Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 40

X’Jiġifieri li Vera Jkun Iddispjaċiek?

X’Jiġifieri li Vera Jkun Iddispjaċiek?

“Ma ġejtx insejjaħ lin-​nies sewwa imma lill-​midinbin għall-​indiema.”—LQ. 5:32.

GĦANJA 36 Ngħassu lil qalbna

ĦARSA BIL-​QUDDIEM a

1-2. X’kienet id-​differenza bejn Aħab u Manasse, u liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

 EJJA nikkunsidraw żewġ slaten li għexu ħafna snin ilu. Wieħed mexxa fuq l-​għaxar tribujiet taʼ Iżrael, u l-​ieħor fuq iż-​żewġ tribujiet taʼ Ġuda. Minkejja li għexu fi żmien differenti, huma għamlu ħafna affarijiet simili. Iż-​żewġ slaten irribellaw kontra Ġeħova, ġiegħlu lin-​nies tiegħu jagħmlu affarijiet ħżiena, taw qima l-​allat foloz, u qatlu lin-​nies. Però, xorta kien hemm xi ħaġa differenti bejniethom. Wieħed minnhom baqaʼ jagħmel affarijiet ħżiena sa ma miet, imma l-​ieħor vera ddispjaċieh għal dak li kien għamel u Ġeħova ħafirlu. Min kienu dawn iż-​żewġ slaten?

2 Dawn kienu Aħab, is-​sultan taʼ Iżrael, u Manasse, is-​sultan taʼ Ġuda. Id-​differenza taʼ bejniethom tistaʼ tgħallimna ħafna dwar l-​indiema vera, jew li xi ħadd vera jiddispjaċih għal dak li jagħmel. (Atti 17:30; Rum. 3:23) X’jiġifieri li vera jkun iddispjaċiek, u kif turi dan? Huwa importanti li nkunu nafu għaliex aħna rridu li Ġeħova jaħfrilna meta nagħmlu dnub. Biex insibu t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet, se neżaminaw il-​ħajja taʼ dawn iż-​żewġ slaten u naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tagħhom. Imbagħad se nikkunsidraw x’għallem Ġesù dwar l-​indiema.

X’NISTGĦU NITGĦALLMU MILL-​EŻEMPJU TAS-​SULTAN AĦAB

3. Aħab x’tip taʼ sultan kien?

3 Aħab kien is-​sebaʼ sultan li kellhom l-​għaxar tribujiet taʼ Iżrael. Hu żżewweġ lil Ġeżabel, it-​tifla tas-​sultan taʼ Sidon, li kienet belt sinjura. Minħabba li Aħab iżżewweġ lil Ġeżabel, l-​Iżraelin kellhom ħafna opportunitajiet biex isiru sinjuri. Imma dan iż-​żwieġ ġiegħel ukoll lill-​Iżraelin biex jagħmlu affarijiet li jobgħod Ġeħova. Bagħal kien l-​alla taʼ Ġeżabel, u hi ġiegħlet lil Aħab biex idaħħal din il-​qima falza, li kienet tinkludi prostituzzjoni fit-​tempju u anki sagrifiċċji tat-​tfal. Meta Ġeżabel kienet reġina, il-​profeti kollha taʼ Ġeħova kienu fil-​periklu. Hi qatlet lil ħafna minnhom. (1 Slat. 18:13) L-​Iskrittura tgħid: “F’għajnejn Ġeħova, Aħab . . . għamel agħar minn dawk kollha taʼ qablu.” (1 Slat. 16:30) Ġeħova kien qed jara dak kollu li kienu qegħdin jagħmlu Aħab u Ġeżabel. Imma Ġeħova wera ħniena magħhom u man-​nies billi bagħat lill-​profeta Elija biex jgħinhom jinbidlu u jibdew iqimu Lilu qabel ikun tard wisq. Imma Aħab u Ġeżabel ma tawx kas.

4. Ġeħova kif kien se jikkastiga lil Aħab, u Aħab x’għamel?

