ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 14
GĦANJA 8 Ġeħova hu l-kenn tagħna
“Agħżlu Għalikom Infuskom Illum lil Min Se Taqdu”
“Ngħid għalija u għan-nies taʼ dari, aħna se naqdu lil Ġeħova.”—ĠOŻ. 24:15.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Dan l-artiklu se jfakkarna fir-raġunijiet għala għażilna li naqdu lil Ġeħova.
1. X’hemm bżonn nagħmlu biex inkunu vera ferħanin, u għala? (Isaija 48:17, 18)
MISSIERNA tas-sema jħobbna ħafna u jixtieq li kemm issa u anki fil-futur, ikollna ħajja sabiħa. (Ekk. 3:12, 13) Hu ta lil kulħadd kapaċitajiet differenti biex nagħmlu affarijiet sbieħ, imma ma ħalaqniex bl-abbiltà li niddeċiedu aħna x’inhu tajjeb u ħażin jew biex immexxu lilna nfusna. (Ekk. 8:9; Ġer. 10:23) Hu jaf li biex inkunu vera ferħanin irridu naqduh u nobduh.—Aqra Isaija 48:17, 18.
2. Satana x’jixtieqna nemmnu, u Ġeħova x’għamel?
2 Satana jridna nemmnu li aħna m’għandniex bżonn lil Ġeħova biex inkunu ferħanin jew li aħna kapaċi mmexxu lilna nfusna. (Ġen. 3:4, 5) Biex juri li Satana hu giddieb, Ġeħova qed iħalli lin-nies imexxu għal xi żmien. Imma llum, nistgħu naraw ċar li n-nies mhux kapaċi jmexxu. Però, il-Bibbja ssemmi ħafna nies li kienu ferħanin għax qdew lil Ġeħova. L-aqwa eżempju hu Ġesù Kristu. F’dan l-artiklu l-ewwel se nitgħallmu għala Ġesù għażel li jaqdi lil Ġeħova, it-tieni, għala Ġeħova jixraqlu li naqduh, u t-tielet, se naraw xi raġunijiet għala aħna għażilna li naqdu lil Ġeħova.
GĦALA ĠESÙ GĦAŻEL LI JAQDI LIL ĠEĦOVA
3. Satana x’offrielu lil Ġesù, u Ġesù x’għażel li jagħmel?
3 Meta kien fid-dinja, Ġesù kellu jagħżel lil min se jaqdi. Ftit wara li tgħammed, Satana qallu li jekk jagħtih qima darba waħda biss, kien se jagħtih is-saltniet kollha fid-dinja. Imma Ġesù qallu: “Itlaq ’l hemm Satana! Għax fl-Iskrittura hemm miktub: ‘Lil Ġeħova l-Alla tiegħek għandek tqim, u lilu biss għandek taqdi.’” (Mat. 4:8-10) Ġesù għala għamel dik l-għażla? Ejja naraw xi raġunijiet.
4-5. X’inhuma xi raġunijiet għala Ġesù għażel li jaqdi lil Ġeħova?
4 L-iktar raġuni importanti għala Ġesù għażel li jaqdi lil Ġeħova hi għax għandu mħabba kbira għal Missieru. (Ġw. 14:31) Barra minn hekk, hu għażel li jaqdih għax kien jaf li dik hi l-ħaġa t-tajba li għandu jagħmel. (Ġw. 8:28, 29; Riv. 4:11) Hu kien jaf li Ġeħova tana l-ħajja, li nistgħu nafdawh, u li jagħtina ħafna affarijiet biex inkunu ferħanin. (Slm. 33:4; 36:9; Ġak. 1:17) Ġeħova dejjem kien jgħidlu l-verità lil Ġesù u tah dak kollu li għandu. (Ġw. 1:14) Imma Satana hu kompletament differenti minn Ġeħova. Pereżempju, hu kien il-wieħed li ġiegħel lin-nies jidinbu, u b’hekk, imutu. Hu giddieb u egoist. (Ġw. 8:44) Peress li Ġesù kien jaf lil Ġeħova u lil Satana sew, qatt m’għaddielu minn moħħu li jimita lil Satana u jiħodha kontra Ġeħova.—Flp. 2:5-8.
5 Raġuni oħra għala Ġesù għażel li jaqdi lil Ġeħova hi għax hu kien jaf li b’dik l-għażla kienu se jiġru ħafna affarijiet tajbin. (Lhud 12:2) Pereżempju, kien jaf li jekk jibqaʼ leali kien se jqaddes l-isem taʼ Missieru, jiġifieri juri li dak li qal Satana dwaru kien gidba, u kien jaf li se jagħmilha possibbli li d-dnub u l-mewt jispiċċaw għal dejjem.
