Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 6

GĦANJA 18 Grati għall-fidwa

Għala Għandek Tapprezza li Ġeħova Jaħfirlek?

Għala Għandek Tapprezza li Ġeħova Jaħfirlek?

“Alla tant ħabb lid-dinja li ta lili, l-uniku Iben tiegħu.”ĠW. 3:16.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se naraw x’għamel Ġeħova biex ikun jistaʼ jaħfrilna dnubietna u dan se jgħinna biex napprezzaw iktar dak li għamel.

1-2. Is-sitwazzjoni tagħna kif inhi bħal taż-żagħżugħ li jsemmi paragrafu 1?

 IMMAĠINA żagħżugħ li twieled f’familja sinjura ħafna. Imma darba l-ġenituri tiegħu mietu f’aċċident u hu kien imdejjaq ħafna. Iżjed minn hekk isir jaf li huma kienu nefqu l-flus kollha li kellhom u daħlu f’ħafna dejn. Allura minflok flus, wiret ħafna dejn. U issa hemm in-nies jiġru warajh biex jitħallsu. Hu spiċċa b’dejn li qatt mhu se jirnexxilu jħallas.

2 Aħna qegħdin f’sitwazzjoni bħal taʼ dak iż-żagħżugħ. L-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, kellhom ħajja perfetta fil-ġnien tal-Għeden. (Ġen. 1:27; 2:​7-9) Huma setgħu jgħixu ħajja ferħana għal dejjem. Imma peress li dinbu tilfu kollox. Allura x’setgħu jagħtu lit-tfal tagħhom? Il-Bibbja tgħidilna: “Id-dnub daħal fid-dinja permezz taʼ bniedem wieħed [Adam], u d-dnub ġab il-mewt. B’hekk il-bnedmin kollha jmutu, għax kollha jidinbu.” (Rum. 5:12) Mela l-wirt li Adam ħallielna hu d-dnub u minħabba f’hekk immutu. Dan id-dnub tant hu kbir li ħadd minna ma jistaʼ jħallsu.—Slm. 49:8.

3. Il-Bibbja għala tqabbel id-dnub ma’ dejn?

3 Il-Bibbja tqabbel id-dnub maʼ dejn. (Mat. 18:​32-35) Meta nagħmlu dnub, inkunu qisu qed nagħmlu dejn li rridu nħallsu lil Ġeħova. Jekk id-dejn ma jitħallasx, jiġi mħassar biss meta mmutu.—Rum. 6:​7, 23.

4. (a) X’kien jiġrilna mingħajr għajnuna? (Salm 49:​7-9) (b) Xi tfisser il-kelma “dnub” fil-Bibbja? (Ara l-kaxxa “ Dnub.”)

4 Aħna ma nistgħu nagħmlu xejn biex jerġaʼ jkollna dak kollu li tilfu Adam u Eva. (Aqra Salm 49:​7-9.) Mingħajr għajnuna ma kienx ikollna tama li ngħixu għal dejjem jew li niġu rxoxtati. Aħna konna mmutu u ma nerġgħux ngħixu, bħalma jiġrilhom l-annimali.—Ekk. 3:19; 2 Pt. 2:12.

5. Ġeħova kif għenna nħallsu għad-dnubiet tagħna? (Ara l-istampa.)

5 Erġaʼ aħseb fiż-żagħżugħ li tkellimna dwaru fl-ewwel paragrafu. Kif taħseb li kien iħossu kieku xi ħadd sinjur qallu li jrid iħallaslu d-dejn kollu? Hu żgur li kien japprezza ħafna u jaċċetta. B’mod simili Ġeħova tant iħobbna li tana rigal li jħallas id-dejn li writna minn Adam. Ġesù qal: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta lili, l-uniku Iben tiegħu, biex kull min juri fidi fija ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 3:16) Dan ir-rigal jgħinna wkoll biex ikollna ħbiberija tajba maʼ Ġeħova.

Ġesù pprietka dwar aħbar tajba. Din kienet dwar il-maħfra taʼ Ġeħova grazzi għas-sagrifiċċju li kien se jagħmel. (Ġw. 3:16) Imbagħad hu miet biex ikun jistaʼ jħallas il-fidwa (Ara paragrafu 5)


6. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu, u għala?

6 Kif jgħinna dan ir-rigal tal-għaġeb li għamilha possibbli li jinħafru dnubietna? Biex inwieġbu din il-mistoqsija se niddiskutu xi frażijiet mill-Bibbja u naraw xi jfissru. Meta taħseb sew dwarhom, se tapprezza iktar dak li għamel Ġeħova għalik biex jaħfirlek.

