ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 13
Ħobbu lil Xulxin b’Qalbkom Kollha
“Ħobbu lil xulxin mill-qalb bil-ħeġġa kollha.”—1 PT. 1:22.
GĦANJA 109 Ħobb mill-qalb bil-ħeġġa kollha
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Ġesù liema kmand ċar ta lid-dixxipli tiegħu? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
FIL-lejl taʼ qabel ma miet, Ġesù ta kmand ċar lid-dixxipli tiegħu. Hu qalilhom: ‘Ħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien.’ Imbagħad żied jgħid: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”—Ġw. 13:34, 35.
2. Għala hu importanti li nuru mħabba lejn kulħadd?
2 Ġesù qal li jekk id-dixxipli tiegħu jħobbu lin-nies bħalma ħabbhom hu, kulħadd se jkun jistaʼ jara min huma d-dixxipli tiegħu. Hekk ġara fl-ewwel seklu, u llum qed isir hekk ukoll. Kemm hu importanti li negħlbu kwalunkwe sfida u nuru mħabba lejn kulħadd!
3. X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu?
3 Peress li aħna imperfetti, insibuha diffiċli biex nuru mħabba b’qalbna kollha lejn xulxin. Minkejja dan, xorta għandna nipprovaw nimitaw lil Ġesù. F’dan l-artiklu, se nitgħallmu kif l-imħabba tgħinna nagħmlu paċi, ma nurux preferenzi, u nkunu ospitabbli. Int u tistudja l-artiklu, saqsi lilek innifsek: ‘X’nistaʼ nitgħallem minn ħuti li baqgħu juru mħabba lejn xulxin minkejja l-isfidi?’
AGĦMEL PAĊI
4. Skont Mattew 5:23, 24, għala għandna nagħmlu paċi maʼ ħu li għandu kontrina?
4 Ġesù għallimna kemm hu importanti li nagħmlu paċi maʼ ħu li għandu kontrina. (Aqra Mattew 5:23, 24.) Hu enfasizza li hemm bżonn inżommu ħbiberija tajba m’oħrajn jekk irridu nogħġbu lil Alla. Ġeħova jkun ferħan meta nagħmlu l-aħjar tagħna biex nagħmlu paċi maʼ ħutna. Hu ma jiħux pjaċir bina jekk nibqgħu nżommu fil-komma u jekk saħansitra nirrifjutaw li nipprovaw nagħmlu paċi.—1 Ġw. 4:20.
5. X’għamilha diffiċli għal Mark biex jagħmel paċi?
5 Forsi nsibuha diffiċli biex nagħmlu paċi. Għala? Ara x’ġara lil Mark. * Hu ħassu mweġġaʼ meta ħu kritikah u qal affarijiet kontrih mal-aħwa tal-kongregazzjoni. Mark kif aġixxa? Hu jiftakar, “Qabżitli ċ-ċinga u rrabjajt.” Imma mbagħad iddispjaċieh għal dak li kien għamel u pprova jiskuża ruħu mal-ħu u jerġaʼ jirranġa miegħu. Imma l-ħu rrifjuta l-isforzi taʼ Mark. Għall-bidu, Mark ħaseb, ‘Għala għandi nibqaʼ nipprova nirranġa jekk hu ma jridx jagħmel paċi?’ Però, l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet inkuraġġih biex jibqaʼ jipprova. Mark x’għamel?
6. (a) Mark kif baqaʼ jipprova jagħmel paċi? (b) Mark kif applika Kolossin 3:13, 14?
6 Mark ħaseb dwar l-attitudni tiegħu u nnota li kultant jaħseb li hu aħjar minn oħrajn. Hu nduna li għandu bżonn ibiddel l-attitudni tiegħu. (Kol. 3:8, 9, 12) Hu b’umiltà reġaʼ avviċina lill-ħu u skuża ruħu għal kif aġixxa miegħu. Mark saħansitra bagħatlu xi ittri. Fihom qallu kemm iddispjaċieh u li ried li jerġgħu jkunu ħbieb. Apparti minn hekk, Mark ta xi rigali żgħar lill-ħu. B’dispjaċir, il-ħu baqaʼ ma ħafirlux għalkollox. Minkejja dan, Mark baqaʼ jobdi l-kmand taʼ Ġesù biex iħobb lil ħuh u jaħfirlu. (Aqra Kolossin 3:13, 14.) Anki meta oħrajn ma jaċċettawx l-isforzi tagħna biex nagħmlu paċi, l-imħabba Kristjana vera se tgħinna nibqgħu naħfrulhom u nitolbu biex jerġaʼ jkollna l-paċi magħhom.—Mt. 18:21, 22; Gal. 6:9.
