Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 12

Tgħallem Iktar Dwar Ġeħova mill-Ħolqien

Tgħallem Iktar Dwar Ġeħova mill-Ħolqien

“Il-kwalitajiet inviżibbli tiegħu, . . . kienu jidhru ċar mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem, għax jintgħarfu mill-affarijiet li nħolqu.”—RUM. 1:20.

GĦANJA 6 Is-smewwiet jiddikjaraw il-glorja t’Alla

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Ġob b’liema mod sar jaf iktar lil Ġeħova?

 ĠOB tkellem dwar ħafna affarijiet maʼ nies oħrajn, però l-aqwa konversazzjoni li kellu kienet m’Alla Ġeħova. F’dik il-konversazzjoni, Ġeħova qal lil Ġob biex iħares lejn ftit mill-affarijiet sbieħ li ħalaq. Dan setaʼ jgħin lil Ġob jara kemm Ġeħova hu għaref u jkun ċert li Ġeħova jistaʼ jipprovdi dak li jkollhom bżonn il-qaddejja tiegħu. Pereżempju, Ġeħova fakkar lil Ġob li hu jipprovdi lill-annimali, għalhekk setaʼ jipprovdi lilu wkoll. (Ġob 38:39-41; 39:1, 5, 13-16) Billi ħaseb dwar il-ħolqien, Ġob tgħallem ħafna dwar il-kwalitajiet t’Alla.

2. Għala tistaʼ tkun taʼ sfida li naħsbu dwar l-affarijiet li għamel Ġeħova?

2 Aħna wkoll nistgħu nitgħallmu dwar Alla meta naħsbu dwar l-affarijiet li ħalaq. Imma mhux dejjem ikun faċli biex nagħmlu hekk. Jekk ngħixu f’belt, forsi ma nkunux nistgħu naraw ħafna natura fil-ħajja taʼ kuljum. U jekk inkunu ngħixu fejn hemm in-natura, forsi ma jkollniex ħin biżżejjed biex naħsbu dwar l-affarijiet li ħalaq Ġeħova. Ejja naraw għala hu importanti li nieħdu l-ħin u nagħmlu sforz biex naħsbu dwar il-ħolqien taʼ Ġeħova. Se nikkunsidraw kif Ġeħova u Ġesù użaw il-ħolqien biex jgħallmu u x’nistgħu nagħmlu aħna biex nitgħallmu iktar min-natura.

GĦALA GĦANDNA NAĦSBU DWAR IL-ĦOLQIEN?

Ġeħova ried li Adam jieħu pjaċir bil-ħolqien u jagħti isem lill-annimali (Ara paragrafu 3)

3. Kif nafu li Ġeħova ried li Adam igawdi l-ħolqien?

3 Ġeħova ried li Adam igawdi l-ħolqien. Ġeħova tah ġnien sabiħ biex jgħix fih u tah ir-responsabbiltà biex jieħu ħsiebu u jkabbru. (Ġen. 2:8, 9, 15) Min jaf kif kien iħossu Adam meta jara ż-żerriegħa tikber u l-fjuri jiftħu. Xi privileġġ kellu li jieħu ħsieb il-ġnien tal-Għeden! Ġeħova qallu wkoll biex jagħti isem lill-annimali. (Ġen. 2:19, 20) Ġeħova setaʼ jagħmel dan hu, imma qabbad lil Adam. Bla dubju, qabel tahom l-isem, Adam innota sew l-annimali, kif jidhru u x’jagħmlu. Min jaf kemm ħa pjaċir jagħmel dan ix-xogħol! Dan żgur li għenu biex isir jaf kemm hu għaref Ġeħova u kemm huma interessanti u sbieħ l-affarijiet li ħalaq.

4. (a) X’inhi raġuni waħda għala għandna naħsbu dwar il-ħolqien? (b) X’jogħġbok l-iktar mill-ħolqien?

4 Raġuni waħda għala għandna naħsbu dwar il-ħolqien hi għax Ġeħova hekk jixtieqna nagħmlu. Hu jgħidilna: “Erfgħu għajnejkom fl-għoli u araw. Min ħalaqhom dawn l-affarijiet?” It-tweġiba hi ċara. (Is. 40:26) Ġeħova ħalaq kull ħaġa fis-sema, fuq l-art u fil-baħar, u dawn jgħallmuna dwaru. (Salm 104:24, 25) Aħseb dwar kif ħalaqna. Hu għamilha possibbli biex nieħdu pjaċir naraw l-affarijiet sbieħ fin-natura. Hu tana l-abbiltà li naraw, nisimgħu, immissu, intiegħmu, u nxommu. U b’dawn l-abbiltajiet nistgħu nieħdu pjaċir bl-affarijiet li ħalaq.