4 Fl-​aħħar, Ġeħova ddeċieda li kien il-​waqt biex jaġixxi. Ġeħova bagħat lill-​profeta Elija biex jgħid lil Aħab u lil Ġeżabel kif kien se jikkastigahom. Il-​familja kollha tagħhom kienet se tiġi maqtula. Dan il-​kliem lil Aħab laqtu fil-​laħam il-​ħaj! B’mod mhux mistenni, dan ir-​raġel arroganti “umilja ruħu.”—1 Slat. 21:19-​29.

5-6. Kif nafu li Aħab mhux vera ddispjaċieh għal dak li għamel?

5 Minkejja li għall-​ewwel Aħab wera li ddispjaċieh, dak li għamel wara wera li ma kienx vera ddispjaċieh. Hu ma pprovax iwaqqaf lin-​nies milli jqimu lil Bagħal u ma inkuraġġihomx biex iqimu lil Ġeħova. Barra minn hekk, għamel affarijiet oħrajn li wera li mhux vera ddispjaċieh.

6 Iktar tard, Aħab talab lis-​sultan taʼ Ġuda, Ġeħosafat, biex jingħaqad miegħu fi gwerra kontra s-​Sirjani. Is-​Sultan Ġeħosafat kien sultan tajjeb u kien jafda f’Ġeħova. Hu qal lil Aħab biex jistaqsu lill-​profeta taʼ Ġeħova x’għandhom jagħmlu qabel imorru għall-​gwerra. Imma Aħab ma riedx jagħmel hekk. Hu qal: “Għad fadal raġel wieħed li permezz tiegħu nistgħu nistaqsu lil Ġeħova; imma jien nobogħdu, għax hu ma jipprofetizzax affarijiet tajbin dwari imma ħżiena.” Għalkemm ma riedx, huma tkellmu mal-​profeta Mikaja. Aħab kellu raġun għax il-​profeta t’Alla bassar affarijiet ħżiena dwaru. Minflok ma ddispjaċieh u talab maħfra lil Ġeħova, Aħab tefaʼ lill-​profeta fil-​ħabs. (1 Slat. 22:7-​9, 23, 27) Għalkemm Aħab tefaʼ lil Mikaja fil-​ħabs, hu ma setax iwaqqaf lil Ġeħova milli jagħmel dak li qal. Fil-​fatt, Aħab ġie maqtul fil-​gwerra.—1 Slat. 22:34-​38.

7. Wara li Aħab miet, Ġeħova x’qal dwaru?

7 Wara li Aħab miet, Ġeħova qal x’kien jaħseb dwar dan ir-​raġel. Meta s-​Sultan Ġeħosafat mar lura pajjiżu, Ġeħova bagħat lill-​profeta Ġeħu biex jgħidlu li m’għamilx sew li għen lil Aħab. Ġeħu qal lil Ġeħosafat: “Għandha l-​għajnuna tingħata lil dawk mill-​agħar, u għandek int tħobb lil dawk li jobogħdu lil Ġeħova?” (2 Kron. 19:1, 2) Issa aħseb ftit: Kieku Aħab vera ddispjaċieh għal dak li għamel, il-​profeta Ġeħu ma kienx se jgħid li kien raġel mill-​agħar u li jobgħod lil Ġeħova. Mela nistgħu naraw li minkejja li sa ċertu punt Aħab wera li ddispjaċieh, hu ma kienx vera ddispjaċieh għal dak li kien għamel.

8. L-​eżempju taʼ Aħab x’jurina li rridu nagħmlu biex nuru li vera ddispjaċiena?

8 X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Aħab? Meta Elija qal lil Aħab li l-​familja tiegħu se tkun ikkastigata, għall-​ewwel wera umiltà. Dan kien pass importanti. Imma b’dak li għamel wara, wera li ma kienx vera ddispjaċieh. Mela biex nuru li vera ddispjaċiena, mhux sempliċiment nammettu li għamilna xi ħaġa ħażina. Issa se nikkunsidraw eżempju ieħor li se jgħinna nifhmu x’jiġifieri li vera jiddispjaċina.