7. (a) Ġesù x’ħeġġiġna nagħmlu? (b) Oħt x’sitwazzjoni diffiċli kellha?
7 Ġesù jħeġġiġna biex nibqgħu nittrattaw lil oħrajn bħalma nixtiequ li jittrattawna. Hu żied jgħid li m’għandniex inħobbu biss lil dawk li jħobbuna lura. (Lq. 6:31-33) Xi ngħidu jekk xi ħadd fil-kongregazzjoni jirrifjuta li jkellmek? Dan ma jiġrix spiss, imma hekk ġralha Lara. Hi tgħid: “Oħt kienet tinjorani, u ma stajtx nifhem għala kienet qed tagħmel hekk. Dan inkwetani ħafna u ma kontx qed nieħu pjaċir immur il-laqgħat.” Għall-ewwel, Lara rraġunat: ‘Mhux it-tort tiegħi. Wara kollox, aħwa oħra fil-kongregazzjoni wkoll iħossu li din l-oħt hi ftit stramba.’
8. X’għamlet Lara biex tagħmel paċi, u x’nistgħu nitgħallmu minn dak li ġralha?
8 Lara għamlet xi ħaġa biex tagħmel paċi. Hi talbet lil Ġeħova u ddeċidiet li tkellem lill-oħt. Huma tkellmu dwar il-problema, għannqu ’l xulxin, u għamlu paċi. Kollox kien jidher sew. Lara tgħid: “Iktar tard, l-oħt reġgħet bdiet taġixxi l-istess miegħi. Kont iddiżappuntata ħafna.” Għall-bidu, Lara ħasset li setgħet tkun ferħana biss meta l-oħt l-oħra tbiddel l-attitudni tagħha lejha. Imma, maż-żmien, Lara fehmet li l-aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li tibqaʼ tittratta lil oħtha bi mħabba u ‘taħfrilha mill-qalb.’ (Efes. 4:32; 5:1, 2) Lara ftakret li l-imħabba Kristjana vera “ma żżommx kont tal-ħsara. Kollox tiflaħ, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.” (1 Kor. 13:5, 7) Lara ma baqgħetx tinkwieta. Maż-żmien, l-oħt kienet iktar dħulija magħha. Meta tirsisti biex ikollok il-paċi maʼ ħutek u tkompli tħobbhom, tistaʼ tkun ċert li ‘l-Alla taʼ l-imħabba u tal-paċi jkun miegħek.’—2 Kor. 13:11.
TURIX PREFERENZI
9. Skont Atti 10:34, 35, għala m’għandniex nuru preferenzi?
9 Ġeħova mhux parzjali, jiġifieri ma jurix preferenzi. (Aqra Atti 10:34, 35.) Meta ma nurux preferenzi, inkunu qed nuru li aħna t-tfal tiegħu. Aħna nobdu l-kmand li nħobbu lill-proxxmu bħalna nfusna, u nżommu l-paċi maʼ ħutna.—Rum. 12:9, 10; Ġak. 2:8, 9.
10-11. Oħt kif irnexxielha tneħħi sentimenti negattivi?
10 Għal xi wħud mhux dejjem ikun faċli biex ma jurux preferenzi. Pereżempju, ara x’ġara lil oħt li jisimha Ruth. Meta kienet tifla, xi ħadd minn pajjiż differenti għamel xi ħaġa ħażina lill-familja tagħha. Dan kif effettwaha? Ruth tammetti: “Kont bdejt nobgħod kull ħaġa taʼ dak il-pajjiż. Ħsibt li kull min jiġi minn hemm, inkluż l-aħwa, kienu l-istess.” Ruth kif neħħiet dawn is-sentimenti negattivi?
