu kif qed tħossok. (Salm 62:8) Itolbu biex jagħtik l-għerf u l-paċenzja li għandek bżonn. (Ġak. 1:5) John, c ħu single mill-Istati Uniti, jgħid dwar xiex jitlob. Hu jgħid: “Meta nitlob, ngħid lil Ġeħova xi kwalitajiet nixtieq li l-mara tiegħi jkollha. Nitolbu biex ikolli opportunitajiet ħalli niltaqaʼ maʼ xi ħadd li jistaʼ jkun tajjeb għalija. U nitolbu wkoll biex jgħinni jkolli kwalitajiet tajbin bħala raġel.” Tanya, oħt mis-Sri Lanka, tgħid: “Jien nitlob li sakemm qed infittex raġel nibqaʼ leali u ferħana.” Jekk għadek ma sibtx lil xi ħadd tajjeb għalik, Ġeħova iwiegħdek li se jieħu ħsiebek, u li ħa jurik li jħobbok.—Salm 55:22.

5. Il-Kristjani single x’jistgħu jagħmlu biex jiltaqgħu maʼ aħwa single oħra? (1 Korintin 15:58) (Ara l-istampa.)

5 Il-Bibbja tgħid biex dejjem ikollna ‘ħafna x’nagħmlu fix-xogħol tal-Mulej.’ (Aqra l-1 Korintin 15:58.) Jekk jibqaʼ jkollok ħafna x’tagħmel fix-xogħol taʼ Ġeħova u tqattaʼ ħin maʼ aħwa differenti, se tieħu pjaċir magħhom u se tiltaqaʼ maʼ nies single li jieħdu pjaċir jaqdu lil Ġeħova. Meta tagħmel l-aħjar tiegħek għal Ġeħova, se tkun vera ferħan.

Jekk jibqaʼ jkollok ħafna x’tagħmel għal Ġeħova u tqattaʼ ħin maʼ aħwa differenti, tistaʼ tiltaqaʼ m’oħrajn li jixtiequ jiżżewġu (Ara paragrafu 5)


6. L-aħwa single xi jridu jżommu f’moħħhom?

6 Jekk ma toqgħodx attent, li tfittex lil xi ħadd biex tiżżewweġ tistaʼ ssir l-iktar ħaġa importanti. (Flp. 1:10) Ftakar li biex tkun vera ferħan, l-unika ħaġa li għandek bżonn hi li jkollok ħbiberija tajba maʼ Ġeħova. (Mt. 5:3) Allura, sakemm għadek single, sib modi li bihom taqdi iktar lil Ġeħova. (1 Kor. 7:​32, 33) F’dan iż-żmien uża l-ħin tiegħek bl-aħjar mod. Jessica, oħt mill-Istati Uniti li żżewġet meta kellha kważi 40 sena, tgħid, “Qabel iżżewwiġt, jien ipprovajt naqdi lil Ġeħova kemm nistaʼ. B’hekk, jien kont ferħana avolja xtaqt niżżewweġ.”

SIR AF IŻJED DWAR IL-PERSUNA

7. Għala hu importanti li ssir taf iżjed lill-persuna qabel tgħidilha li għandek grazzja magħha? (Proverbji 13:16)

7 Imma x’tistaʼ tagħmel jekk taħseb li xi ħadd jistaʼ jkun tajjeb biex tiżżewġu? Għandek tmur fuqu u tgħidlu kif tħossok mill-ewwel? Il-Bibbja tgħid: “L-għaqli jaħseb qabel ma jagħmel xi ħaġa.” (Aqra Proverbji 13:16.) Allura, jekk ikun hemm xi ħadd li jogħġbok, importanti li għal xi żmien tara kif jaġixxi u kif jitkellem meta jkun maʼ tal-familja u l-ħbieb. Aschwin, ħu min-Netherlands, jgħid: “L-emozzjonijiet jistgħu jiġu malajr, imma jistgħu jisparixxu malajr ukoll. Allura ħu l-ħin biex tosserva sew u ssir taf lill-persuna aħjar. B’hekk ma tibdiex toħroġ maʼ xi ħadd sempliċiment għax ikun għoġbok.” Jistaʼ jkun ukoll li meta ssir taf iktar dwar il-persuna, tinduna li mhix tajba għalik.

8. Ħu jew oħt kif tistaʼ ssir taf lil xi ħadd aħjar? (Ara l-istampa.)

8 Kif tistaʼ ssir taf iktar lill-persuna mingħajr ma tiġbed attenzjoni żejda lejk? Tistaʼ tagħmel dan waqt il-laqgħat u waqt il-get-togethers. Innota l-ispiritwalità tiegħu, x’karattru għandu, u kif iġib ruħu maʼ oħrajn. Min huma l-ħbieb tiegħu? Dwar xiex iħobb jitkellem? (Lq. 6:45) Il-miri tiegħu jaqblu maʼ tiegħi? Tistaʼ ssaqsi dwaru lill-anzjani tal-kongregazzjoni tiegħu jew xi aħwa maturi li jafuh sew. (Prov. 20:18) Staqsihom x’jaħsbu dwaru u liema kwalitajiet għandu. (Rut 2:11) Ovvjament importanti li meta tkun qed issir taf iktar lill-persuna, ma ġġegħelhiex tħossha skomda. Irrispetta l-emozzjonijiet tagħha u l-privatezza.

