Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Apprezza lil Ġeħova bħala l-Fuħħari tagħna

Apprezza lil Ġeħova bħala l-Fuħħari tagħna

“O Ġeħova, . . . int il-​Fuħħari tagħna; u aħna lkoll xogħol idejk.”—ISAIJA 64:8.

GĦANJIET: 8926

1. Ġeħova għala hu l-​Fuħħari l-​Kbir?

F’NOVEMBRU tal-​2010, fl-​Ingilterra, saret offerta taʼ madwar 62 miljun ewro għal vażun Ċiniż antik ħafna magħmul mit-​tafal. Huwa tal-​għaġeb li fuħħari jistaʼ jsawwar, jiġifieri jifforma, xi ħaġa komuni u rħisa bħat-​tafal f’vażun mill-​isbaħ li jiswa ħafna flus. Ġeħova, il-​Fuħħari tagħna, huwa bil-​wisq akbar minn kwalunkwe fuħħari uman. Il-​Bibbja tgħid li Ġeħova sawwar bniedem perfett “mit-​trab taʼ l-​art,” jiġifieri, mit-​tafal. (Ġenesi 2:7) Dak il-​bniedem, Adam, kien “bin Alla” u ġie maħluq bl-​abbiltà li jimita l-​kwalitajiet t’Alla.—Luqa 3:38.

2, 3. Kif nistgħu nimitaw l-​attitudni tal-​Iżraelin niedma?

2 Meta Adam irribella kontra l-​Ħallieq tiegħu, hu ma baqax bin Alla. Minkejja dan, ħafna mid-​dixxendenti taʼ Adam għażlu lil Ġeħova bħala l-​Mexxej tagħhom. (Ebrej 12:1) Billi b’mod umli obdew lill-​Ħallieq tagħhom, huma wrew li jridu lilu, mhux lil Satana, biex ikun Missierhom u l-​Fuħħari tagħhom. (Ġwanni 8:44) Il-​lealtà tagħhom lejn Alla tfakkarna f’dak li l-​Iżraelin niedma qalu: “O Ġeħova, int Missierna. Aħna t-​tafal, u int il-​Fuħħari tagħna; u aħna lkoll xogħol idejk.”—Isaija 64:8.

3 Bl-​istess mod, il-​qaddejja veri taʼ Ġeħova llum jistinkaw biex ikunu umli u ubbidjenti. Huma jikkunsidrawh unur li jsejħu lil Ġeħova, Missierhom, u huma jriduh li jkun il-​Fuħħari tagħhom. Lesti aħna li nkunu bħal tafal artab li Alla jistaʼ jifforma f’reċipjent prezzjuż? Naraw aħna lil kull ħu u oħt bħala li għadhom qed jiġu msawra minn Alla? Biex niġu megħjunin ikollna l-​attitudni t-​tajba, se niddiskutu kif Ġeħova jagħżel lil dawk li hu jsawwar, għala jsawwarhom, u kif jagħmel dan.

ĠEĦOVA JAGĦŻEL LIL DAWK LI HU JSAWWAR

4. Ġeħova kif jagħżel lil dawk li jiġbed lejh? Agħti eżempji.

4 Ġeħova ma jħarisx lejn in-​nies bil-​mod kif inħarsu lejhom aħna. Minflok, hu jeżamina l-​qalb u jara min aħna verament b’mod individwali. (Aqra l-​1 Samwel 16:7b.) Dan intwera meta Ġeħova fforma l-​kongregazzjoni Kristjana. Hu ġibed lejh u lejn Ibnu ħafna nies li oħrajn jistgħu jikkunsidrawhom li ma jiswew għalxejn. (Ġwanni 6:44) Pereżempju, persuna minnhom kien Sawl, il-​Fariżew, “midgħi u persekutur u raġel insolenti.” (1 Timotju 1:13) Imma Ġeħova eżamina l-​qalb taʼ Sawl u ma ħassx li kien bħal tafal li ma jiswa għalxejn. (Proverbji 17:3) Minflok, Ġeħova ra li Sawl setaʼ jiġi msawwar fi “strument [jew reċipjent] magħżul” li setaʼ jipprietka “quddiem il-​ġnus kif ukoll quddiem slaten u wlied Israel.” (Atti 9:15) Ġeħova għażel ukoll uħud li kienu sakranazzi, immorali, u ħallelin li setgħu jiġu msawra “għal użu onorabbli.” (Rumani 9:21; 1 Korintin 6:9-​11) Hekk kif studjaw l-​Iskrittura, huma saħħew il-​fidi tagħhom f’Ġeħova u ħallewh isawwarhom.