11 Ruth fehmet li kellha tiġġieled dawn is-sentimenti. Hi qrat esperjenzi u rapporti fil-Yearbook tax-Xhieda taʼ Ġeħova dwar dak il-pajjiż. Hi tgħid: “Għamilt sforz biex naħseb b’mod pożittiv dwar in-nies minn dan il-pajjiż. Bdejt ninduna li dawn l-aħwa kellhom żelu kbir għal Ġeħova. Imbagħad stajt nifhem sew li huma wkoll jagħmlu parti mill-familja kbira taʼ Ġeħova.” Maż-żmien, Ruth fehmet li kellha bżonn turi l-imħabba. Hi tispjega: “Kull meta bdejt niltaqaʼ maʼ aħwa minn dak il-pajjiż, għamilt sforz speċjali biex inkun dħulija magħhom. Kont nitkellem magħhom u sirt nafhom aħjar.” X’kien ir-riżultat? Ruth tgħid: “Imbagħad, ma bqajtx inħoss sentimenti negattivi.”
12. Sarah liema problema kellha?
12 Xi wħud juru l-preferenzi mingħajr lanqas biss jindunaw. Pereżempju, Sarah ħasbet li mhix turi preferenzi għax ma kinitx tiġġudika lin-nies minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom, kemm għandhom flus, jew x’responsabbiltà għandhom fl-organizzazzjoni. Imma hi tammetti: “Bdejt nirrealizza li kont qed nuri l-preferenzi.” B’liema mod? Sarah ġiet minn familja t’edukazzjoni għolja u kienet tippreferi tagħmilha maʼ nies bl-istess background. Darba saħansitra waslet biex tgħid lill-ħabib tagħha: “Jien nagħmilha m’aħwa t’edukazzjoni għolja u ma nħossnix komda jekk ma jkunux hekk.” B’mod ċar, Sarah kellha bżonn tbiddel l-attitudni tagħha. Imma kif?
13. X’nistgħu nitgħallmu minn kif Sarah bidlet l-attitudni tagħha?
13 L-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet għen lil Sarah taħseb sew fuq l-attitudni tagħha. Hi tgħid: “Hu faħħarni għas-servizz li nagħti b’mod leali, il-kummenti tajbin tiegħi, u l-għarfien li għandi tal-Iskrittura. Imbagħad spjegali li hekk kif l-għarfien jikber, il-kwalitajiet Kristjani bħall-umiltà, il-modestja, u l-ħniena għandhom jikbru wkoll.” Sarah għamlet dak li qalilha l-indokratur. Hi tgħid: “Irrealizzajt li l-iktar ħaġa importanti hi li nuru qalb tajba u mħabba.” B’hekk, bdiet tħares lejn dawn l-aħwa b’mod differenti. Hi tispjega: “Ipprovajt nifhem liema kwalitajiet jagħmilhom prezzjużi għal Ġeħova.” Xi ngħidu għalina? Qatt m’għandna nħossuna aħjar minn oħrajn minħabba l-edukazzjoni tagħna! Jekk ‘inħobbu l-fratellanza 1 Pt. 2:17.
kollha’ mill-qalb, mhux se nuru preferenzi.—KUN OSPITABBLI
14. Skont Ebrej 13:16, Ġeħova kif iħossu meta nuru l-ospitalità?
14 Ġeħova jieħu pjaċir meta nuru l-ospitalità. (Aqra Ebrej 13:16.) Hu jqis dan bħala parti mill-qima tagħna, speċjalment meta ngħinu lil dawk fil-bżonn. (Ġak. 1:27; 2:14-17) Għaldaqstant, l-Iskrittura tinkuraġġina: “Uru dejjem l-ospitalità.” (Rum. 12:13) Meta nkunu ospitabbli, inkunu qed nuru lil oħrajn li vera jimpurtana minnhom, li nħobbuhom, u li rridu nkunu ħbieb tagħhom. Ġeħova jieħu pjaċir kemm meta noffru kikkra kafè jew xi ħaġa żgħira tal-ikel u kemm meta nqattgħu l-ħin magħhom. (1 Pt. 4:8-10) Però, jistaʼ jkun hemm xi affarijiet li jagħmluhielna diffiċli biex inkunu ospitabbli.
15-16. (a) Xi wħud għala jsibuha bi tqila biex juru l-ospitalità? (b) X’għen lil Edit tkun lesta biex turi l-ospitalità?
15 Jistaʼ jkun li nsibuha bi tqila biex nuru ospitalità minħabba ċ-ċirkustanzi li għandna bħalissa jew għax mhux imdorrijin. Ejja naraw l-eżempju taʼ armla li jisimha Edit. Qabel saret Xhud, hi ma tantx kienet tħobb ikollha kuntatt m’oħrajn. Edit kienet tħoss li oħrajn kellhom ċirkustanzi aħjar biex juru l-ospitalità.
