Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 10

GĦANJA 13 Kristu, l-eżempju tagħna

Ibqaʼ Miexi Wara Ġesù Wara li Titgħammed

Ibqaʼ Miexi Wara Ġesù Wara li Titgħammed

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ma jridx jgħix iktar għalih innifsu, imma jrid jissaporti l-persekuzzjoni ġurnata wara oħra u jibqaʼ miexi warajja.”—LQ. 9:23.

DAK LI SE NITGĦALLMU

F’dan l-artiklu ħa naraw kif id-dedikazzjoni tagħna taffettwa l-mod kif ngħixu. Ħa jgħin speċjalment lil dawk li m’ilhomx li tgħammdu biex jibqgħu leali.

1-2. Wara li persuna titgħammed, liema affarijiet tajbin ikollha f’ħajjitha?

 AĦNA nkunu ferħanin meta nitgħammdu u nsiru parti mill-familja taʼ Ġeħova. Hu privileġġ li jkollna ħbiberija bħal din maʼ Ġeħova. Aħna naqblu maʼ dak li qal David: “Ferħan ikun dak li int tagħżlu u tistiednu jersaq lejk biex joqgħod fil-btieħi tat-tempju tiegħek.”—Salm 65:4.

2 Ġeħova ma jħallix lil kulħadd isir parti mill-familja tiegħu. Bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, hu jersaq qrib dawk li juru li jridu li jkollhom ħbiberija miegħu. (Ġak. 4:8) Meta tiddedika ħajtek lil Ġeħova u titgħammed se jkollok ħbiberija speċjali miegħu. Int tistaʼ tkun ċert li wara li titgħammed hu ħa ‘jitfaʼ fuqek xita taʼ barkiet sakemm ma jkun jonqsok xejn iktar.’—Mal. 3:10; Ġer. 17:​7, 8.

3. Kristjani li huma dedikati u mgħammdin x’responsabbiltà għandhom? (Ekkleżjasti 5:​4, 5)

3 Il-magħmudija hija l-bidu tal-ħajja tiegħek fis-servizz lil Ġeħova. Wara li titgħammed, int ħa tkun trid tagħmel l-aħjar tiegħek biex iżżomm il-wegħda li taqdi lil Ġeħova u tibqaʼ leali anke meta tiġi ttantat biex tagħmel xi ħaġa ħażina jew tgħaddi minn problemi. (Aqra Ekkleżjasti 5:​4, 5.) Bħala dixxiplu taʼ Ġesù, int ħa timitah u tobdi dak li jgħidilna kemm tistaʼ. (Mt. 28:​19, 20; 1 Pt. 2: 21) Dan l-artiklu ħa jgħinek tagħmel hekk.

IBQAʼ MIEXI WARA ĠESÙ AVOLJA JKOLLOK IL-PROBLEMI U T-TENTAZZJONIJIET

4. Id-dixxipli taʼ Ġesù minn xiex ħa jgħaddu? (Luqa 9:23)

4 Taħsibx li wara li titgħammed mhux ħa jkollok problemi. Ġesù għamilha ċara li d-dixxipli tiegħu kienu ħa jgħaddu mill-persekuzzjoni “ġurnata wara oħra.” (Aqra Luqa 9:23.) Ġesù kien qed jgħid li d-dixxipli tiegħu dejjem ħa jbatu? Lanqas xejn. Hu kien qed jgħid li apparti l-barkiet, ħa jkollhom l-isfidi. Xi ftit minn dawn l-isfidi jaf ikunu vera diffiċli.—2 Tim. 3:12.

5. Ġesù liema barkiet qal li se jkollhom dawk li jagħmlu s-sagrifiċċji?

5 Jistaʼ jkun li biex tpoġġi l-ewwel lil Ġeħova, kellek xi persekuzzjoni minn tal-familja jew m’aċċettajtx xi xogħol li tistaʼ taqlaʼ ħafna flus minnu. (Mt. 6:33) Kun ċert li Ġeħova ra x’għamilt għalih. (Ebr. 6:10) Wisq probabbli, int esperjenzajt il-kliem taʼ Ġesù meta qal: “Kull min telaq id-dar tiegħu, lil ħutu subien jew bniet, lil ommu, lil missieru, lit-tfal, jew l-għelieqi biex ikun dixxiplu tiegħi jew għall-aħbar tajba se jirċievi 100 darba iktar issa—djar, aħwa, ġenituri, għelieqi, flimkien mal-persekuzzjonijiet—u ħajja taʼ dejjem fil-futur.” (Mk. 10:​29, 30) Il-barkiet li rċivejt huma ikbar mis-sagrifiċċji li għamilt.—Salm 37:4.