ĠEĦOVA JRIDNA NKUNU L-ĦBIEB TIEGĦU

7. (a) Adam u Eva x’tilfu iżjed? (b) Bħala t-tfal taʼ Adam u Eva, x’għandna bżonn? (Rumani 5:​10, 11)

7 Adam u Eva tilfu l-ħajja taʼ dejjem u l-ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova. Qabel m’għamlu d-dnub huma kienu parti mill-familja tiegħu. (Luqa 3:38) Imma meta m’obdewx, hu ma ħallihomx jibqgħu f’dik il-familja. Dan sar qabel ma kellhom it-tfal. (Ġen. 3:​23, 24; 4:1) Allura ħadd mit-tfal tagħhom ma setaʼ jkun parti mill-familja taʼ Ġeħova, inkluż aħna. (Aqra Rumani 5:​10, 11.) Biex ma nibqgħux inkunu l-għedewwa taʼ Ġeħova u nsiru l-ħbieb tiegħu kellna bżonn l-għajnuna. Ġeħova hu l-wieħed li għamel dan possibbli. Kif?

ĠEĦOVA GĦAMILHA POSSIBBLI BIEX INSIRU L-ĦBIEB TIEGĦU

8. Ġeħova x’għamel?

8 Ġeħova għamilha possibbli biex in-nies imperfetti jkunu jistgħu jsiru l-ħbieb tiegħu. Hu għamel dan billi ta xi ħaġa tal-istess valur taʼ dak li tilef Adam. L-Iskrittura Griega Kristjana titkellem ukoll dwar kif Ġeħova għamilha possibbli biex inkunu l-ħbieb tiegħu.—Rum. 3:25.

9. Ġeħova x’għamel biex jinħafru d-dnubiet tal-Iżraelin?

9 Fi żmien l-Iżraelin, Ġeħova provda mod biex jaħfrilhom dnubiethom u jkollhom ħbiberija tajba miegħu. Kull sena l-Iżraelin kellhom ġurnata speċjali, jisimha Jum it-Tpattija. F’dik il-ġurnata l-qassis il-kbir kien joffri annimali bħala sagrifiċċji għan-nies. Ovvjament is-sagrifiċċji tal-annimali ma kinux biżżejjed biex ipattu għad-dnubiet tan-nies. Imma sakemm l-Iżraelin offrew is-sagrifiċċji li Ġeħova kien jistenna minnhom, hu kien lest li jaħfer id-dnubiet tagħhom. (Lhud 10:​1-4) Is-sagrifiċċji li l-Iżraelin kienu joffru f’Jum it-Tpattija u f’okkażjonijiet oħrajn għenuhom jiftakru kemm kienu jiżbaljaw, u li kellhom bżonn xi ħaġa aħjar biex taħfrilhom id-dnubiet darba għal dejjem.

10. Ġeħova x’għamel biex jinħafru d-dnubiet tan-nies darba għal dejjem?

10 Ġeħova x’għamel biex jinħafru d-dnubiet tan-nies darba għal dejjem? Hu għamel arranġament biex Ibnu joffri “lilu nnifsu darba għal dejjem biex iġorr id-dnubiet taʼ ħafna.” (Lhud 9:28) Ġesù ta ħajtu “bħala fidwa għal ħafna.” (Mat. 20:28) X’inhi fidwa?

IS-SAGRIFIĊĊJU TAʼ ĠESÙ ĦALLAS IL-PREZZ

11. (a) Skont il-Bibbja, x’inhi l-fidwa? (b) Min setaʼ jħallas il-fidwa?

11 Mill-Bibbja nitgħallmu li l-fidwa hi l-prezz li kellu jitħallas biex inkunu nistgħu nerġgħu nsiru ħbieb taʼ Ġeħova u jinħafrulna dnubietna. X’kien il-prezz li Ġeħova ddeċieda li kellu jitħallas biex jerġaʼ jkollna dak li tilef Adam? Adam u Eva tilfu ħajja perfetta u ma setgħux jibqgħu jgħixu għal dejjem. Mela l-prezz li kellu jitħallas kellu jkun daqs dak li ntilef. (1 Tim. 2:6) Dan setaʼ jitħallas biss minn raġel li (1) kien perfett; (2) setaʼ jgħix għal dejjem; u (3) kien lest li jagħti ħajtu għalina. Il-ħajja taʼ raġel bħal dan biss setgħet tħallas il-prezz taʼ dak li ntilef.

12. Ġesù għala setaʼ jħallas il-fidwa?

12 Ejja naraw tliet raġunijiet għala Ġesù setaʼ jħallas il-fidwa. (1) Hu kien perfett għax “m’għamilx dnub.” (1 Pt. 2:22) (2) B’hekk, hu setaʼ jgħix għal dejjem fuq l-art. (3) Hu kien lest li jmut għalina. (Lhud 10:​9, 10) Ġesù kien raġel perfett, bħalma kien Adam qabel dineb. (1 Kor. 15:45) Peress li miet għalina, Ġesù setaʼ jħallas il-prezz eżatt biex jerġaʼ jtina dak li tilef Adam. (Rum. 5:19) B’hekk Ġesù sar “l-aħħar Adam.” Mhux se jerġaʼ jkun hemm bżonn li jiġi xi ħadd perfett u jħallas għal dak li tilef Adam għax Ġesù miet “darba għal dejjem.”—Lhud 7:27; 10:12.

13. Għala hu possibbli li jkollna ħbiberija tajba maʼ Ġeħova?

13 Għala hu possibbli li jkollna ħbiberija tajba maʼ Ġeħova? Għax Ġeħova provdielna mod biex ikun jistaʼ jaħfer id-dnubiet tagħna. Dan il-mod hu s-sagrifiċċju tal-ħajja perfetta taʼ Ġesù.—Efes. 1:7; Lhud 9:14.