5. Skont Rumani 1:20, kif se nibbenefikaw meta naħsbu dwar il-ħolqien taʼ Ġeħova?

5 Il-Bibbja ttina raġuni importanti oħra għala għandna naħsbu fil-ħolqien. Dan jgħallimna dwar il-kwalitajiet taʼ Ġeħova. (Aqra Rumani 1:20.) Pereżempju, meta tħares lejn l-affarijiet li ħalaq se tara li huma ddisinjati b’mod tal-għaġeb. Dan jgħallimna li Ġeħova hu għaref ħafna. U aħseb f’kemm hemm ikel differenti li tistaʼ tieħu pjaċir bih. Dan jurina b’mod ċar kemm Ġeħova jħobb lin-nies. Meta naraw il-kwalitajiet taʼ Ġeħova fl-affarijiet li ħalaq, se nsiru nafuh aħjar u nkunu nixtiequ nersqu eqreb tiegħu. Ejja naraw xi modi kif Ġeħova uża l-ħolqien biex jgħallem lin-nies affarijiet importanti.

ALLA JUŻA L-ĦOLQIEN BIEX JGĦALLIMNA DWARU

6. X’nistgħu nitgħallmu mill-għasafar li jpassu?

6 Ġeħova għamel żmien għal kollox. Kull sena bejn Frar u Mejju, l-Iżraelin kienu jaraw iċ-ċikonji jpassu. Alla qal lill-Iżraelin: “Iċ-ċikonja fis-smewwiet taf meta jkun żmienha.” (Ġer. 8:7) Ġeħova għażel iż-żmien meta l-għasafar ipassu. B’mod simili, hu għażel iż-żmien meta se jiġġudika lin-nies ħżiena. Mela meta naraw l-għasafar ipassu, niftakru li Ġeħova għandu “żmien stabbilit” biex jeqred din id-dinja ħażina.—Ħab. 2:3.

7. X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif itiru l-ajkli? (Isaija 40:31)

7 Ġeħova jsaħħaħ lill-qaddejja tiegħu. Permezz t’​Isaija Ġeħova wiegħed li se jsaħħaħ lin-nies tiegħu meta jħossuhom skuraġġiti biex “jogħlew bil-ġwienaħ bħall-ajkli.” (Aqra Isaija 40:31.) L-Iżraelin kienu mdorrijin jaraw l-ajkli jtiru mingħajr ma jagħmlu ħafna sforz. Dan ifakkarna li Ġeħova jistaʼ jtina s-saħħa bħalma jagħmel lil dawn l-għasafar. Meta tara xi għasfur itir fl-għoli, ftakar li Ġeħova jistaʼ jagħtik is-saħħa biex tissaporti l-problemi.

8. Ġob x’tgħallem meta ħaseb dwar l-affarijiet li ħalaq Alla, u aħna x’nitgħallmu?

8 Ġeħova jixraqlu li nafdawh. Ġeħova għen lil Ġob jafdah iżjed. (Ġob 32:2; 40:6-8) Meta Alla tkellem maʼ Ġob, hu semma ħafna mill-affarijiet li ħalaq, bħall-istilel, is-sħab, u s-sajjetti. Ġeħova tkellem ukoll dwar l-annimali, bħall-barri salvaġġ u ż-żiemel. (Ġob 38:32-35; 39:9, 19, 20) Dawn l-affarijiet kollha ma wrewx biss il-qawwa tal-għaġeb li għandu Alla, imma wrew ukoll li jħobbna u għandu ħafna għerf. Permezz taʼ din il-konversazzjoni Ġob beda jafda lil Ġeħova iżjed. (Ġob 42:1-6) B’mod simili, meta naħsbu dwar il-ħolqien, niftakru li Ġeħova għandu ħafna iżjed għerf u qawwa minna. B’hekk, hu jistaʼ jneħħilna l-problemi kollha u hekk se jagħmel. Dan jgħinna nafdawh iżjed.