6. Għala trid tibqaʼ tiġġieled “ix-xewqa tal-laħam” wara li titgħammed?

6 Wara li titgħammed trid tibqaʼ tiġġieled “ix-xewqa tal-laħam.” (1 Ġw. 2:16) Dan għax int xorta tkun għadek imperfett. Xi kultant, jaf tħossok bħall-appostlu Pawlu li kiteb: “Jien veru nħobb il-liġi t’Alla, imma fija nara liġi oħra tiġġieled kontra l-liġi t’Alla li qiegħda f’moħħi. Din il-liġi hi d-dnub li għandi fija u li tikkontrollani.” (Rum. 7:​22, 23) Jaf tħossok skuraġġit li trid tiġġieled kontra x-xewqat ħżiena. Imma li taħseb fil-wegħda li għamilt lil Ġeħova meta ddedikajt lilek innifsek lilu ħa jgħinek biex tkun determinat li ma ċċedix għat-tentazzjoni. Dik il-wegħda ħa tgħinek meta jiġuk it-tentazzjonijiet. Kif?

7. Li tkun dedikat lil Ġeħova kif ħa jgħinek tibqaʼ leali?

7 Meta tiddedika ħajtek lil Ġeħova, int mhux ħa tgħix iktar għalik innifsek. Dan ifisser li ngħidu le għax-xewqat tagħna u għal affarijiet li jistgħu jbegħduna minn Ġeħova. (Mt. 16:24) Allura meta tiġi ttantat jew tkun għaddej minn sitwazzjoni diffiċli, int tkun taf minn qabel x’għandek tagħmel. Int tkun diġà ddeċidejt li ħa tibqaʼ leali lejn Ġeħova u li se togħġbu. Int ħa tkun bħal Ġob li avolja kellu problemi kbar ħafna qal: “Jien se nibqaʼ leali lejn Alla.”—Ġob 27:5.

8. Il-wegħda li għamilt maʼ Ġeħova kif ħa tgħinek tirreżisti t-tentazzjoni?

8 Li taħseb fuq id-dedikazzjoni tiegħek ħa jgħinek tirreżisti kull tentazzjoni li tiġi. Pereżempju, inti ħa tifflertja maʼ xi ħadd tas-sess oppost li hu miżżewweġ? Dażgur li le! Int diġà wegħedt lil Ġeħova li m’intix ħa tagħmel hekk. Jekk ma tħallix ħsibijiet bħal dawn jikbru, iżjed tard mhux ħa jkollok għalfejn tiġġieled biex tneħħihom. Int ‘ħa twarrab mit-triq tal-ħżiena.’—Prov. 4:​14, 15.

9. Li taħseb fuq id-dedikazzjoni tiegħek, kif ħa jgħinek tpoġġi lil Ġeħova l-ewwel f’ħajtek?

9 Xi ngħidu jekk xi ħadd joffrilek xogħol li ħa jagħmilhielek diffiċli biex tmur għal-laqgħat kollha? Tkun taf x’għandek tagħmel. Qabel ma joffrulek dan ix-xogħol, int tkun ilek li ddeċidejt x’ħa tagħmel jekk tiġi f’din is-sitwazzjoni. Allura, m’intix ħa tiġi mħajjar biex taċċetta dan ix-xogħol u mbagħad tipprova ssib mod kif tistaʼ tpoġġi lil Ġeħova l-ewwel. Li naħsbu fuq l-eżempju taʼ Ġesù jistaʼ jgħinna. Hu kien determinat li jagħmel lil Missieru ferħan. Bħal Ġesù, kun determinat li ma taċċettax affarijiet li jistgħu jweġġgħu lil Alla.—Mt. 4:10; Ġw. 8:29.

10. Ġeħova kif ħa jgħinek tibqaʼ timxi wara Ġesù wara li titgħammed?

10 Dak li tagħmel meta tiġi t-tentazzjoni jew meta tkun għaddej minn problemi ħa juri kemm int determinat li tibqaʼ timxi wara Ġesù. Tistaʼ tkun ċert li Ġeħova ħa jgħinek. Il-Bibbja tgħid: “Alla hu leali, u ma jħallikomx tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma mat-tentazzjoni jiftħilkom ukoll it-triq sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.”—1 Kor. 10:13.