ĠEĦOVA JEĦLISNA MID-DNUB U L-MEWT U JQISNA ĠUSTI

14. X’se niddiskutu u għala?

14 Aħna kif nibbenefikaw minn dak li għamel għalina Ġeħova? Biex inwieġbu l-mistoqsija se naraw żewġ frażijiet mill-Bibbja u xi jfissru. Dawn se jgħinuna nifhmu kif nibbenefikaw mill-maħfra taʼ Ġeħova.

15-16. (a) Skont il-Bibbja, minn xiex ġejna meħlusin? (b) Peress li aħna meħlusin kif inħossuna?

15 Il-Bibbja turi li peress li l-fidwa tħallset, aħna ġejna meħlusin mid-dnub u l-mewt. L-appostlu Pietru qal: “Intom tafu li ma ġejtux meħlusin [letteralment “mifdijin”] mill-ħajja bla sens li rċivejtu mingħand missirijietkom b’affarijiet li jiġu fix-xejn, bħall-fidda jew id-deheb. Minflok, ġejtu meħlusin bid-demm prezzjuż taʼ Kristu, li hu bħal dak taʼ ħaruf bla difett u bla tebgħa.”—1 Pt. 1:​18, 19; ntt.

16 Aħna nistgħu ninħelsu mid-dnub u l-mewt minħabba l-fidwa. (Rum. 5:21) Kemm napprezzaw dak li għamel Ġeħova għalina u s-sagrifiċċju taʼ Ġesù biex jeħilsuna mid-dnub!—1 Kor. 15:22.

17-18. (a) Xi jfisser li nitqiesu ġusti? (b) Kif nibbenefikaw peress li Ġeħova jqisna ġusti?

17 Il-Bibbja tgħid li Alla jqis lill-qaddejja tiegħu ġusti. Dan ifisser li m’hemmx għalfejn inħallsu għad-dnubiet tagħna. Imma Ġeħova xorta jżomm il-livelli għoljin tiegħu. Hu jqisna ġusti mhux għax ħaqqna jew għax jinjora d-dnubiet li nagħmlu. Imma hu jaħfrilna għax aħna nuru fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù.—Rum. 3:24; Gal. 2:16.

18 Aħna kif nibbenefikaw meta Ġeħova jqisna ġusti? Xi wħud jibbenefikaw għax intgħażlu biex imexxu maʼ Ġesù fis-sema u saru t-tfal t’Alla. (Titu 3:7; 1 Ġw. 3:1) Ġeħova diġà ħafrilhom u qisu qatt m’għamlu dnub. B’hekk huma jistgħu jkunu fis-Saltna t’Alla. (Rum. 8:​1, 2, 30) Oħrajn tqiesu ġusti billi Ġeħova ħafrilhom id-dnubiet tagħhom. B’hekk huma saru l-ħbieb tiegħu u għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art. (Ġak. 2:​21-23) Il-membri tal-folla l-kbira, li se jibqgħu ħajjin wara Armageddon, għandhom iċ-ċans li ma jmutu qatt. (Ġw. 11:26) “In-nies sewwa” u “dawk li mhumiex sewwa” li mietu se jibbenefikaw billi jiġu rxoxtati. (Atti 24:15; Ġw. 5:​28, 29) Dawk kollha li jgħixu fuq l-art u jobdu lil Ġeħova maż-żmien se jkollhom “il-libertà tal-għaġeb bħala t-tfal t’Alla.” (Rum. 8:21) Kemm inħarsu ’l quddiem għal meta nerġgħu nsiru t-tfal perfetti taʼ Missierna, Ġeħova!

19. Ġeħova u Ġesù kif għenuna? (Ara wkoll il-kaxxa “ Il-Maħfra taʼ Ġeħova.”)

19 Is-sitwazzjoni tagħna kienet bla tama, bħal taż-żagħżugħ li semmejna fl-ewwel paragrafu. Imma Ġeħova għenna. Hu għamel arranġament biex ikun jistaʼ jaħfrilna dnubietna u Ġesù ħallas il-fidwa. Peress li għandna l-fidi f’Ġesù nistgħu niġu meħlusin mid-dnub u l-mewt. U meta Ġeħova jaħfrilna, id-dnubiet ikunu qishom qatt ma saru. Imma l-iżjed importanti, nistgħu nkunu ħbieb taʼ Missierna, Ġeħova.

20. X’se naraw fl-artiklu li jmiss?

20 Meta naħsbu dwar dak li Ġeħova u Ġesù għamlu għalina, ħa napprezzaw iktar. (2 Kor. 5:15) Mingħajr l-għajnuna tagħhom konna nkunu bla tama. Fl-artiklu li jmiss, se naraw xi eżempji mill-Bibbja li jgħinuna nifhmu li meta Ġeħova jaħfrilna m’għandniex għalfejn nibqgħu nħossuna ħażin.

GĦANJA 10 Faħħru lil Ġeħova Alla tagħna!