GĦALA ĠEĦOVA JIXRAQLU LI NAQDUH
6-7. Illum, għala hemm ħafna nies li ma jqimux lil Ġeħova, imma għala kulħadd għandu jqim lilu?
6 Illum, ħafna ma jaqdux lil Ġeħova għax għadhom ma tgħallmux dwar il-kwalitajiet sbieħ tiegħu u ma jafux kemm għamel għalihom. Dan hu simili għal dawk li Pawlu ppritkalhom f’Ateni. Huma wkoll ma kinux jafuh lil Alla.—Atti 17:19, 20, 30, 34.
7 L-appostlu Pawlu spjega lin-nies f’Ateni li l-Alla l-veru “jagħti lil kulħadd il-ħajja, in-nifs, u kull ħaġa oħra.” Hu qal ukoll: “Bis-saħħa tiegħu, aħna ngħixu, niċċaqalqu, u neżistu.” Bħala l-Ħallieq, “minn raġel wieħed Alla għamel il-popli kollha.” Allura, hu l-uniku Wieħed li aħna għandna nqimu.—Atti 17:25, 26, 28.
8. Ġeħova x’qatt mhu se jġegħelna nagħmlu? Spjega.
8 Peress li Ġeħova hu l-Ħallieq u s-Sid tal-univers, jistaʼ jagħmel dak kollu li jrid. Allura, kieku jrid, jistaʼ jġiegħel lin-nies iqimuh bilfors. Imma hu qatt mhu se jagħmel hekk. Minflok, hu tana ħafna provi li vera jeżisti u li jħobb ħafna lil kull wieħed u waħda minna. Hu jixtieq lil kemm jistaʼ jkun nies ikunu ħbieb tiegħu għal dejjem. (1 Tim. 2:3, 4) B’hekk, Ġeħova jittrennjana biex ngħallmu lil oħrajn dwar l-affarijiet sbieħ li se jagħmel fil-futur għan-nies u kif se jagħmel dan. (Mat. 10:11-13; 28:19, 20) U hu organizzana f’kongregazzjonijiet biex inkunu nistgħu nqimuh, u tana l-anzjani biex jgħinuna.—Atti 20:28.
9. Ġeħova kif juri li jħobb lin-nies kollha?
9 Ġeħova juri kemm iħobb lin-nies billi jagħti affarijiet tajbin anki lil dawk li ma jemmnux li jeżisti. Aħseb dwar dan: Għal eluf taʼ snin, ħafna nies għażlu huma x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, minflok m’obdew lil Ġeħova. Imma Ġeħova b’qalb tajba xorta tahom dak li kellhom bżonn biex jgħixu u biex jieħdu pjaċir bil-ħajja. (Mat. 5:44, 45; Atti 14:16, 17) Pereżempju, hu tahom il-kapaċità li jkollhom il-ħbieb, jibnu familja, ikollhom it-tfal, jaħdmu, u jgawdu affarijiet sbieħ fil-ħajja. (Slm. 127:3; Ekk. 2:24) Dan juri li Missierna tas-sema jħobb ħafna lin-nies kollha. (Eżo. 34:6) Issa, ejja naraw xi raġunijiet li ħa jgħinuna niftakru għala għażilna li naqdu lil Ġeħova u kif hu jberikna talli nagħmlu hekk.
GĦALA NAGĦŻLU LI NAQDU LIL ĠEĦOVA
10. (a) X’inhi l-iktar raġuni importanti għala naqdu lil Ġeħova? (Mattew 22:37) (b) Int kif ibbenefikajt peress li Ġeħova ħafirlek u wera paċenzja miegħek? (Salm 103:13, 14)
10 Bħal Ġesù, l-iktar raġuni importanti għala naqdu lil Ġeħova hi għax inħobbuh ħafna. (Aqra Mattew 22:37.) Meta nitgħallmu iktar dwar il-kwalitajiet tiegħu, aħna nkunu rridu nersqu eqreb lejh. Pereżempju, aħseb dwar kemm hu lest li jaħfrilna. Meta l-Iżraelin irribellaw kontrih, hu talabhom: “Duru lura, jekk jogħġobkom, kull wieħed minnkom minn triqtu l-ħażina.” (Ġer. 18:11) Ġeħova jaf li aħna imperfetti u jiftakar li aħna trab. (Aqra Salm 103:13, 14.) Meta timmedita dwar kemm-il darba Ġeħova ħafirlek jew wera paċenzja miegħek, ma tħossokx li trid taqdih għal dejjem?