16 Wara li tgħammdet, Edit bidlet il-mentalità tagħha. Hi ħadmet fuq li turi l-ospitalità. Hi tgħid: “Meta s-Sala tas-Saltna kienet qed tinbena, anzjan kellimni dwar koppja miżżewġa li kienet ġejja tgħin fil-bini. Hu talabni jekk nistax inżommhom għandi għal ġimagħtejn. Jien ftakart kif Ġeħova bierek l-armla minn Sarefat.” (1 Slat. 17:12-16) Edit aċċettat li żżomm il-koppja. Ġiet imbierka? Hi tispjega: “Huma mhux talli qagħdu għandi għal ġimagħtejn, imma talli spiċċaw qagħdu għal xahrejn. Matul dan iż-żmien, sirna ħbieb sew.” Edit ġiet imbierka wkoll bi ħbieb tal-qalb fil-kongregazzjoni. Illum il-ġurnata, hi saret pijuniera u qed tieħu pjaċir tistieden id-dar lil dawk li taħdem magħhom fil-ministeru. Hi tgħid: “Meta nagħti, inħossni tajba! U l-verità hi li nirċievi ħafna barkiet.”—Ebr. 13:1, 2.
17. Xi rrealizzaw Luke u martu?
17 Forsi diġà nuru l-ospitalità, imma nistgħu nitjiebu? Pereżempju, Luke u martu huma koppja ospitabbli. Kellhom id-drawwa li jistiednu għandhom lill-ġenituri tagħhom, il-qraba, il-ħbieb tal-qalb, u l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet flimkien maʼ martu. Però, Luke jgħid, “Irrealizzajna li konna qed nistiednu lil dawk li nħossuna komdi magħhom biss.” Luke u martu kif setgħu jitjiebu f’li juru l-ospitalità?
18. Luke u martu kif saru iktar ospitabbli?
18 Luke u martu bidlu l-fehma tagħhom wara li rriflettew fuq il-kliem taʼ Ġesù: “Jekk tħobbu lil min iħobbkom, xi premju għandkom?” (Mt. 5:45-47) Huma rrealizzaw li għandhom bżonn jimitaw lil Ġeħova, li hu ġeneruż maʼ kulħadd. Allura ddeċidew li jistiednu aħwa li ma kinux stiednu qabel. Luke jgħid: “Ilkoll nieħdu pjaċir flimkien. Meta nkunu mistidnin, inħossuna inkuraġġiti u eqreb tal-aħwa u taʼ Ġeħova.”
19. Kif nistgħu nuru li aħna dixxipli taʼ Ġesù, u x’int determinat li tagħmel?
19 Għadna kif iddiskutejna li meta nħobbu lil xulxin b’qalbna kollha, se nkunu nistgħu nagħmlu paċi, ma nurux preferenzi, u nkunu ospitabbli. Rajna wkoll li hemm bżonn inneħħu kwalunkwe sentiment negattiv u nħobbu lil ħutna b’qalbna kollha. Jekk nagħmlu hekk, se nkunu ferħanin u se nuru li aħna vera dixxipli taʼ Ġesù.—Ġw. 13:17, 35.
GĦANJA 88 Għarrafni triqatek
^ par. 5 Ġesù qal li l-Kristjani veri se jintgħarfu mill-imħabba taʼ bejniethom. Aħna nħobbu lil ħutna, allura nagħmlu l-aħjar tagħna biex nagħmlu paċi magħhom, ma nurux preferenzi, u nkunu ospitabbli. Mhux dejjem ikun faċli li nagħmlu dan. Dan l-artiklu jagħti suġġerimenti prattiċi dwar kif nibqgħu nħobbu lil xulxin b’qalbna kollha.
^ par. 5 Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.
^ par. 57 X’JGĦIDULNA L-ISTAMPI: Oħt tipprova tagħmel paċi. Għall-ewwel, ma jirnexxilhiex, imma hi baqgħet tipprova. Fl-aħħar, peress li baqgħet tipprova turi mħabba, hi rnexxielha terġaʼ tagħmel paċi.
^ par. 59 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu anzjan qed iħossu mwarrab minn oħrajn fil-kongregazzjoni.
^ par. 61 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Oħt li għall-ewwel kienet issibha bi tqila biex turi l-ospitalità, bidlet il-mentalità tagħha. Dan ġabilha iktar ferħ.