Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Il-kelma t’Alla hi . . . qawwija”

“Il-kelma t’Alla hi . . . qawwija”

“Il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.”—EBREJ 4:12.

GĦANJIET: 114, 113

1. X’jikkonvinċik li l-​Kelma t’Alla hi qawwija? (Ara l-​ewwel stampa.)

IN-​NIES taʼ Ġeħova huma konvinti li kelmtu, il-​messaġġ tiegħu lill-​bnedmin, “hi ħajja u qawwija.” (Ebrej 4:12) Aħna rajna l-​qawwa tal-​Bibbja f’ħajjitna u fil-​ħajja t’oħrajn. Qabel ma saru Xhieda, xi nies kienu ħallelin, kellhom il-​vizzju tad-​droga, jew kienu involuti fl-​immoralità sesswali. Oħrajn kienu popolari jew sinjuri imma xorta ħassew li kien hemm xi ħaġa nieqsa f’ħajjithom. (Ekkleżjasti 2:3-​11) B’ferħ, ħafna li ħassewhom mitlufin u kienu bla tama issa għandhom direzzjoni u tama. Fit-​Torri tal-​Għassa, aħna qrajna u ħadna pjaċir b’ħafna esperjenzi bħal dawn fis-​serje t’artikli “Il-​Bibbja tbiddel il-​ħajjiet.” U rajna li anki wara li jsiru Kristjani, in-​nies għandhom ikomplu jsaħħu r-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova bl-​għajnuna tal-​Bibbja.

2. Il-​qawwa tal-​Kelma t’Alla kif affettwat lin-​nies fl-​ewwel seklu?

2 Mhix taʼ sorpriża li ħafna nies jagħmlu bidliet kbar meta jitgħallmu l-​verità. Ħutna fl-​ewwel seklu li kellhom it-​tama għas-​sema għamlu bidliet bħal dawn. (Aqra l-​1 Korintin 6:9-​11.) Meta Pawlu tkellem dwar dawk li ma kinux se jirtu s-​Saltna t’Alla, hu żied jgħid: “Hekk kienu xi wħud minnkom.” Il-​Kelma t’Alla u l-​ispirtu qaddis tiegħu għenu lil dawn in-​nies jinbidlu. Imma anki wara li saru Kristjani, uħud minnhom għamlu żbalji serji li affettwaw ir-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova. Pereżempju, il-​Bibbja ssemmi ħu midluk li kellu jiġi maqtugħ mis-​sħubija. Iktar tard, hu għamel bidliet biex b’hekk setaʼ jerġaʼ jkun parti mill-​kongregazzjoni Kristjana. (1 Korintin 5:1-​5; 2 Korintin 2:5-​8) Huwa inkuraġġanti li ħutna setgħu jagħmlu dawn il-​bidliet kollha permezz tal-​qawwa tal-​Kelma t’Alla.

3. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 Il-​Kelma t’Alla għandha qawwa kbira. Ladarba Ġeħova tahielna, aħna rridu nagħmlu ċert li nużawha sew. (2 Timotju 2:15) Dan l-​artiklu se jiddiskuti x’nistgħu nagħmlu biex nużaw il-​qawwa tal-​Bibbja (1) fil-​ħajja tagħna, (2) fil-​ministeru tagħna, u (3) meta ngħallmu mill-​platform. Dak li se nitgħallmu se jgħinna nuru l-​imħabba u l-​gratitudni tagħna għal Missierna tas-​sema, li jgħallimna għall-​ġid tagħna.—Isaija 48:17.

FIL-​ĦAJJA TAGĦNA

4. (a) X’nistgħu nagħmlu sabiex il-​Kelma t’Alla taffettwana? (b) Int kif tagħmel ħin għall-​qari tiegħek tal-​Bibbja?

4 Biex inħallu l-​Kelma t’Alla taffettwana, hemm bżonn naqrawha regolarment. Aħna għandna nipprovaw naqrawha kuljum. (Ġożwè 1:8) Il-​maġġoranza minna ngħixu ħajja mimlija ħafna, imma ma rridu nħallu xejn iwaqqafna milli naqraw il-​Bibbja, inkluż ir-​responsabbiltajiet tagħna. (Aqra Efesin 5:15, 16.) Forsi nsibu ħin kmieni filgħodu, matul il-​ġurnata, jew iktar tard filgħaxija. Aħna naqblu mas-​salmista li kiteb: “Kemm inħobbha l-​liġi tiegħek! Il-​jum kollu moħħni fiha.”—Salm 119:97.

Ma rridu nħallu xejn iwaqqafna milli naqraw il-​Bibbja kuljum, inkluż ir-​responsabbiltajiet tagħna

5, 6. (a) Għaliex għandna bżonn nimmeditaw? (b) Il-​meditazzjoni tagħna kif tistaʼ tkun effettiva? (ċ) Il-​qari tal-​Bibbja u l-​meditazzjoni fuqha kif għenuk?

5 Madankollu, li sempliċiment naqraw il-​Bibbja mhux biżżejjed. Għandna bżonn nimmeditaw, jew naħsbu sew u fil-​fond, dwar dak li naqraw. (Salm 1:1-​3) Hu biss wara li nagħmlu dan li se nkunu nistgħu napplikaw l-​għerf tal-​Bibbja f’ħajjitna. Għalhekk, kemm jekk naqraw il-​Bibbja f’forma pprintjata jew elettronika, il-​mira tagħna għandha tkun li nħalluha tibdilna u timmotivana.

6 Il-​meditazzjoni tagħna kif tistaʼ tkun effettiva? Meta naqraw il-​Bibbja, għandna nieqfu ftit u nsaqsu lilna nfusna: ‘Dan x’jgħidli dwar Ġeħova? Kif diġà qed napplika dak li qrajt f’ħajti? Liema bidliet fadalli nagħmel?’ Meta nimmeditaw fuq il-​Kelma t’Alla u nitolbu dwar dak li naqraw, aħna se nkunu rridu napplikawh. Imbagħad ħa nkunu nistgħu nesperjenzaw il-​qawwa tal-​Bibbja f’ħajjitna.—2 Korintin 10:4, 5.

FIL-​MINISTERU

7. Kif nistgħu nagħmlu użu tajjeb mill-​Kelma t’Alla fil-​ministeru tagħna?

7 Hu importanti li nużaw il-​Kelma t’Alla taʼ spiss meta nippritkaw u ngħallmu. Wieħed ħu qal, “Kieku kont qed tipprietka minn dar għal dar maʼ Ġeħova, kont se titkellem int biss jew tħalli lilu wkoll jitkellem?” Meta naqraw mill-​Bibbja lil xi ħadd, inkunu qed inħallu lil Ġeħova jkellmu. Skrittura magħżula bis-​sens hi qawwija iktar minn kwalunkwe ħaġa li nistgħu ngħidu. (1 Tessalonikin 2:13) Meta tkun fil-​ministeru, tipprova taqra mill-​Bibbja spiss kemm jistaʼ jkun?

Meta naqraw mill-​Bibbja lil xi ħadd, inkunu qed inħallu lil Ġeħova jkellmu

8. Għaliex għandna bżonn nagħmlu iktar milli sempliċiment naqraw l-​iskritturi meta nippritkaw?

8 Madankollu, li naqraw vers mill-​Bibbja lil dawk li nkunu qed inkellmu mhuwiex biżżejjed. Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies ma jifhmuhiex il-​Bibbja. Dan kien minnu fl-​ewwel seklu, u hu minnu llum ukoll. (Rumani 10:2) M’għandniex nassumu li l-​inkwilin jifhem l-​iskrittura li naqrawlu. Aħna nistgħu ngħinuh billi nirripetu l-​kliem jew l-​ideat prinċipali tal-​vers u mbagħad nispjegaw xi jfissru. B’dal-​mod, il-​Kelma t’Alla tkun tistaʼ tilħaq qalb u moħħ in-​nies.—Aqra Luqa 24:32.

9. Kif nistgħu ngħinu lin-​nies jirrispettaw il-​Bibbja b’dak li ngħidu qabel ma naqraw skrittura? Agħti eżempju.

9 Ukoll, dak li ngħidu qabel ma naqraw skrittura jistaʼ jgħin lill-​inkwilin jirrispetta l-​Bibbja. Pereżempju, nistgħu ngħidu, “Ejja naraw x’jgħid il-​Ħallieq tagħna dwar dan is-​suġġett.” Jew jekk qed nitkellmu maʼ xi ħadd li mhuwiex Kristjan, nistgħu ngħidu, “Ejja naraw x’tgħidilna l-​Kitba Qaddisa.” Jekk niltaqgħu maʼ persuna li ma jimpurtahiex mir-​reliġjon, nistgħu nistaqsu, “Qatt smajtu dan il-​proverbju antik?” Jekk niftakru li kull persuna għandha l-​background u t-​twemmin tagħha, se nagħmlu kulma nistgħu biex l-​introduzzjoni tagħna tkun waħda li tolqot lil dak li jkun.—1 Korintin 9:22, 23.

10. (a) X’esperjenza kellu wieħed ħu? (b) Int kif rajt il-​qawwa tal-​Kelma t’Alla fil-​ministeru tiegħek?

10 Ħafna sabu li l-​użu tal-​Kelma t’Alla jistaʼ jkollu effett qawwi fuq in-​nies li nitkellmu magħhom fil-​ministeru. Pereżempju, wieħed ħu għamel żjara lura lil raġel xiħ li kien ilu jaqra r-​rivisti tagħna għal ħafna snin. Darba, minflok ma sempliċiment tah l-​aħħar rivista tat-​Torri tal-​Għassa, il-​ħu ddeċieda li jaqralu skrittura. Hu qara t-​2 Korintin 1:3, 4, li tgħid: “Il-​Missier taʼ kull ħniena tenera u l-​Alla taʼ kull faraġ . . . ifarraġna fit-​tribulazzjoni [jew, tbatija] kollha tagħna.” Dal-​kliem tant messlu qalbu lil dar-​raġel li talab lill-​ħu biex jerġaʼ jaqra l-​versi. Imbagħad ir-​raġel qal li hu u martu verament kellhom bżonn il-​faraġ. Minħabba din l-​iskrittura, hu ried ikun jaf iktar dwar il-​Bibbja. L-​użu tal-​Kelma t’Alla fil-​ministeru tagħna għandu qawwa kbira!—Atti 19:20.