Mhuwiex f’idejna li niġġudikaw lin-​nies fit-​territorju tagħna jew fil-​kongregazzjoni tagħna

5, 6. Il-​fiduċja tagħna f’Ġeħova bħala l-​Fuħħari tagħna, kif għandha teffettwa l-​attitudni tagħna lejn (a) in-​nies fit-​territorju tagħna? (b) ħutna rġiel u nisa?

5 Aħna fiduċjużi li Ġeħova hu kapaċi jagħżel u jiġbed lejh in-​nies it-​tajba. Huwa għalhekk li m’għandniex niġġudikaw in-​nies fit-​territorju tagħna jew fil-​kongregazzjoni tagħna. Innota pereżempju, kif Michael irreaġixxa meta żaruh ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hu qal: “Kont indawwar wiċċi u ninjorahom daqslikieku ma kinux jeżistu. Vera kont maledukat! Aktar tard, f’sitwazzjoni differenti, iltqajt maʼ familja li kont ammirajt minħabba l-​kondotta tajba tagħhom. Ixxokkjajt ruħi meta ġurnata minnhom sirt naf li kienu Xhieda taʼ Ġeħova! Imma l-​imġiba tagħhom immotivatni biex neżamina l-​bażi tal-​preġudizzju li kelli. Ma domtx ma rrealizzajt li l-​attitudni tiegħi kienet ibbażata fuq l-​injoranza u x-​xnigħat tan-​nies, u mhux fuq il-​fatti.” Michael ried jitgħallem aktar u aċċetta studju tal-​Bibbja. Aktar tard, tgħammed u beda jaqdi fis-​servizz full-​time.

6 Meta nirrikonoxxu lil Ġeħova bħala l-​Fuħħari tagħna, l-​attitudni tagħna lejn ħutna rġiel u nisa se tinbidel ukoll. Se naraw lil kull wieħed minnhom bħala li għadu qed jiġi msawwar. Dan hu l-​mod kif jarahom Ġeħova. Hu jara min huma verament minn ġewwa u jaf li l-​imperfezzjoni tagħhom hi biss temporanja. Hu jaf ukoll x’tip taʼ persuna kull wieħed minnhom jistaʼ jsir. (Salm 130:3) Aħna nistgħu nimitaw lil Ġeħova jekk għandna l-​istess attitudni pożittiva lejn ħutna. Aħna nistgħu saħansitra naħdmu mal-​Fuħħari tagħna f’li ngħinu lil ħutna rġiel u nisa jagħmlu progress. (1 Tessalonikin 5:14, 15) L-​anzjani fil-​kongregazzjoni għandhom jagħtu eżempju tajjeb f’li jagħmlu dan.—Efesin 4:8, 11-​13.

ĠEĦOVA GĦALA JSAWWARNA?

7. Il-​għala tapprezza d-​dixxiplina taʼ Ġeħova?

7 Xi nies għandu mnejn jirraġunaw: ‘Jiena qatt m’apprezzajt bis-​sħiħ id-​dixxiplina li ngħatajt mill-​ġenituri sakemm kelli t-​tfal tiegħi.’ Hekk kif nibdew nikbru, jistaʼ jkun li nibdew napprezzaw id-​dixxiplina għax nifhmu li hija espressjoni taʼ mħabba. (Aqra Ebrej 12:5, 6, 11.) Iva, Ġeħova jħobbna bħala wliedu, u għalhekk bil-​paċenzja jiddixxiplinana, jew isawwarna. Hu jridna nkunu għorrief u ferħanin u li nħobbuh bħala Missierna. (Proverbji 23:15) Hu ma jħobbx jarana nsofru, u ma jridniex immutu bħal midinbin mhux niedma.—Efesin 2:2, 3.