X’NISTGĦU NITGĦALLMU MILL-​EŻEMPJU TAS-​SULTAN MANASSE

9. X’tip taʼ sultan kien Manasse?

9 Madwar mitejn sena wara, Manasse sar is-​sultan taʼ Ġuda. Id-​dnubiet li għamel hu jistaʼ jkun li kienu ikbar minn dawk li għamel Aħab! Il-​Bibbja tgħid: “Għamel kemm felaħ dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, biex joffendih.” (2 Kron. 33:1-​9) Manasse bena artali lil allat foloz u għamel xbieha taʼ arblu sagru fit-​tempju taʼ Ġeħova! X’aktarx li dan l-​arblu sagru kien jirrappreżenta lill-​alla tal-​fertilità. Hu pprattika l-​maġija u t-​teħbir u s-​seħer u “xerred ukoll kwantità kbira wisq taʼ demm innoċenti.” Uħud minn dawk li qatel kienu t-​tfal tiegħu, billi offriehom bħala sagrifiċċju lil allat foloz.—2 Slat. 21:6, 7, 10, 11, 16.

10. Ġeħova kif iddixxiplina lil Manasse, u Manasse x’għamel?

10 Bħal Aħab, Manasse m’aċċettax il-​parir mingħand il-​profeta taʼ Ġeħova. Għalhekk, “Ġeħova ġab kontra [Ġuda] il-​kapijiet taʼ l-​armata tas-​sultan taʼ l-​Assirja, u għalhekk qabdu lil Manasse qalb il-​ħofor tal-​blat u rabtuh b’żewġ ktajjen tar-​ram aħmar u ħaduh Babilonja.” Milli jidher, meta Manasse kien qiegħed fil-​ħabs f’Babilonja, ħaseb sew dwar dak li kien għamel. Hu “baqaʼ jumilja ruħu ħafna minħabba l-​Alla taʼ missirijietu.” Hu għamel iktar minn hekk. Manasse pprova jtaffi l-​korla taʼ Ġeħova. Fil-​fatt, hu “baqaʼ jitolbu.” Dan ir-​raġel li tant kien ħażin beda jinbidel. Hu beda jqis lil Ġeħova bħala “Alla tiegħu” u baqaʼ jitolbu.—2 Kron. 33:10-​13.

11. Skont it-​2 Kronaki 33:15, 16, Manasse kif wera li vera ddispjaċieh għal dak li għamel?

11 Maż-​żmien, Ġeħova wieġeb it-​talb taʼ Manasse. Ġeħova setaʼ jara li Manasse kien inbidel vera minn dak li qal fit-​talb tiegħu. Għalhekk, Ġeħova wieġeb it-​talb tiegħu u ħafirlu, u ħallieh jerġaʼ jsir sultan. Manasse għamel dak kollu li setaʼ biex juri li hu vera ddispjaċieh għal dak li għamel—xi ħaġa li Aħab qatt m’għamel. Manasse biddel il-​mod taʼ kif kien qed jgħix ħajtu, neħħa l-​allat foloz, u ħeġġeġ lin-​nies biex iqimu lil Ġeħova. (Aqra t-2 Kronaki 33:15, 16.) Manasse kellu bżonn il-​kuraġġ u l-​fidi biex jagħmel dan, għax għal ħafna snin hu kien t’eżempju ħażin għall-​familja, il-​kbarat, u n-​nies tiegħu. Imma meta Manasse xjaħ, hu pprova jirranġa xi problemi li kien ġab b’idejh. X’aktarx, hu kien taʼ eżempju mill-​aqwa għan-​neputi tiegħu Ġosija, li iktar tard sar sultan tajjeb ħafna.—2 Slat. 22:1, 2.