XI TRID TAGĦMEL BIEX TIBQAʼ TIMXI WARA ĠESÙ?

11. X’inhu wieħed mill-aqwa modi kif tistaʼ tibqaʼ timxi wara Ġesù? (Ara l-istampa.)

11 Ġesù qeda lil Ġeħova b’qalbu kollha u baqaʼ qrib tiegħu permezz tat-talb. (Lq. 6:12) Fil-fatt, wieħed mill-aqwa modi kif tistaʼ tibqaʼ miexi wara Ġesù wara li titgħammed huwa billi tibqaʼ tagħmel affarijiet li jressquk qrib Ġeħova. Il-Bibbja tgħid: “Għamilna kemm għamilna progress, ejjew inkomplu mexjin bl-ordni b’din l-istess rutina.” (Flp. 3:16) Minn żmien għall-ieħor, int ħa tismaʼ esperjenzi t’aħwa li ddeċidew jagħmlu iktar għal Ġeħova. Forsi marru l-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna (SKE) jew marru jaqdu fejn hemm iktar bżonn. Jekk għandek ċirkostanzi tajbin, agħmel miri bħal dawn. In-nies taʼ Ġeħova vera jixtiequ jsibu modi kif jistgħu jagħmlu iktar għalih. (Atti 16:9) Imma xi ngħidu jekk bħalissa ma tistax? Taħsibx li għandek xi ħaġa inqas minn dawk li jistgħu. L-iktar importanti hu li tibqaʼ tissaporti. (Mt. 10:22) Tinsiex li Ġeħova jkun vera ferħan meta tagħmel l-aħjar li tistaʼ fiċ-ċirkostanzi tiegħek. Dan hu mod importanti kif tistaʼ tibqaʼ timxi wara Ġesù wara l-magħmudija.—Salm 26:1.

Wara li titgħammed, agħmilha mira li tagħmel affarijiet biex issir iktar ħabib taʼ Ġeħova (Ara paragrafu 11)


12-13. X’tistaʼ tagħmel jekk m’għadekx tħoss l-istess ferħ bħal meta bdejt taqdi lil Ġeħova? (1 Korintin 9:​16, 17) (Ara l-kaxxa “ Ibqaʼ fit-Tiġrija.”)

12 Xi ngħidu jekk qed tħoss li t-talb tiegħek mhuwiex mill-qalb u m’għadekx tieħu pjaċir fuq il-ministeru daqs kemm kont? Jew forsi m’għadekx tieħu pjaċir taqra l-Bibbja. Jekk wara li tgħammidt tħossok hekk, taħsibx li m’għadx għandek l-ispirtu taʼ Ġeħova. Aħna imperfetti, u l-emozzjonijiet tagħna maż-żmien jaf jinbidlu. Jekk tlift xi naqra l-ferħ, aħseb fuq l-eżempju tal-appostlu Pawlu. Pawlu kien jaf li kultant ma kienx ħa jkollu x-xewqa li jagħmel dak li hemm bżonn avolja prova jimita lil Ġesù. (Aqra l-1 Korintin 9:​16, 17.) Hu qal: “Jekk nagħmlu kontra r-rieda tiegħi, xorta waħda ġejt fdat bi prokura.” Fi kliem ieħor, Pawlu kien determinat li jkompli fix-xogħol li kellu minkejja l-mod kif ħassu.

13 B’mod simili, tiħux deċiżjonijiet skont dak li tkun qed tħoss. Kun determinat li tagħmel dak li hu tajjeb avolja ma jkollokx aptit. Maż-żmien ħa tinduna li l-mod kif tħossok qed jinbidel għall-aħjar. Sa dak iż-żmien, ibqaʼ imxi wara Ġesù billi jkollok rutina tajba taʼ studju personali, talb, tmur il-laqgħat, u tipprietka. Meta l-aħwa jaraw kemm qed tissaporti biex taqdi lil Ġeħova, huma ħa jħossuhom inkuraġġiti.—1 Tess. 5:11.