Qabel ma tgħid lil xi ħadd li tixtieq issir tafu aħjar, ipprova sir af iktar dwaru (Ara paragrafi 7-8)


9. Qabel tgħid lil xi ħadd li għandek grazzja miegħu, minn xiex trid tkun ċert?

9 Kemm trid iddum issir taf lil xi ħadd qabel tgħidlu li għandek grazzja miegħu? Jekk tgħidlu malajr wisq forsi jaħseb li qabel tieħu deċiżjoni ma taħsibx sew dwarha. (Prov. 29:20) Imma jekk iddum wisq u l-persuna l-oħra tinduna kif tħossok, forsi tidher li int iddum ħafna biex tieħu deċiżjoni. (Ekk. 11:4) Qabel tgħid lil xi ħadd kif tħossok żomm f’moħħok li jekk toħroġ miegħu, mhux bilfors se tiżżewġu. Imma trid tkun ċert li int lest għaż-żwieġ u li l-persuna l-oħra tistaʼ tkun tajba biex tiżżewwiġha.

10. Xi trid tagħmel jekk tħoss li xi ħadd jixtieq joħroġ miegħek imma int m’intix interessata?

10 Xi trid tagħmel jekk tinduna li xi ħadd jixtieq isir jafek aħjar imma inti ma tħossokx l-istess dwaru? Prova urih li m’intix interessata b’dak li tagħmel. Jekk iġġiegħlu jaħseb li hemm xi ċans li tibda toħroġ miegħu imma fil-verità m’intix interessata, ma tkunx qed turi qalb tajba.—1 Kor. 10:24; Efes. 4:25.

11. Xi jridu jżommu f’moħħhom dawk l-aħwa li jgħixu f’pajjiżi fejn hu normali li l-ġenituri jsibu lil xi ħadd għat-tfal tagħhom?

11 F’xi pajjiżi hemm id-drawwa li l-ġenituri jagħżlu lil min għandha tiżżewweġ il-persuna single. F’xi pajjiżi oħra hemm id-drawwa li tal-familja jew il-ħbieb isibu lil xi ħadd għal persuna single u mbagħad jirranġaw biex jiltaqgħu. Jekk xi ħadd tal-familja jew xi ħabib isaqsik biex issib lil xi ħadd għal persuna single, aħseb sew x’jixtiequ l-mara jew ir-raġel li jridu jiżżewġu. Jekk taħseb li xi ħadd hu tajjeb, sir afu sew, bħall-kwalitajiet li għandu, il-karattru, u l-ispiritwalità tiegħu. Ftakar, li jkollu ħbiberija tajba maʼ Ġeħova hu importanti iżjed minn kull ħaġa oħra, bħal kemm għandu flus jew x’background għandu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħu u oħt single jiddeċiedu jiżżewġux jew le.—Gal. 6:5.

KIF TIBDA TOĦROĠ MAʼ XI ĦADD

12. Kif tistaʼ tgħid lil xi ħadd li tixtieq tibda toħroġ miegħu?

12 Kif tistaʼ tgħid lil xi ħadd li tixtieq tibda toħroġ miegħu? d Forsi tirranġa biex titkellem miegħu, billi tmorru tieħdu xi kafè jew fuq il-mowbajl. Ara li titkellem ċar miegħu, billi tgħidlu li tixtieq issir tafu aħjar. (1 Kor. 14:9) Jekk ikun hemm bżonn, tih iżjed ċans biex itik risposta. (Prov. 15:28) U jekk jgħidlek li mhuwiex interessat, irrispetta d-deċiżjoni tiegħu.

13. X’għandek tagħmel jekk xi ħadd jgħidlek li jixtieq joħroġ miegħek? (Kolossin 4:6)

13 Imma x’għandek tagħmel jekk xi ħadd jgħidlek li għandu grazzja miegħek u jixtieq isir jafek aħjar? Żomm f’moħħok li hu kellu bżonn il-kuraġġ biex jgħidlek kif qed iħossu, allura kun qalbek tajba. (Aqra Kolossin 4:6.) Jekk għandek bżonn il-ħin biex taħsibha, għidlu. Imma ddumx wisq biex ittih risposta. (Prov. 13:12) Jekk m’intix interessata, għidlu b’mod ċar imma b’qalb tajba wkoll. Aħseb dwar x’għamel Hans, ħu mill-Awstrija, meta kien hemm oħt u qaltlu li għandha grazzja miegħu. Hu jgħid: “Jien għedtilha li ma kontx interessat b’qalb tajba imma b’mod ċar. Għedtilha mill-ewwel għax ma ridthiex taħseb li xi darba jistaʼ jkun hemm ċans li noħorġu flimkien. U wara, qgħadt attent ukoll kif naġixxi magħha.” Min-naħa l-oħra, jekk xi ħadd jgħidlek li jixtieq joħroġ miegħek u int ukoll tkun tħossok l-istess, għidlu, u ddiskutu x’tixtiequ fl-għerusija tagħkom. Dak li tkunu tixtiequ jistaʼ jkun differenti, forsi minħabba affarijiet bħall-kultura jew it-trobbija.