Ġeħova jħobbna bħala wliedu, u għalhekk bil-​paċenzja jiddixxiplinana, jew isawwarna

8, 9. Ġeħova kif qiegħed jgħallimna llum, u din l-​edukazzjoni kif se tkompli fil-​futur?

8 Qabel ma sirna nafu lil Ġeħova, għandu mnejn kellna ħafna kwalitajiet ħżiena. Imma Ġeħova sawwarna u għenna ninbidlu, u b’riżultat taʼ dan, issa għandna kwalitajiet sbieħ. (Isaija 11:6-​8; Kolossin 3:9, 10) Aħna ngħixu f’ġenna spiritwali. Din hi l-​ambjent speċjali li Ġeħova qed joħloq fi żmienna biex jgħinna nifformaw. Fil-​ġenna spiritwali, aħna nħossuna siguri anke jekk id-​dinja taʼ madwarna hija mill-​agħar. Dawk li kellhom trobbija mingħajr imħabba fil-​familja tagħhom, issa jħossu mħabba vera minn ħuthom irġiel u nisa fil-​ġenna spiritwali. (Ġwanni 13:35) U aħna tgħallimna nuru mħabba lejn oħrajn. Imma l-​iktar importanti, sirna nafu lil Ġeħova u issa nħossu l-​imħabba tiegħu bħal taʼ missier.—Ġakbu 4:8.

9 Fid-​dinja l-​ġdida, aħna se nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​ġenna spiritwali. Kif ukoll, se ngawdu ħajja f’ġenna letterali mmexxija mis-​Saltna t’Alla. Matul dak iż-​żmien, Ġeħova se jkompli jsawwarna u jedukana b’mod li huwa diffiċli biex nimmaġinaw illum il-​ġurnata. (Isaija 11:9) Barra minn hekk, Ġeħova se jagħmel lil moħħna perfett u lil ġisimna perfett. Dan se jagħmilha faċli għalina biex nifhmu u nobdu kompletament l-​istruzzjonijiet tiegħu. Allura, ejja nkomplu nħallu lil Ġeħova jsawwarna, u ejja nuruh li napprezzaw din l-​evidenza taʼ mħabbtu lejna.—Proverbji 3:11, 12.

ĠEĦOVA KIF ISAWWARNA?

10. Ġesù kif irrifletta l-​paċenzja u s-​sengħa tal-​Fuħħari l-​Kbir?

10 Bħalma fuħħari tas-​sengħa jaf tajjeb it-​tip taʼ tafal li qed isawwar, il-​Fuħħari tagħna, Ġeħova, jafna sew. Hu jaf id-​dgħufijiet tagħna, il-​limitazzjonijiet tagħna, u l-​progress li għamilna, u hu jsawwar kull wieħed u waħda minna b’dawn iċ-​ċirkustanzi f’moħħu. (Aqra Salm 103:10-​14.) Aħna nistgħu nitgħallmu kif Ġeħova jħares lejna billi naraw kif Ġesù rreaġixxa għall-​imperfezzjonijiet tal-​appostli tiegħu. Xi kultant, l-​appostli argumentaw dwar min kien l-​ikbar fosthom. Li kieku int kont hemm, kif kont tqis l-​imġiba tal-​appostli? Forsi kont tħoss li ma kinux bħal tafal artab. Madankollu, Ġesù kien jaf li setgħu jiġu msawra dment li jisimgħu mill-​parir li tahom b’qalb tajba u b’paċenzja, u jekk jimitaw l-​umiltà li kellu hu. (Marku 9:33-​37; 10:37, 41-​45; Luqa 22:24-​27) Wara l-​irxoxt taʼ Ġesù, l-​appostli rċivew l-​ispirtu taʼ Ġeħova u ma baqgħux iktar iffokati fuq min kien l-​ikbar fosthom. Minflok, kienu ffokati fuq ix-​xogħol li Ġesù tahom.—Atti 5:42.