“IBQGĦU GĦARBLU . . . IBQGĦU AGĦTU PROVA”

14. X’għandek tiċċekkja minn żmien għall-ieħor, u għala? (2 Korintin 13:5)

14 Wara li titgħammed huwa importanti li tiċċekkja l-ispiritwalità tiegħek. (Aqra t-2 Korintin 13:5.) Ikun tajjeb li tara jekk intix titlob kuljum, taqra u tistudja l-Bibbja, tattendi l-laqgħat, u tieħu sehem fil-ministeru. Prova ara kif tistaʼ tieħu iktar pjaċir tagħmel dawn l-affarijiet. Pereżempju, staqsi lilek innifsek: Jien nistaʼ nispjega affarijiet faċli lil oħrajn mill-Bibbja? Hemm xi mod kif nistaʼ nieħu pjaċir iktar fil-ministeru? It-talb tiegħi hu speċifiku, u juri li jien nafda kompletament f’Ġeħova? Jien nattendi l-laqgħat b’mod regolari? Kif nistaʼ noqgħod iktar attent u nikkummenta aħjar waqt il-laqgħat?

15-16. X’tistaʼ titgħallem minn kif ħu ma waqax għat-tentazzjoni?

15 Hu importanti li tkun taf x’inhuma l-affarijiet li l-iżjed jistgħu jwaqqgħuk. Aħseb dwar dak li għadda minnu Robert. Hu jgħid: “Meta kelli madwar 20 sena kont naħdem part-time. Darba waħda wara x-xogħol, mara li taħdem miegħi stidnitni d-dar tagħha. Hi qaltli li konna ‘se nieħdu pjaċir’ waħedna. Għall-ewwel qgħadt inġib l-iskużi, imma mbagħad għedtilha le u spjegajtilha għala.” Robert ma ċediex għat-tentazzjoni, u din hi xi ħaġa tajba ħafna. Iktar tard, ħaseb dwar x’kien ġara u nduna li setaʼ aġixxa aħjar. Hu jgħid: “Missni kont sod u għedtilha le mill-ewwel bħalma għamel Ġużeppi mal-mara taʼ Potifar. (Ġen. 39:​7-9) Fil-fatt, kont sorpriż kemm kienet diffiċli għalija biex ngħidilha le. Dak li ġara għenni nara li kelli nsaħħaħ iktar il-ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova.”

16 Jekk tiċċekkja lilek innifsek spiritwalment bħalma għamel Robert, ħa tmur tajjeb. Meta ma ċċedix għat-tentazzjoni, staqsi lilek innifsek, ‘Kemm domt biex ngħid le?’ Jekk tara li għandek fejn tirranġa, taqtax qalbek. Kun ferħan li ndunajt li għandek bżonn tirranġa. Itlob lil Ġeħova dwarha u agħmel affarijiet li jistgħu jgħinuk tobdi iżjed lil Ġeħova.—Salm 139:​23, 24.

17. Peress li Robert baqaʼ leali, kif affettwa r-reputazzjoni taʼ Ġeħova?

17 Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa oħra mill-esperjenza taʼ Robert. Hu kompla jgħid: “Wara li jien irrifjutajt li mmur għandha, hi qaltli: ‘Proset, għaddejt mit-test!’ Jien staqsejtha x’jiġifieri. Hi qaltli li ħabib tagħha, li kien Xhud fil-passat, kien qalilha li jekk jiġihom iċ-ċans, ix-Xhieda żgħażagħ kollha jagħmlu l-ħażin. Allura hi qalet lill-ħabib tagħha li kienet ħa tuża lili biex tara jekk hux veru. Dak il-ħin vera fraħt li żammejt sod u li m’għamilt xejn biex inġib tmaqdir fuq isem Ġeħova.”

18. X’int determinat li tagħmel wara li titgħammed? (Ara l-kaxxa “ Żewġ Artikli li Se Jogħġbuk.”)

18 Meta tiddedika lilek innifsek u titgħammed, int tkun qed turi lil Ġeħova li jiġri x’jiġri int tixtieq tfaħħru. U tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jaf bil-problemi li għaddej minnhom u t-tentazzjonijiet li ma ċċedix għalihom. Hu ħa jbierkek talli qed tipprova tibqaʼ leali. Tistaʼ tkun ċert li permezz tal-ispirtu tiegħu, hu ħa jgħinek. (Lq. 11:​11-13) Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, int ħa tkun tistaʼ tibqaʼ miexi wara Ġesù wara li titgħammed.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Wara l-magħmudija, il-Kristjani minn xiex jgħaddu?

  • Wara l-magħmudija, xi trid tagħmel biex tibqaʼ miexi wara Ġesù?

  • Li taħseb fuq id-dedikazzjoni tiegħek kif jistaʼ jgħinek tibqaʼ leali?

GĦANJA 89 Ismaʼ u obdi u tkun imbierek