12. L-​eżempju taʼ Manasse x’jurina li rridu nagħmlu biex nuru li vera jiddispjaċina?

12 X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Manasse? Hu mhux biss ammetta dak li kien għamel, imma minn qalbu talab lil Ġeħova biex jaħfirlu. Barra minn hekk, hu biddel il-​mod taʼ ħajja li kien qed jgħix. Manasse ħadem iebes biex jirranġa l-​problemi li ġab b’idejh. Hu għamel l-​almu tiegħu biex jaqdi lil Ġeħova u għen lil oħrajn biex jagħmlu bħalu. L-​eżempju taʼ Manasse jgħin lil dawk li llum il-​ġurnata għamlu affarijiet ħżiena ħafna. L-​esperjenza tiegħu turina li ‘Ġeħova hu tajjeb u lest li jaħfer.’ (Salm 86:5) Ġeħova jaħfer lil dawk li vera jiddispjaċihom.

13. Huwa biżżejjed li persuna jiddispjaċiha għad-​dnub li tkun għamlet? Agħti eżempju.

13 Manasse mhux biss ammetta d-​dnubiet li kien għamel. Dan jgħallimna lezzjoni importanti dwar kif xi ħadd juri li vera ddispjaċieh għal dak li jkun għamel. Ejja nġibu eżempju: Immaġina li mort f’ħanut biex tixtri kejk. Imma minflok kejk, tal-​ħanut jagħtik borża dqiq. Inti se tkun kuntent bid-​dqiq? Le! U jekk tal-​ħanut jgħidlek li bid-​dqiq tistaʼ tagħmel il-​kejk, se tkun sodisfatt? Bla dubju li le! Bl-​istess mod, Ġeħova jrid li meta persuna tagħmel dnub, għandha vera jiddispjaċiha għal dak li tkun għamlet. Li persuna jiddispjaċiha għad-​dnub li tkun għamlet, huwa tajjeb. Dan is-​sentiment huma importanti, imma mhumiex biżżejjed, bħalma d-​dqiq mhuwiex biżżejjed biex ikollok kejk. Allura, min vera jiddispjaċih, jiġifieri, jindem mid-​dnub li jkun għamel, xi jrid jagħmel iktar? Nistgħu nitgħallmu xi rridu nagħmlu mill-​istorja li qal Ġesù.

KIF TKUN TAF LI XI ĦADD VERA DDISPJAĊIEH?

14. Fl-​istorja li qal Ġesù, l-​iben il-​ħali kif beda juri li ddispjaċieh?

14 Ġesù qal storja vera inkuraġġanti dwar l-​iben il-​ħali li nsibuha f’​Luqa 15:11-​32. It-​tifel ħadha kontra missieru, telaq mid-​dar, u siefer “lejn pajjiż imbiegħed.” Hemmhekk, hu għex ħajja sfrattata. Meta l-​ħajja saret diffiċli ħafna għalih, beda jaħseb dwar id-​deċiżjonijiet ħżiena li kien ħa. Hu rrealizza kemm ħajtu kienet aħjar meta kien jgħix maʼ missieru. Fi kliem ieħor, Ġesù qal li “ġie f’sensih.” Hu ddeċieda li jerġaʼ jmur lura d-​dar u jitlob maħfra lil missieru. Kien importanti li hu jinduna bid-​deċiżjonijiet ħżiena li kien ħa, imma dan ma kienx biżżejjed. Hu kellu bżonn jibdel il-​mod taʼ kif kien qed jgħix ħajtu.

15. L-​iben il-​ħali kif wera li vera ddispjaċieh għal dak li għamel?

15 L-​iben il-​ħali wera li vera ddispjaċieh għal dak li kien għamel. Hu għamel vjaġġ twil biex imur lura d-​dar. Imbagħad meta tkellem maʼ missieru, hu qal: “Jien dnibt kontra s-​sema u kontrik. M’għadux jistħoqqli li nissejjaħ ibnek.” (Lq. 15:21) B’dak li qal, it-​tifel wera li hu ried jirranġa l-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. Hu nduna wkoll li b’dak li għamel weġġaʼ lil missieru. Għalhekk, kien lest biex jaħdem iebes ħalli jikseb ir-​rispett tiegħu. Biex jagħmel dan, hu kien lest li jkun bħal wieħed mil-​lavranti taʼ missieru! (Lq. 15:19) Din l-​istorja mhux biss hija inkuraġġanti imma wkoll il-​prinċipji li nsibu fiha jistgħu jgħinu lill-​anzjani. Tistaʼ tgħinhom jaraw jekk xi ħadd li għamel dnub serju hux vera ddispjaċieh għal dak li għamel.