KIF OĦRAJN JISTGĦU JGĦINU LIL DAWK SINGLE

14. Kif nistgħu ngħinu lil dawk single b’dak li ngħidu?

14 Aħna kif nistgħu nissapportjaw lil dawk li jixtiequ jiżżewġu? Importanti ħafna li noqogħdu attenti x’ngħidu. (Efes. 4:29) Irridu nsaqsu lilna nfusna: ‘Jien noqgħod naqbad magħhom? Meta nara ħu u oħt single jitkellmu, nibda nimmaġina li għandhom grazzja maʼ xulxin?’ (1 Tim. 5:13) Importanti li qatt ma nġegħluhom iħossu li għandhom xi ħaġa inqas minn dawk miżżewġin. Hans, li ssemma qabel, jgħid: “Xi aħwa ġieli jgħiduli, ‘Għala ma tiżżewwiġx? M’għadekx żgħir.’ Kummenti bħal dawn jistgħu jġiegħlu lil dawk single jħossu li għandhom xi ħaġa inqas u li bilfors iridu jiżżewġu.” Allura kemm ikun aħjar li nfittxu opportunitajiet biex infaħħru lill-Kristjani li huma single.—1 Tess. 5:11.

15. (a) Qabel ma ngħinu lil xi aħwa jsibu lil xi ħadd biex jiżżewġu, xi rridu nżommu f’moħħna? (Rumani 15:2) (Ara l-istampa.) (b) X’tgħallimt mill-vidjow?

15 Imma xi ngħidu jekk naħsbu li ħu single u oħt single jkunu tajbin għal xulxin? Il-Bibbja tgħid biex nagħtu kas kif jaħseb ħaddieħor. (Aqra Rumani 15:2.) Ħafna aħwa single ma jridux li xi ħadd isibilhom lil min jiżżewġu, u għandna nirrispettawhom. (2 Tess. 3:11) Xi aħwa oħrajn jistaʼ jkun isaqsuna biex ngħinuhom, imma qabel ma jagħmlu hekk, m’għandniex nindaħlu. e (Prov. 3:27) U oħrajn jippreferu li l-aħwa ma jlaqqgħuhomx bil-ħsieb li jibdew joħorġu flimkien. Lydia, oħt single mill-Ġermanja, tgħid: “Li tistaʼ tagħmel hu li tlaqqagħhom fi grupp kbir u mbagħad tħalli kollox f’idejhom.”

Il-get-togethers jagħtuk iċ-ċans li tiltaqaʼ maʼ aħwa single (Ara paragrafu 15)


16. L-aħwa single xi jridu jiftakru?

16 Kemm jekk aħna single u anki jekk miżżewġin, xorta nistgħu nkunu ferħanin! (Salm 128:1) Allura, jekk tixtieq tiżżewweġ u għadek ma sibt lil ħadd, kompli ffoka fuq li taqdi lil Ġeħova. Sin Yi, oħt mill-Macao, tgħid: “Meta taħseb li fid-dinja l-ġdida għandek ħajtek kollha miżżewġa, iż-żmien li għandek single huwa vera qasir. Allura uża dak iż-żmien sew u ħu pjaċir.” Imma xi ngħidu jekk bħalissa qed toħroġ maʼ xi ħadd? Fl-artiklu li jmiss ħa naraw kif jistaʼ jkollok għerusija li tgħinek biex tieħu deċiżjoni tajba.

GĦANJA 137 Aħwa Kristjani, nisa leali

a Biex tkun taf jekk intix lest biex tiżżewweġ, ara l-artiklu “Dating—Part 1: Am I Ready to Date?” fuq jw.org.

b ESPRESSJONI SPJEGATA: F’dan l-artiklu u taʼ warajh, il-frażi “joħorġu flimkien” tirreferi għaż-żmien meta raġel u mara jibdew isiru jafu lil xulxin aħjar biex jaraw jekk ikunux raġel jew mara tajbin għal xulxin. Daż-żmien jgħidulu wkoll ‘li ssir taf lil xi ħadd’ jew ‘dating.’ Dan iż-żmien jibda meta raġel u mara jgħidu xi jħossu għal xulxin u jibqaʼ sejjer sakemm jiżżewġu jew sakemm ma jibqgħux flimkien.

c Xi ismijiet ġew mibdulin.

d F’xi pajjiżi normalment il-ħu jistaqsi lill-oħt biex joħorġu flimkien. Imma m’hemm xejn ħażin billi l-oħt issaqsi lill-ħu. (Rut 3:​1-13) Għal iktar informazzjoni, ara l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu. . . Kif Nistaʼ Ngħidlu X’Qed Inħoss?” fi Stenbaħ! tat-8 taʼ Novembru 2004.