11. X’inhuma xi raġunijiet oħra għala nagħżlu li naqdu lil Missierna tas-sema?
11 Raġuni oħra għala naqdu lil Ġeħova hi għax nafu li hi l-ħaġa t-tajba. (Mat. 4:10) Barra minn hekk, nafu li jekk nibqgħu leali lejn Ġeħova se jiġru ħafna affarijiet tajbin. Pereżempju, jekk nibqgħu leali lejh, aħna se nnaddfu lil ismu, nuru li Satana hu giddieb, u nagħmlu lil Ġeħova ferħan ħafna. U jekk nagħżlu li nibdew naqdu lil Ġeħova, għandna ċ-ċans li naqduh għal dejjem!—Ġw. 17:3.
12-13. X’titgħallem mill-esperjenza taʼ Jane u Pam?
12 Aħna nistgħu nibdew inkabbru l-imħabba tagħna għal Ġeħova minn meta nkunu għadna żgħar ħafna u nkomplu nsaħħuha hekk kif nikbru. Dan ġara lil żewġ aħwa jisimhom Jane u Pam. a Meta bdew jistudjaw il-Bibbja, Jane kellha 11-il sena u Pam 10 snin. Ommhom u missierhom ma kinux interessati fil-verità, imma ħallew lit-tfal tagħhom jistudjaw max-Xhieda taʼ Ġeħova bil-kundizzjoni li fil-weekend imorru l-knisja magħhom. Jane tgħid: “Dak li x-Xhieda għallmuni mill-Bibbja għenni biex ma nċedix għat-tentazzjonijiet mingħand sħabi tal-iskola, bħal li nieħu d-drogi jew nagħmel l-immoralità sesswali.”
13 Meta t-tfajliet kibru, bdew jaqdu bħala pubblikaturi. Imbagħad maż-żmien saru pijunieri regulari, u fl-istess ħin, kienu jieħdu ħsieb lill-ġenituri tagħhom li kienu qegħdin jikbru. Meta taħseb dwar il-ħajja tagħha, Jane tgħid: “Jien tgħallimt li Ġeħova dejjem jieħu ħsieb lill-ħbieb tiegħu, u bħalma jgħid it-2 Timotju 2:19, ‘Ġeħova jaf lil dawk li huma tiegħu.’” Bla dubju, Ġeħova dejjem jieħu ħsieb lil dawk li jagħżlu li jaqduh u jħobbuh!
14. Kif nistgħu niddefendu lil Ġeħova b’dak li ngħidu u nagħmlu? (Ara wkoll l-istampi.)
14 Aħna nixtiequ nagħmlu kulma nistgħu biex innaddfu l-isem t’Alla mill-gideb kollu li qalu dwaru. Aħseb dwar dan l-eżempju: Immaġina li għandek ħabib tal-qalb li hu qalbu tajba, ġeneruż, u jaħfer ħafna. Imma darba tismaʼ lil xi ħadd jgħid li sieħbek mhux vera qalbu tajba u mhuwiex onest. X’tagħmel? Żgur li tiddefendih. Bl-istess mod, meta Satana u oħrajn jgħidu l-gideb dwar Ġeħova, aħna nagħmlu kulma nistgħu biex niddefenduh billi ngħidu l-verità dwaru. (Slm. 34:1; Isa. 43:10) B’dak li ngħidu u anki b’dak li nagħmlu, aħna nuru li nagħżlu li nħobbu u li rridu naqdu lil Ġeħova.
15. L-appostlu Pawlu x’affarijiet gawda wara li għamel bidliet kbar f’ħajtu? (Filippin 3:7, 8)
15 Biex naqdu lil Ġeħova kif jixtieq hu jew nagħmlu iktar għalih, aħna lesti li nagħmlu l-bidliet f’ħajjitna. Pereżempju, l-appostlu Pawlu kellu pożizzjoni importanti fir-reliġjon Lhudija imma hu ddeċieda li ma jibqax f’dik ir-reliġjon biex isir dixxiplu taʼ Kristu u jaqdi lil Ġeħova. (Gal. 1:14) B’hekk, hu kellu ħajja sodisfaċenti u mimlija ferħ, u rċieva r-rigal li jmexxi maʼ Kristu fis-sema. Hu qatt ma ddispjaċieh li għażel li jaqdi lil Ġeħova u jekk aħna nagħmlu l-istess għażla, żgur li mhux se jiddispjaċina.—Aqra Filippin 3:7, 8.
16. X’nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza taʼ Julia? (Ara wkoll l-istampi.)
16 Jekk li naqdu lil Ġeħova jkun l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna, żgur se jkollna ħajja sodisfaċenti u ferħana, kemm issa u fil-futur. Aħseb dwar l-esperjenza taʼ Julia. Minn meta kienet tifla, qabel tgħallmet il-verità, hi kienet tkanta fil-knisja. Tant kienet tkanta sabiħ li bdew jittrennjawha biex issir kantanta professjonali tal-opri. Julia ma damitx ma saret popolari u bdiet tkanta l-opri f’postijiet famużi ħafna. Meta kienet qed tieħu kors tal-mużika fi skola famuża, xi ħadd fil-klassi tagħha qalilha li Alla jismu Ġeħova. Ftit żmien wara dan, Julia bdiet tistudja l-Bibbja darbtejn fil-ġimgħa. Maż-żmien, hi ddeċidiet li tuża l-ħin u l-enerġija tagħha biex taqdi lil Ġeħova minflok ma jkollha karriera fil-mużika. Imma din ma kinitx deċiżjoni faċli. Hi tgħid: “Ħafna nies qaluli li kont qed naħli ħajti għax ma kontx qed nuża t-talent tiegħi. Imma jien ridt nuża ħajti biex naqdi lil Ġeħova bl-aħjar mod.” Hi kif tħossha dwar dik id-deċiżjoni li ħadet iktar minn 30 sena ilu? Julia tkompli tgħid: “Jien ferħana ħafna li għażilt li naqdi lil Ġeħova, u naf li fil-futur hu ħa jaqtaʼ x-xewqat kollha tiegħi.”—Slm. 145:16.
KOMPLI AQDI LIL ĠEĦOVA
17. Li nafu li qegħdin vera viċin it-tmiem, kif għandu jeffettwa lil dawk li ma jaqdux lil Alla u lil dawk li jaqduh?
17 Aħna qed ngħixu vera viċin tat-tmiem ta’ din is-sistema. Fil-fatt, l-appostlu Pawlu qal: “‘Ftit ieħor’ u ‘jasal il-wieħed li ġej u mhux se jkun tard.’” (Lhud 10:37) Imma dan x’għandu x’jaqsam miegħek? L-ewwel, m’għadx baqaʼ ħafna żmien biex in-nies jiddeċiedu jekk iridux jaqdu lil Ġeħova jew le. (1 Kor. 7:29) U t-tieni, jekk inti diġà għażilt li taqdi lil Alla, tistaʼ tkun ċert li avolja se jkollok tissaporti l-provi, se jkun għal “ftit ieħor” biss.
18. Ġesù u Ġeħova x’jinkuraġġuna nagħmlu?
18 Ġesù inkuraġġixxa lin-nies biex isiru d-dixxipli tiegħu u mbagħad ikomplu mexjin warajh. (Mat. 16:24) Allura, jekk ilek taqdi lil Ġeħova għal ħafna snin, kun determinat li tibqaʼ taqdih. Hemm bżonn naħdmu iebes biex inżommu mad-deċiżjoni li ħadna u jistaʼ ma jkunx daqshekk faċli. Imma aħseb ftit kemm diġà bierkek Ġeħova u immaġina kemm ħa jbierkek iktar fil-futur!—Slm. 35:27.
19. X’nitgħallmu mill-esperjenza taʼ John?
19 Xi wħud iħossu li biex taqdi lil Ġeħova trid tagħmel wisq sagrifiċċji. Jekk għadek żgħir, ġieli tħoss li jekk taqdi lil Ġeħova jaf ikollok ħajja mhux sabiħa? Ħu jismu John jgħid: “Jien ħassejt li minħabba li jien Xhud taʼ Ġeħova, kien hemm ħafna affarijiet li ma stajtx nagħmilhom. Meta kont nara lil dawk tampari jieħdu gost imorru l-parties, joħorġu man-nisa, u jilagħbu logħob vjolenti, waqt li jien kont inqattaʼ ħafna mill-ħin il-laqgħat u s-service, kont naħseb li għandhom ħajja ħafna isbaħ minn tiegħi.” Dawn il-ħsibijiet kif effettwawh lil John? Hu jgħid: “Jien bdejt ngħix ħajja doppja għax bdejt nagħmel xi affarijiet ħżiena li sħabi kienu jagħmlu, u għal xi żmien kont qed nieħu pjaċir. Imma, fil-verità, ma kontx ferħan. Imbagħad, bdejt naħseb dwar kemm tkun aħjar il-ħajja meta tobdi dak li jgħid Ġeħova u ddeċidejt li naqdih b’qalbi kollha. Minn dakinhar ’il hawn, inħoss li Ġeħova wieġeb it-talb kollu tiegħi.”
20. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?
20 Wieħed mis-salmisti kanta lil Ġeħova: “Ferħan ikun dak li int tagħżlu u tistiednu jersaq lejk biex joqgħod fil-btieħi tat-tempju tiegħek.” (Slm. 65:4) Jalla nkunu determinati li nkomplu naqdu lil Ġeħova bħal Ġożwè meta qal: “Ngħid għalija u għan-nies taʼ dari, aħna se naqdu lil Ġeħova.”—Ġoż. 24:15.
GĦANJA 28 Niksbu l-ħbiberija taʼ Ġeħova
a Xi ismijiet ġew mibdulin.