11. David b’liema modi ta prova li kien bħal tafal artab, u kif nistgħu nimitawh?

11 Illum, Ġeħova juża l-​Bibbja, l-​ispirtu qaddis tiegħu, u l-​kongregazzjoni biex isawwarna. Il-​Bibbja kif tistaʼ ssawwarna? Irridu naqrawha, nimmeditaw fuq dak li naqraw, u nistaqsu lil Ġeħova biex jgħinna napplikaw dak li tgħallimna. Is-​Sultan David kiteb: “Niftakar fik fuq soddti, matul l-​għases tal-​lejl nimmedita fuqek.” (Salm 63:6) Hu kiteb ukoll: “Se nbierek lil Ġeħova, li tani l-​pariri. Iva, bil-​lejl il-​kliewi tiegħi kkoreġewni.” (Salm 16:7) Iva, David immedita fuq il-​pariri taʼ Ġeħova u ħalliehom jippenetraw fil-​‘kliewi tiegħu,’ jiġifieri, isawru l-​ħsibijiet u s-​sentimenti profondi tiegħu. Hu għamel dan anke meta l-​pariri kienu diffiċli biex jaċċettahom. (2 Samwel 12:1-​13) David ħalla eżempju sabiħ għalina taʼ umiltà u ubbidjenza. Allura, saqsi lilek innifsek: ‘Meta naqra l-​Bibbja, nimmedita fuqha u nħalli l-​parir taʼ Ġeħova jilħaq il-​ħsibijiet u s-​sentimenti profondi tiegħi? Nistaʼ nirfina f’dan ir-​rigward?ʼ—Salm 1:2, 3.

12, 13. Ġeħova kif isawwarna permezz tal-​ispirtu qaddis u l-​kongregazzjoni Kristjana?

12 L-​ispirtu qaddis jistaʼ jsawwarna b’diversi modi. Pereżempju, jistaʼ jgħinna nitgħallmu nimitaw il-​personalità taʼ Ġesù u biex nuru l-​aspetti differenti tal-​frott tal-​ispirtu. (Galatin 5:22, 23) Aspett wieħed taʼ dan il-​frott hi l-​imħabba. Aħna nħobbu lil Alla u rridu nobduh u niġu fformati minnu għax aħna nafu li l-​kmandamenti tiegħu huma għall-​ġid tagħna. Barra minn dan, l-​ispirtu qaddis jistaʼ jagħtina s-​saħħa meħtieġa ħalli nevitaw li niġu fformati minn did-​dinja mill-​agħar. (Efesin 2:2) Meta l-​appostlu Pawlu kien żagħżugħ, hu kien influwenzat mill-​mexxejja reliġjużi Lhud li kienu kburin. Imma l-​ispirtu qaddis għenu jinbidel. Iktar tard hu kiteb: “Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.” (Filippin 4:13) Aħna wkoll jeħtieġ li nitolbu għall-​ispirtu qaddis, għax nafu li Ġeħova se jismaʼ t-​talb sinċier tagħna.—Salm 10:17.

Ġeħova juża anzjani Kristjani biex isawwarna, imma rridu napplikaw il-parir tagħhom (Ara paragrafi 12, 13)

13 Ġeħova juża wkoll il-​kongregazzjoni u l-​anzjani biex isawwar lil kull wieħed u waħda minna. Pereżempju, jekk l-​anzjani jinnotaw li għandna xi dgħufija, huma jipprovaw jgħinuna. Madankollu, huma ma jagħtux parir ibbażat fuq l-​ideat tagħhom. (Galatin 6:1) Minflok, b’umiltà jitolbu lil Ġeħova biex itihom l-​għerf u l-​abbiltà li jifhmu. Imbagħad, jagħmlu riċerka billi jużaw il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna ħalli jsibu informazzjoni li tkun tistaʼ tgħinna. Jekk l-​anzjani jiġu fuqek u jagħtuk parir mill-​qalb u bi mħabba, forsi dwar kif int liebes, ftakar li dan huwa prova tal-​imħabba li għandu Alla għalik. Meta tapplika l-​parir, se tkun bħal tafal artab li Ġeħova jistaʼ jsawwar, u b’hekk se tibbenefika inti.