ĠESÙ UŻA L-ĦOLQIEN BIEX JGĦALLEM DWAR MISSIERU

9-10. X’nistgħu nitgħallmu dwar Ġeħova mix-xemx u x-xita?

9 Ġesù kien jaf ħafna dwar il-ħolqien. Bħala “ħaddiem tas-sengħa,” hu kellu l-privileġġ li jaħdem maʼ Missieru meta ħalaq l-univers. (Prov. 8:30) Imbagħad meta Ġesù ġie fuq l-art, uża l-ħolqien biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu dwar Ġeħova. Ejja naraw ftit mill-affarijiet li għallem.

10 Ġeħova jħobb lil kulħadd. Fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù tkellem dwar ix-xemx u x-xita, li ħafna nies ma jagħtux kashom. Ix-xemx u x-xita huma importanti biex nibqgħu ħajjin. Kieku jrid, Ġeħova jagħti dawn l-affarijiet biss lin-nies li jaqduh. Imma bi mħabba jagħti x-xemx u x-xita lil kulħadd. (Mt. 5:43-45) Ġesù uża dan l-eżempju biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu li Ġeħova jridna nħobbu lil kulħadd. Meta nieħdu pjaċir naraw ix-xemx nieżla jew tagħmel ix-xita, nistgħu naħsbu f’kemm Ġeħova jħobb lin-nies. Aħna nistgħu nimitawh billi nippritkaw lil kulħadd.

11. Meta naħsbu dwar l-għasafar x’se niftakru dwar Ġeħova?

11 Ġeħova jtina dak li għandna bżonn biex ngħixu. Fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù kompla jgħid: “Innotaw sew l-għasafar. Huma ma jiżirgħux, ma jaħsdux, u ma jaħżnux ikel, imma Missierkom tas-sema jitmagħhom.” Forsi n-nies setgħu jaraw l-għasafar itiru meta Ġesù staqsiehom: “Allura ma tiswewx intom iktar minn dawn l-għasafar?” (Mt. 6:26) B’dan il-mod, Ġesù wegħedna li Ġeħova se jieħu ħsiebna. (Mt. 6:31, 32) L-eżempju tal-għasafar għadu jinkuraġġixxi lill-qaddejja leali taʼ Ġeħova. Oħt pijuniera minn Spanja ħassitha mdejqa għax ma setgħetx issib post tajjeb fejn tgħix. Imma mbagħad rat l-għasafar jieklu ż-żerriegħa u ħassitha aħjar. Hi qalet: “L-għasafar fakkruni li Ġeħova jieħu ħsiebhom u li se jieħu ħsieb lili wkoll.” Wara ftit, l-oħt sabet post fejn toqgħod.

12. Skont Mattew 10:29-31, l-għasafar tal-bejt x’jgħallmuna dwar Ġeħova?

12 Kull wieħed minna hu importanti għal Ġeħova. Qabel ma bagħat lill-appostli jippritkaw, Ġesù għenhom ma jibżgħux min-nies li jkunu kontrihom. (Aqra Mattew 10:29-31.) Dan għamlu billi tkellem dwar wieħed mill-iżjed għasafar komuni f’Iżrael, l-għasfur tal-bejt. Fi żmien Ġesù kienu rħas ħafna. Imma hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Lanqas wieħed minnhom ma jaqaʼ mal-art mingħajr ma jkun jaf Missierkom.” Imbagħad qal: “Intom tiswew ħafna iktar mill-għasafar tal-bejt.” Ġesù wera lid-dixxipli tiegħu li għal Ġeħova kull wieħed minnhom kien importanti, allura ma kellhomx għalfejn jibżgħu mill-persekuzzjoni. Żgur li meta d-dixxipli kienu qed jippritkaw u jaraw l-għasafar tal-bejt, kienu se jiftakru fil-kliem taʼ Ġesù. Għalhekk meta tara għasfur, ftakar li int importanti għal Ġeħova għax ‘tiswa ħafna iktar mill-għasafar tal-bejt.’ Bl-għajnuna tiegħu, m’għandekx għalfejn tibżaʼ meta oħrajn ikunu kontrik.—Salm 118:6.

KIF NISTGĦU NITGĦALLMU IKTAR DWAR ALLA MILL-ĦOLQIEN?