META TGĦALLEM MILL-​PLATFORM

11. L-​aħwa rġiel li jgħallmu mill-​platform liema responsabbiltà għandhom?

11 Aħna nieħdu pjaċir nattendu l-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet tagħna. Ir-​raġuni prinċipali għala nattendu hi biex inqimu lil Ġeħova. Ukoll, aħna nibbenefikaw minn dak li nitgħallmu. Għal dir-​raġuni, l-​aħwa rġiel li jgħallmu mill-​platform għandhom privileġġ kbir u responsabbiltà serja. (Ġakbu 3:1) Huma għandhom jagħmlu ċert li t-​tagħlim tagħhom ikun ibbażat fuq il-​Kelma t’Alla. Jekk int għandek dan il-​privileġġ, kif tistaʼ tuża l-​qawwa tal-​Bibbja biex tilħaq qalb l-​udjenza tiegħek?

12. Wieħed li jagħti taħdita kif jistaʼ jagħmel ċert li din tkun ibbażata fuq l-​Iskrittura?

12 L-​Iskrittura trid tkun l-​iktar parti importanti taʼ kull taħdita. (Ġwanni 7:16) Allura oqgħod attent ħafna li l-​mod kif tagħti t-​taħdita u l-​esperjenzi jew l-​eżempji li tuża ma jnaqqsux mill-​attenzjoni li għandha tingħata lill-​Bibbja. Ukoll, ftakar illi li taqra mill-​Bibbja mhuwiex l-​istess bħal li tgħallem mill-​Bibbja. Fil-​fatt, jekk taqra skoss skritturi, il-​maġġoranza tan-​nies mhumiex se jiftakruhom. Allura agħżel b’attenzjoni l-​iskritturi li trid tuża. Imbagħad ħu l-​ħin biex taqra, tispjega, tagħti eżempji li għandhom x’jaqsmu mal-​vers, u tapplikahom sew fit-​taħdita. (Neħemija 8:8) Meta taħdita tkun ibbażata fuq outline, agħmel ċert li tistudja l-​outline u l-​iskritturi li fih. Ipprova ifhem x’konnessjoni hemm bejn l-​outline u l-​iskritturi. Imbagħad uża xi ftit minn dawn l-​iskritturi biex tgħallem il-​punti tal-​outline. (Tistaʼ ssib suġġerimenti tajbin fi studji 21 sa 23 tal-​ktieb Ibbenefika mill-​Edukazzjoni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku.) U l-​iktar importanti, itlob lil Ġeħova jgħinek biex taqsam il-​ħsibijiet prezzjużi tiegħu mill-​Bibbja m’oħrajn.—Aqra Esdra 7:10; Proverbji 3:13, 14.

13. (a) Waħda oħt kif ġiet affettwata minn skrittura li semgħet waqt laqgħa? (b) Il-​mod kif il-​Bibbja tintuża waqt il-​laqgħat tagħna kif affettwak?

13 Meta oħt fl-​Awstralja kienet għadha żgħira, ġrawlha ħafna affarijiet tal-​biżaʼ, u għalkemm iktar tard saret taf lil Ġeħova, hi xorta ma setgħetx temmen għalkollox li Ġeħova kien iħobbha. Waqt laqgħa, din l-​oħt semgħet skrittura li ħalliet effett kbir fuqha. Hi mmeditat fuq din l-​iskrittura u għamlet riċerka. Dan wassalha biex taqra versi oħra mill-​Bibbja. B’hekk ikkonvinċiet ruħha li Ġeħova kien iħobbha. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Int qatt smajt xi skrittura waqt laqgħa, assemblea, jew konvenzjoni li affettwatek b’dal-​mod?—Neħemija 8:12.

14. Kif nistgħu nuru li napprezzaw u nħobbu l-​Kelma taʼ Ġeħova?

14 Ma nħossuniex grati lejn Ġeħova għall-​Kelma miktuba tiegħu, il-​Bibbja? Hu wiegħed li din se tibqaʼ teżisti, u hu żamm il-​wegħda tiegħu. (1 Pietru 1:24, 25) Għalhekk irridu nagħmlu ċert li naqraw il-​Bibbja regolarment, napplikawha f’ħajjitna, u nużawha biex ngħinu lil oħrajn. Meta nagħmlu dan, aħna nuru li verament inħobbu u napprezzaw dan it-​teżor u, l-​iktar importanti, l-​Awtur tagħha, Alla Ġeħova.