14. Għalkemm għandu awtorità fuq it-​tafal, Ġeħova kif jirrispetta l-​libertà tal-​għażla tagħna?

14 Jekk nifhmu kif Ġeħova jsawwarna, dan jistaʼ jgħinna jkollna relazzjoni tajba maʼ ħutna rġiel u nisa. Ukoll, se jkollna attitudni pożittiva lejn in-​nies fit-​territorju tagħna, inkluż l-​istudenti tal-​Bibbja tagħna. Fi żminijiet Bibliċi, qabel ma jsawwar it-​tafal, fuħħari kellu jnaddfu u jneħħi l-​ġebel u materjal ieħor. Il-​Fuħħari l-​Kbir, Ġeħova, jgħin lill-​uħud li jridu jiġu msawra. Hu ma jisforzahomx biex jinbidlu, imma minflok, hu jurihom il-​livelli nodfa tiegħu. Imbagħad, huma jridu jiddeċiedu jekk jagħmlux il-​bidliet meħtieġa.

15, 16. Studenti tal-​Bibbja kif juru li jridu lil Ġeħova jsawwarhom? Agħti eżempju.

15 Ikkunsidra x’ġara lil Tessie, oħt fl-​Awstralja. Kien faċli ħafna għaliha biex titgħallem x’tgħid il-​Bibbja. Minkejja dan, ma tantx għamlet progress, u ma kinitx qed tmur il-​laqgħat. L-​oħt li studjat magħha kienet talbet lil Ġeħova u ddeċidiet li twaqqaf l-​istudju. Imbagħad ġrat xi ħaġa tal-​għaġeb. Waqt l-​istudju tagħhom, Tessie kienet qalet lill-​oħt għala qatt m’għamlet progress. Hi qalet li ħassitha ipokrita għax kienet tħobb tilgħab il-​flus. Imma issa ddeċidiet li tieqaf tagħmel dan.

16 Tessie ma damitx ma bdiet tattendi l-​laqgħat u turi kwalitajiet Kristjani. Dan għamlitu minkejja li xi ħbieb li kellha waqqgħuha għaċ-​ċajt. Maż-​żmien, Tessie tgħammdet u saret pijuniera regulari, anki meta kellha tfal żgħar. Jidher ċar li meta studenti tal-​Bibbja jibdew jagħmlu bidliet biex jogħġbu lil Alla, hu se jersaq qrib lejhom u se jsawwarhom f’reċipjenti prezzjużi.

17. (a) X’jogħġbok mill-​fatt li għandek lil Ġeħova bħala l-​Fuħħari tiegħek? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

17 Sal-​ġurnata tal-​lum, xi oġġetti tal-​fuħħar għadhom jinħadmu b’attenzjoni bl-​idejn. B’mod simili, Ġeħova b’paċenzja jsawwarna billi juża l-​pariri tiegħu, u jżomm għajnejh fuqna biex jara kif nirreaġixxu. (Aqra Salm 32:8.) Tistaʼ tara li Ġeħova hu interessat fik? Qiegħed tara kif Ġeħova qed isawrek b’attenzjoni? Jekk iva, liema kwalitajiet se jgħinuk tibqaʼ bħal tafal artab li Ġeħova jistaʼ jsawwar? X’tendenzi għandek tevita ħalli ma ssirx bħal tafal iebes li ma jistax jissawwar? U kif jistgħu l-​ġenituri jaħdmu maʼ Ġeħova biex isawru lil uliedhom? L-​artiklu li jmiss se jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet.