ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 34
Tgħallem mill-Profeziji tal-Bibbja
“Dawk li għandhom id-dehen jifhmu.”—DAN. 12:10.
GĦANJA 98 L-Iskrittura—Imnebbħa minn Alla
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. X’jistaʼ jgħinek titgħallem tieħu pjaċir tistudja l-profeziji tal-Bibbja?
“JIEN nieħu pjaċir nistudja l-profeziji tal-Bibbja,” jgħid ħu żagħżugħ jismu Ben. Int tieħu pjaċir? Jew taħseb li l-profeziji tal-Bibbja huma diffiċli biex tifhimhom? Forsi taħseb ukoll li se tiddejjaq meta tistudjahom. Imma meta ssir taf iktar għala Ġeħova kiteb il-profeziji fil-Kelma tiegħu, tistaʼ tibdel l-opinjoni tiegħek.
2. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
2 F’dan l-artiklu mhux biss se naraw għala għandna nitgħallmu dwar il-profeziji tal-Bibbja, imma se naraw ukoll kif nistgħu nistudjawhom. Imbagħad se neżaminaw żewġ profeziji fil-ktieb taʼ Danjel biex naraw kif jistgħu jgħinuna meta nifhmuhom.
GĦALA GĦANDNA NISTUDJAW IL-PROFEZIJI TAL-BIBBJA?
3. X’għandna bżonn biex nifhmu l-profeziji tal-Bibbja?
3 Biex nifhmu l-profeziji tal-Bibbja għandna bżonn l-għajnuna. Aħseb dwar dan l-eżempju. Immaġinak mort f’post ġdid, imma ħabib tiegħek li qiegħed miegħek jafu sew il-post. Hu jaf eżatt fejn qegħdin u minn fejn għandkom tgħaddu. Int żgur tkun ferħan li l-ħabib ġie miegħek! Ġeħova hu bħal dak il-ħabib. Hu jaf x’se jiġri fil-futur tagħna. Għalhekk, biex nifhmu l-profeziji tal-Bibbja għandna nkunu umli u nitolbu lil Ġeħova għall-għajnuna.—Dan. 2:28; 2 Pt. 1:19, 20.
4. Ġeħova għala kiteb il-profeziji fil-Kelma tiegħu? (Ġeremija 29:11) (Ara l-istampa.)
4 Bħal kull ġenitur tajjeb, Ġeħova jixtieq li t-tfal tiegħu jkollhom futur sabiħ. (Aqra Ġeremija 29:11.) Imma Ġeħova hu aħjar minn ġenitur uman, għax hu jistaʼ jgħidilna x’se jiġri fil-futur, u dak li jgħid dejjem jiġri. Ġeħova uża rġiel biex jiktbu l-profeziji fil-Kelma tiegħu ħalli nkunu nafu affarijiet importanti qabel jiġru. (Is. 46:10) Mela l-profeziji li nsibu fil-Bibbja huma rigal sabiħ mingħand Missierna tas-sema. Imma kif nistgħu nkunu ċerti li dak li tgħid il-Bibbja se jiġri żgur?
5. It-tfal u ż-żgħażagħ x’jistgħu jitgħallmu minn Max?
5 Fl-iskola, spiss it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jkunu mdawrin b’nies li m’għandhomx rispett lejn il-Bibbja. U b’dak li jgħidu u jagħmlu jistgħu jdaħħlu d-dubji f’moħħ taʼ xi Xhud żagħżugħ. Aħseb dwar l-esperjenza taʼ ħu jismu Max. Hu jgħid, “Meta kont għadni l-iskola bdejt niddubita jekk il-ġenituri tiegħi kinux qed jgħallmuni r-reliġjon vera, u jekk il-Bibbja kinitx ġejja minn Alla.” Il-ġenituri tiegħu x’għamlu? Hu jgħid, “Minkejja li kienu inkwetati, ma rrabjawx miegħi.” Huma wieġbu l-mistoqsijiet tiegħu minn fuq il-Bibbja. Max għamel xi ħaġa wkoll. Hu jgħid, “Bdejt nistudja l-profeziji tal-Bibbja u bdejt nitkellem ma’ żgħażagħ oħrajn fil-kongregazzjoni dwar dak li kont qed nitgħallem.” X’kien ir-riżultat? Max jgħid, “Wara li għamilt dan, jien kont ċert li l-Bibbja ġejja minn Alla!”
6. X’tistaʼ tagħmel jekk għandek id-dubji dwar il-Bibbja, u għala?
6 Jekk jiġrilek bħal Max u tibda taħseb li l-Bibbja ma fihiex il-verità, m’għandekx għalfejn tħossok ħażin. Imma għandek bżonn tagħmel xi ħaġa. Id-dubji huma bħas-sadid. Jekk ma tiħux ħsiebu jistaʼ jeqred xi ħaġa prezzjuża. Biex tneħħi d-dubji li jistgħu jeqirdu l-fidi tiegħek, int trid issaqsi lilek innifsek, ‘Jien nemmen dak li tgħid il-Bibbja dwar il-futur?’ Jekk m’intix ċert, għandek bżonn tistudja l-profeziji tal-Bibbja li diġà twettqu. Ara kif tistaʼ tagħmel dan.
KIF TISTUDJA L-PROFEZIJI TAL-BIBBJA?
7. X’għen lil Danjel biex jistudja l-profeziji? (Danjel 12:10) (Ara l-istampa.)
7 Danjel ħallielna eżempju tajjeb taʼ kif nistudjaw il-profeziji tal-Bibbja. Hu studjahom għal raġuni tajba, għax ried isir jaf il-verità. Danjel kien umli wkoll. Hu kien jaf li Ġeħova kien se jgħinu jifhimhom jekk jibqaʼ qrib tiegħu u jobdih. (Dan. 2:27, 28; aqra Danjel 12:10.) Hu wera li kien umli billi straħ fuq Ġeħova għall-għajnuna. (Dan. 2:18) Danjel studja sew l-Iskrittura. Hu fittex għat-tweġibiet fil-partijiet tal-Iskrittura li kien hemm meta għex hu. (Ġer. 25:11, 12; Dan. 9:2) Int kif tistaʼ timita lil Danjel?
8. Xi wħud għala jistudjaw il-profeziji tal-Bibbja?
8 Int trid tistudja l-profeziji tal-Bibbja għax vera tixtieq tkun taf il-verità? Jekk iva, Ġeħova se jgħinek. (Ġw. 4:23, 24; ) Xi nies jistudjaw il-profeziji tal-Bibbja għal raġunijiet oħra. Xi wħud jistudjaw il-Bibbja biex jipprovaw isibu provi li mhix ġejja minn Alla. Huma jaħsbu li jekk il-Bibbja mhix il-Kelma t’Alla, jistgħu jiddeċiedu huma dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Imma aħna rridu nistudjaw il-Bibbja għar-raġuni t-tajba. Barra minn hekk, biex nifhmu l-profeziji tal-Bibbja għandna bżonn kwalità importanti. 14:16, 17
9. Liema kwalità għandna bżonn biex nifhmu l-profeziji tal-Bibbja? Spjega.
9 Kun umli. Ġeħova jwiegħed li se jgħin lill-umli. (Ġak. 4:6) Għalhekk, irridu nitolbuh jgħinna biex nifhmu l-profeziji tal-Bibbja. Jekk inkunu umli, se naċċettaw ukoll l-għajnuna li jagħtina l-ilsir leali u għaqli li qed juża Ġeħova biex jagħtina l-ikel spiritwali. (Lq. 12:42) Ġeħova hu Alla taʼ ordni. Għalhekk, jagħmel sens li hu juża sors wieħed biex jgħinna nifhmu l-veritajiet li hemm fil-Kelma tiegħu.—1 Kor. 14:33; Efes. 4:4-6.
10. X’titgħallem mill-esperjenza taʼ Esther?
10 Agħmel riċerka. Ibda billi tistudja profezija li togħġbok. Oħt jisimha Esther hekk għamlet. Hi riedet titgħallem iktar dwar il-profeziji li jitkellmu dwar il-Messija. Hi tgħid, “Meta kelli 15-il sena, bdejt infittex provi li juru li dawn il-profeziji nkitbu qabel żmien Ġesù.” Dak li tgħallmet meta qrat dwar ir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet għenha tkun ċerta. Esther tkompli tgħid, “Xi rombli nkitbu qabel iż-żmien taʼ Kristu. Għalhekk, il-profeziji li kien fihom kienu ġejjin minn Alla. Biex nifhimhom sew ċertu affarijiet kelli naqrahom ħafna drabi.” Hi ferħana li għamlet dan l-isforz. Wara li studjat diversi profeziji tal-Bibbja hi tgħid, “Jiena ċerta li dak li tgħid il-Bibbja hu veru!”
11. Għala hu importanti li nkunu ċerti li dak li tgħid il-Bibbja hu veru?
11 Meta naraw kif xi profeziji li hemm fil-Bibbja diġà twettqu, se nafdaw iktar lil Ġeħova u kull direzzjoni li jagħtina. Barra minn hekk, il-profeziji tal-Bibbja jitkellmu dwar it-tama li għandna għall-futur. Għalhekk, meta nistudjawhom, se nibqgħu pożittivi anki meta jkollna l-problemi. Ejja nikkunsidraw fil-qosor żewġ profeziji li kiteb Danjel u li qed jitwettqu bħalissa. Jekk nifhmuhom, se nkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin.
IS-SAQAJN TAL-ĦADID U T-TAFAL KIF JAFFETTWAW LILEK?
12. Is-saqajn tal-“ħadid imħallat mat-tafal niedi” x’jirrappreżentaw? (Danjel 2:41-43)
12 Aqra Danjel 2:41-43. Fil-ħolma li Danjel fisser lir-Re Nebukadnessar, is-saqajn tal-istatwa li ra r-re kienu tal-“ħadid imħallat mat-tafal niedi.” Meta nqabblu din il-profezija m’oħrajn li nsibu fil-ktieb taʼ Danjel u Rivelazzjoni, nifhmu li s-saqajn jirrappreżentaw l-Istati Uniti u l-Brittanja. Dawn jaħdmu flimkien u huma l-iktar gvernijiet b’saħħithom fid-dinja. Dwar din il-qawwa dinjija, Danjel jgħid li “s-saltna għad tkun parti b’saħħitha u parti dgħajfa.” Parti minnha għala se tkun dgħajfa? Għax in-nies, li huma t-tafal niedi, ma jħalluhiex tkun b’saħħitha bħall-ħadid. b
13. Liema veritajiet importanti nitgħallmu minn din il-profezija?
13 Mill-istatwa li jiddeskrivi Danjel nitgħallmu veritajiet importanti. Nistgħu nitgħallmu ħafna mis-saqajn taʼ din l-istatwa. L-ewwel, il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana wriet li hi b’saħħitha ħafna. Pereżempju, l-Istati Uniti u l-Brittanja kienu fost il-pajjiżi li rebħu l-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija. Imma dawn il-gvernijiet kellhom jiddgħajfu, għax in-nies tal-pajjiż iġġieldu kontra xulxin u kontrihom. It-tieni, il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana se tkun l-aħħar qawwa li se tmexxi qabel is-Saltna t’Alla teqred il-gvernijiet kollha. Minkejja li xi pajjiżi oħrajn jiħduha kontra l-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana, ħadd mhu se jiħdilha postha. Aħna nafu dan għax “il-ġebla” li tirrappreżenta s-Saltna t’Alla se tkisser is-saqajn, il-parti tal-istatwa li tirrappreżenta l-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana.—Dan. 2:34, 35, 44, 45.
14. Meta nifhmu l-profezija dwar is-saqajn tal-ħadid u t-tafal, kif jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin?
14 Int ċert li l-profezija taʼ Danjel dwar is-saqajn tal-ħadid u t-tafal hi vera? Jekk iva, dan se jaffettwa l-mod kif tgħix ħajtek. Int mhux se tiffoka fuq li ssir sinjur jew biex ikollok ħafna affarijiet materjali, għax taf li d-dinja ħażina li qed ngħixu fiha dalwaqt se tinqered. (Lq. 12:16-21; 1 Ġw. 2:15-17) Meta tifhem din il-profezija se tkun tistaʼ tara wkoll kemm hu importanti li tipprietka u tgħallem lil oħrajn. (Mt. 6:33; 28:18-20) Issa li ddiskutejna din il-profezija, saqsi lilek innifsek, ‘Id-deċiżjonijiet li nieħu juru li jien konvint li s-Saltna t’Alla dalwaqt se teqred il-gvernijiet kollha?’
IS-SULTAN TAT-TRAMUNTANA U S-SULTAN TAN-NOFSINHAR KIF JAFFETTWAWK?
15. Illum min huma “s-sultan tat-tramuntana” u “s-sultan tan-nofsinhar”? (Danjel 11:40)
15 Aqra Danjel 11:40. Danjel kapitlu 11 jitkellem dwar żewġ rejiet, jew gvernijiet, li jikkompetu kontra xulxin. Billi nqabblu din il-profezija m’oħrajn fil-Bibbja, aħna nafu li llum “is-sultan tat-tramuntana” hu r-Russja u l-pajjiżi li jappoġġjawha, u “s-sultan tan-nofsinhar” hu l-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana. c
16. “Is-sultan tat-tramuntana” kif qed jittratta lin-nies t’Alla?
16 In-nies t’Alla li qed jgħixu taħt it-tmexxija tas-“sultan tat-tramuntana” qed jiġu ppersegwitati minnu. Xi aħwa ġew imsawtin u mitfugħin il-ħabs minħabba l-fidi tagħhom. Imma minflok qed ibeżżaʼ lil ħutna, “is-sultan tat-tramuntana” qed isaħħilhom il-fidi tagħhom. Għala? Għax dawn l-aħwa jafu li l-persekuzzjoni li qed jiffaċċja l-poplu t’Alla qed twettaq il-profezija li nsibu fil-ktieb taʼ Danjel. d (Dan. 11:41) Dan jistaʼ jgħin lilna biex inżommu t-tama tagħna b’saħħitha u nibqgħu leali lejn Ġeħova.
17. Liema sfidi ffaċċjaw in-nies t’Alla taħt it-tmexxija tas-“sultan tan-nofsinhar”?
17 Fil-passat, “is-sultan tan-nofsinhar” ukoll attakka lin-nies taʼ Ġeħova. Pereżempju, matul l-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija, ħafna aħwa ġew mitfugħin il-ħabs u xi tfal tal-aħwa ġew imkeċċijin mill-iskola għax baqgħu newtrali. Fi snin riċenti, il-lealtà tan-nies taʼ Ġeħova taħt it-tmexxija tas-“sultan tan-nofsinhar” ġiet ittestjata b’modi oħra. Pereżempju, matul elezzjoni, Kristjan forsi jiġi mħajjar biex jissapportja xi partit partikolari. Hu ma jmurx jivvota, imma forsi f’moħħu u f’qalbu jkun qed jaqbel ma’ dan il-partit. Biex inkunu newtrali kompletament aħna rridu noqogħdu attenti għal dak li nagħmlu, inħossu, u naħsbu!—Ġw. 15:18, 19; 18:36.
18. Il-mibegħda bejn “is-sultan tat-tramuntana” u “s-sultan tan-nofsinhar” kif taffettwana? (Ara l-istampa.)
18 Dawk li m’għandhomx fidi fil-profeziji tal-Bibbja jaf iħossuhom ansjużi ħafna meta jaraw ‘lis-sultan tan-nofsinhar jinvolvi ruħu f’konfront mas-sultan tat-tramuntana.’ (Dan. 11:40) Iż-żewġ rejiet għandhom biżżejjed armi b’saħħithom biex jeqirdu lin-nies kollha li hawn fuq l-art. Imma aħna nafu li Ġeħova mhux ħa jħallihom jagħmlu hekk. (Is. 45:18) Minflok ma ninkwetaw dwar il-futur, il-mibegħda bejn “is-sultan tat-tramuntana” u “s-sultan tan-nofsinhar” issaħħaħ il-fidi tagħna. Dan jurina li t-tmiem taʼ din is-sistema ħażina qiegħed fil-qrib.
IBQAʼ ATTENT GĦALL-PROFEZIJI
19. Minn xiex għandna nkunu ċerti?
19 Ma nafux kif se jitwettqu xi profeziji tal-Bibbja. Lanqas Danjel ma fehem dak kollu li kiteb. (Dan. 12:8, 9) Imma għax ma nafux eżatt kif se jitwettqu xi profeziji, ma jfissirx li dawn mhux se jiġru. Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna nifhmu dak li għandna bżonn fil-ħin eżatt, bħalma għamel fil-passat.—Għam. 3:7.
20. Liema profeziji tal-Bibbja dalwaqt se jitwettqu, u x’għandna nkomplu nagħmlu?
20 In-nazzjonijiet dalwaqt se jgħidu “paċi u sigurtà.” (1 Tess. 5:3) Imbagħad, il-gvernijiet tad-dinja se jattakkaw lir-reliġjon falza u jeqirduha. (Riv. 17:16, 17) Wara se jattakkaw lill-poplu t’Alla. (Eżek. 38:18, 19) Imbagħad l-aħħar gwerra, Armageddon, se tibda. (Riv. 16:14, 16) Aħna nistgħu nkunu ċerti li dawn il-ġrajjiet dalwaqt se jiġru. Sa ma jibdew, ejja nkomplu nuru l-apprezzament tagħna għal Missierna tas-sema billi noqogħdu attenti għall-profeziji tal-Bibbja u ngħinu lil oħrajn jagħmlu bħalna.
GĦANJA 95 Id-dawl qed jitqawwa
a Għalkemm is-sitwazzjoni taʼ din id-dinja dejjem sejra għall-agħar, aħna nafu li daqt ikollna futur sabiħ. Aħna ċerti minn dan għax studjajna l-profeziji tal-Bibbja. F’dan l-artiklu se niddiskutu raġunijiet għala għandna nistudjaw il-profeziji tal-Bibbja. Imbagħad se neżaminaw fil-qosor żewġ profeziji li kiteb Danjel u naraw kif nistgħu nibbenefikaw minnhom meta nifhmuhom.
b Ara l-artiklu “Ġeħova Jirrivela ‘Dak li Jrid Iseħħ Dalwaqt,’” para. 7-9, f’It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Ġunju 2012.