16. Għala jistaʼ jkun diffiċli għall-​anzjani biex ikunu jafu jekk persuna hux vera ddispjaċieha għal dak li għamlet?

16 Mhux faċli għall-​anzjani biex ikunu jafu jekk xi ħadd li għamel dnub serju hux vera ddispjaċieh għal dak li jkun għamel. Għala? Għax l-​anzjani ma jistgħux jaraw x’hemm fil-​qalb. Allura huma jipprovaw jaraw affarijiet li juru li l-​persuna vera saret tobgħod dak li tkun għamlet. Xi kultant, minħabba li persuna tkun għamlet dnub serju ħafna u bla mistħija, l-​anzjani li jitkellmu magħha jaf ma jkunux konvinti li hi vera ddispjaċieha għal dak li għamlet.

17. (a) Meta persuna tammetti d-​dnub li tkun għamlet, dejjem ikun vera ddispjaċieha? Agħti eżempju. (b) Skont it-​2 Korintin 7:11, persuna kif turi li vera jkun iddispjaċieha?

17 Ikkunsidra dan l-​eżempju. Ħu jagħmel adulterju għal ħafna drabi u għal tul taʼ snin. Minflok ma jitlob għall-​għajnuna, hu jaħbi dak li jkun qed jagħmel lill-​mara, lill-​aħwa, u lill-​anzjani. Imma mbagħad, l-​anzjani jsiru jafu b’dak li jkun qed jagħmel. Meta l-​anzjani jgħidulu li għandhom il-​provi li hu għamel adulterju, hu jammetti u anki juri li ddispjaċieh. Imma dan biżżejjed? Le. L-​anzjani jridu jaraw iktar minn hekk. Il-​ħu m’għamilx dnub darba għax ħa deċiżjoni ħażina. Hu baqaʼ jagħmel id-​dnub għal ħafna drabi u għal ħafna snin. U ma marx jitkellem minn jeddu mal-​anzjani, imma nqabad. Għalhekk, l-​anzjani jridu jaraw li hu vera qed jinbidel fil-​mod kif jaħseb, iħossu, u jaġixxi. (Aqra t-2 Korintin 7:11.) Jistaʼ jkun li jieħu ħafna żmien biex il-​ħu jagħmel il-​bidliet u juri li vera ddispjaċieh. X’aktarx li jkollu jiġi maqtugħ mis-​sħubija għal perjodu taʼ żmien.—1 Kor. 5:11-​13; 6:9, 10.

18. Persuna maqtugħa mis-​sħubija kif turi li vera ddispjaċieha, u x’se jkun ir-​riżultat?

18 Biex persuna li ġiet maqtugħa mis-​sħubija turi li vera ddispjaċieha, għandha tibda tattendi l-​laqgħat b’mod regulari u tapplika l-​pariri tal-​anzjani biex titlob u tistudja l-​Bibbja b’mod regulari. Għandha taħdem iebes biex tevita l-​affarijiet li jistgħu jerġgħu jġegħluha tagħmel id-​dnub. Jekk hi taħdem iebes biex tirranġa l-​ħbiberija tagħha maʼ Ġeħova, tistaʼ tkun ċerta li Ġeħova se jaħfrilha dak kollu li għamlet u li l-​anzjani se jgħinuha terġaʼ tkun parti mill-​kongregazzjoni. Meta l-​anzjani jibdew jipprovaw jaraw hux vera l-​persuna ddispjaċieha għal dak li għamlet, huma jiftakru li kull każ hu differenti. Għalhekk, huma jeżaminaw kull każ sewwa u joqogħdu attenti li ma jiġġudikawx bl-​aħrax.

19. Persuna kif turi li vera ddispjaċieha? (Eżekjel 33:14-​16)

19 Kif tgħallimna, mhux biżżejjed li persuna tgħid li ddispjaċieha għad-​dnub li tkun għamlet biex tkun vera nidmet. Hi trid tbiddel il-​mod kif taħseb u tħossha, u tagħmel affarijiet biex turi li vera ddispjaċieha. Hi m’għandhiex tibqaʼ tagħmel dak il-​ħażin li kienet qed tagħmel, imma għandha tibda tobdi l-​livelli taʼ Ġeħova. (Aqra Eżekjel 33:14-​16.) L-​iktar ħaġa importanti għal din il-​persuna hi li tirranġa l-​ħbiberija tagħha maʼ Ġeħova.

GĦIN LIL DAWK LI GĦAMLU DNUB ĦALLI JDURU LEJN ĠEĦOVA

20-21. Kif nistgħu ngħinu lil xi ħadd li jkun għamel dnub serju?

20 Ġesù semma parti mix-​xogħol importanti li kellu jagħmel: “Ma ġejtx insejjaħ lin-​nies sewwa imma lill-​midinbin għall-​indiema.” (Lq. 5:32) Din għandha tkun ix-​xewqa tagħna wkoll. Allura xi rridu nagħmlu jekk ħabib tal-​qalb tagħna jagħmel dnub serju?

21 Jekk nipprovaw naħbu d-​dnub tal-​ħabib tagħna, inkunu qegħdin nagħmlulu l-​ħsara u mhux ngħinuh. U dan se jkun għalxejn għaliex Ġeħova qed jara kollox. (Prov. 5:21, 22; 28:13) Int tistaʼ tgħinu billi tgħidlu li l-​anzjani qegħdin hemm biex jgħinuh. Jekk il-​ħabib tiegħek ma jaċċettax li jitkellem mal-​anzjani, inti għandek tmur tgħidilhom. B’hekk turi li inti vera trid tgħinu. Dan huwa importanti ħafna għax jekk ma jiħux l-​għajnuna li l-​anzjani jistgħu jagħtuh u ma jiddispjaċihx, jistaʼ jitlef il-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova.

22. X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

22 Imma xi ngħidu jekk ħu jew oħt tkun għamlet dnub serju għal tul taʼ żmien u l-​anzjani jiddeċiedu li għandha tiġi maqtugħa mis-​sħubija? Ifisser li l-​anzjani ma wrewx ħniena magħha? Fl-​artiklu li jmiss se niddiskutu kif Ġeħova juri ħniena meta jiddixxiplina lil dawk li jkunu għamlu dnub u kif aħna nistgħu nimitawh.

GĦANJA 103 Ir-​ragħajja—Irġiel bħala għotjiet

a Li vera jiddispjaċik jinvolvi iktar milli tammetti li tkun għamilt dnub. Dan l-​artiklu se jgħinna nifhmu xi jfisser eżatt meta wieħed vera jiddispjaċih. Se jiddiskuti l-​eżempji tas-​Sultan Aħab, is-​Sultan Manasse, u l-​istorja tal-​iben il-​ħali li semma Ġesù. Se jiddiskuti wkoll x’għandhom jagħmlu l-​anzjani biex ikunu jafu jekk ħu jew oħt iddispjaċihiex vera għad-​dnub serju li tkun għamlet.

b X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Is-​Sultan Aħab irrabjat u jgħid lill-​gwardjani biex jitfgħu lil Mikaja fil-​ħabs.

c X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Is-​Sultan Manasse jġiegħel lill-​ħaddiema biex ikissru l-​idoli li kien għamel fit-​tempju.

d X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: L-​iben il-​ħali, li hu għajjien ħafna wara vjaġġ twil li għamel, jieħu r-​ruħ għax jara d-​dar taʼ missieru mill-​bogħod.