13. Xi trid tagħmel biex titgħallem mill-ħolqien?

13 Hemm ħafna iżjed affarijiet li nistgħu nitgħallmu dwar Ġeħova mill-ħolqien. Kif? L-ewwel, irridu nieħdu l-ħin biex naħsbu dwar il-ħolqien. Imbagħad, irridu naħsbu x’jgħallimna dwar Ġeħova. Forsi mhux dejjem faċli biex nagħmlu dan. Oħt mill-Kamerun, jisimha Géraldine, qalet: “Jien trabbejt f’belt allura kelli nagħmel iżjed sforz biex naħseb fil-ħolqien.” Anzjan jismu Alfonso qal: “Jien tgħallimt li rrid nagħmel il-ħin biex inkun waħdi u naħseb x’jgħallimni l-ħolqien dwar Ġeħova.”

Meta David ħaseb dwar il-ħolqien, immedita fuq x’jgħallmu dwar Ġeħova (Ara paragrafu 14)

14. David x’tgħallem meta mmedita fuq il-ħolqien t’Alla?

14 David ħaseb sew dwar il-ħolqien. Hu qal lil Ġeħova: “Meta nara s-sema tiegħek li int ħlaqt, il-qamar u l-istilel li int għamilt, jien naħseb: ‘X’inhu l-bniedem biex int tiftakar fih?’” (Salm 8:3, 4) Meta David kien iħares lejn l-istilel, hu mhux biss kien jieħu pjaċir imma kien ukoll jimmedita fuq x’jgħallmuh dwar Ġeħova. Hu tgħallem kemm hu kbir Ġeħova. David ħaseb ukoll dwar meta hu kien qed jifforma f’żaqq ommu. Meta David ħaseb dwar il-mod tal-għaġeb kif ġie maħluq, beda japprezza iktar l-għerf taʼ Ġeħova.—Salm 139:14-17.

15. Int kif rajt il-kwalitajiet taʼ Ġeħova fil-ħolqien? (Salm 148:7-10)

15 X’aktarx li bħal David, mhux diffiċli biex naħsbu sew dwar xi ħaġa mill-ħolqien. Hemm ħafna affarijiet li jistgħu jgħinuna nsiru nafu iżjed lil Ġeħova. Pereżempju, mis-sħana tax-xemx tistaʼ tara kemm Ġeħova għandu qawwa. (Ġer. 31:35) Aħseb fl-għerf taʼ Ġeħova meta tara għasfur jagħmel il-bejta, u kemm hu Alla ferħan meta tara kelb jipprova jaqbad denbu. Irringrazzja lil Ġeħova għall-imħabba tiegħu meta tara omm tilgħab mat-tarbija tagħha. Għandna ħafna opportunitajiet biex nitgħallmu dwar Ġeħova għax kull ħaġa li ħalaq, kemm jekk kbira u kemm jekk żgħira, tfaħħru.—Aqra Salm 148:7-10.

16. Kull wieħed minna x’għandu jagħmel?

16 Alla Ġeħova hu intelliġenti, iħobb, b’saħħtu, u kull ma jagħmel hu sabiħ. Jekk naħsbu dwar il-ħolqien, se nitgħallmu dwar dawn il-kwalitajiet u ħafna oħrajn. Kollha kemm aħna għandna nagħmlu l-ħin b’mod regolari biex nieħdu pjaċir bil-ħolqien u naħsbu x’jgħallimna dwar Ġeħova. Meta nagħmlu hekk, se nersqu iktar qrib tal-Ħallieq tagħna. (Ġak. 4:8) Fl-artiklu li jmiss, se naraw kif il-ġenituri jistgħu jużaw il-ħolqien biex jgħinu lit-tfal jersqu qrib taʼ Ġeħova.

GĦANJA 5 L-għemejjel meraviljużi t’Alla

a Il-ħolqien taʼ Ġeħova hu tal-għaġeb. Dan nistgħu narawh mill-qawwa tax-xemx sal-iżgħar fjura sabiħa. L-affarijiet li ħalaq Ġeħova jistgħu jgħallmuna ħafna dwar il-personalità tiegħu. F’dan l-artiklu, se naraw għala hu importanti li nieħdu l-ħin biex naħsbu dwar il-ħolqien u kif dan se jgħinna nersqu eqreb lejn Alla Ġeħova.