Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Ġeħova bierek bil-kbir id-deċiżjoni tiegħi

Ġeħova bierek bil-kbir id-deċiżjoni tiegħi

Kienet is-​sena 1939. Qomna f’nofs taʼ lejl u soqna għal iktar minn siegħa lejn il-​belt żgħira taʼ Joplin, fil-​Lbiċ taʼ Missouri, l-​Istati Uniti. Hemm, bil-​kwiet bdejna nitfgħu fuljetti minn taħt il-​bibien f’kull dar. Hekk kif lestejna, irkibna fil-​karozza u morna niltaqgħu mal-​gruppi l-​oħrajn. Issa kien kmieni filgħodu. Imma nistħajjilkom tgħidu, għala konna ħriġna fil-​ministeru qabel ma sebaħ u tlaqna daqshekk malajr minn dak it-​territorju? Ngħidilkom iktar tard.

TWELIDT fl-​1934. Il-​ġenituri tiegħi, Fred u Edna Molohan, kienu diġà ilhom 20 sena Studenti tal-​Bibbja (Xhieda taʼ Ġeħova). Jiena grat ħafna li għallmuni nħobb lil Ġeħova. Konna ngħixu f’Parsons, raħal żgħir fix-​Xlokk taʼ Kansas. L-​aħwa fil-​kongregazzjoni tagħna kważi kollha kienu mill-​midlukin. Bħala familja konna regolari fil-​laqgħat u fil-​ministeru. Is-​Sibt waranofsinhar, normalment konna nagħmlu xogħol fit-​toroq, dak li llum jissejjaħ pritkar f’postijiet pubbliċi. Kultant konna negħjew, imma missieri dejjem kien jiħodna għal ġelat xħin nispiċċaw.

Il-​kongregazzjoni żgħira tagħna kellha territorju kbir b’diversi rħula żgħar u ħafna rziezet. Minflok ma kienu jagħtuna flus għal-​letteratura, xi bdiewa kienu jagħtuna ħaxix minn tagħhom, bajd frisk (dritt minn ġol-​bejta), jew anki tiġieġ ħajjin. Missieri kien ikun diġà ta kontribuzzjonijiet għal-​letteratura, allura kien juża dan l-​ikel biex jitmagħna.

KAMPANJI TAL-​IPPRITKAR

Il-​ġenituri tiegħi kellhom fonografu biex jużawh fl-​ippritkar. Jien kont żgħir wisq biex nużah, imma kont nieħu pjaċir ngħin lil missieri u ommi biex idoqqu r-​rekordings tat-​taħditiet taʼ Ħuna Rutherford fiż-​żjajjar lura u l-​istudji tal-​Bibbja.

Maʼ missieri u ommi quddiem il-karozza tagħna bl-ispiker

Mas-​saqaf tal-​karozza tagħna, li kienet Ford tal-​1936, missieri kien waħħal speaker kbir. Din il-​karozza kienet eċċellenti għas-​service. Normalment, l-​ewwel konna ndoqqu ftit mużika biex niġbdu l-​attenzjoni tan-​nies, u mbagħad insemmgħulhom taħdita mill-​Bibbja. Wara, lin-​nies interessati konna noffrulhom il-​letteratura.

Fir-​raħal żgħir taʼ Cherryvale, Kansas, kien hemm park fejn nhar taʼ Ħadd in-​nies kienu jmorru jirrilassaw. Missieri kien mar hemm bil-​karozza tas-​sawnd. Imma, ġew il-​pulizija u qalulu li ma jistax jidħol bil-​karozza, allura missieri ħareġ u mar ġot-​triq taʼ ħdejn il-​park biex in-​nies xorta jkunu jistgħu jisimgħu. Dejjem kien eċċitanti li nkun maʼ missieri u ħija l-​kbir, Jerry, f’dawn l-​okkażjonijiet.

Dak iż-​żmien, konna nagħmlu kampanji speċjali f’territorji fejn in-​nies kienu jopponu ħafna. Kif semmejt fil-​bidu, konna nqumu f’nofs taʼ lejl u bil-​kwiet konna nitfgħu fuljetti jew kotba żgħar minn taħt il-​bibien. Wara, konna niltaqgħu kollha f’post barra l-​belt biex naraw jekk il-​pulizija kinux arrestaw lil xi ħadd.

Ħaġa oħra eċċitanti fil-​ministeru kienet dawk li konna nsejħulhom mixjiet taʼ informazzjoni. Konna nilbsu kartelluni kbar u nimxu fit-​toroq taʼ xi belt. Niftakar darba l-​aħwa kienu ġew fir-​raħal tagħna u mxew bil-​kartelluni, li fuqhom kellhom miktub “Religion Is a Snare and a Racket” (Ir-​reliġjon hija nasba u ingann). Kienu bdew mid-​dar tagħna, imxew kilometru u nofs fit-​toroq tar-​raħal, u reġgħu ġew lura d-​dar. B’ferħ, ħadd ma kien waqqafhom, imma ħafna nies kienu kurjużi dwar dak li kien qed jiġri.

KONVENZJONIJIET TAʼ TFULITI

Bħala familja spiss konna nivvjaġġaw lejn Texas għall-​konvenzjonijiet. Missieri kien jaħdem maʼ kumpanija tal-​ferroviji, allura stajna nivvjaġġaw b’xejn għall-​konvenzjonijiet u biex inżuru lill-​qraba. Ħu ommi, Fred Wismar, u l-​mara tiegħu, Eulalie, kienu jgħixu Temple, Texas. Xi żmien wara s-​sena 1900, iz-​ziju tiegħi Fred, kien tgħallem il-​verità meta kien żagħżugħ, tgħammed, u qal lil ħutu iżgħar minnu, inkluż lil ommi, dwar dak li kien tgħallem. L-​aħwa fiċ-​ċentru taʼ Texas kienu jafuh sew liz-​ziju Fred għax hu kien qaddej taż-​żona (issa jissejjaħ l-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet). Hu kien qalbu tajba, ferrieħi, żeluż, u kien taʼ eżempju tajjeb ħafna għalija.

Fl-​1941, ivvjaġġajna bil-​ferrovija lejn St. Louis, Missouri, għal konvenzjoni kbira. It-​tfal kollha kienu ġew mistidnin biex ipoġġu flimkien ħdejn il-​platform biex jisimgħu t-​taħdita taʼ Ħuna Rutherford, “Children of the King.” Fl-​aħħar tat-​taħdita, it-​tfal kollha, iktar minn ħmistax-​il elf, ħadna sorpriża kbira. Ħuna Rutherford u l-​assistenti tiegħu taw lil kull wieħed minna l-​ktieb ġdid jismu Children.

F’April tal-​1943, attendejna l-​assemblea bit-​titlu “Call to Action” f’Coffeyville, Kansas. Hemm, smajna l-​aħbar li l-​kongregazzjonijiet kollha kien se jkollhom skola ġdida, l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. Ukoll, irċivejna ktejjeb li kien fih 52 lezzjoni li konna se nużaw f’din l-​iskola. Iktar tard f’dik is-​sena, tajt l-​ewwel taħdita tiegħi. Din kienet assemblea speċjali għalija, għax flimkien maʼ xi aħwa oħra tgħammidt f’razzett fil-​qrib, ġo għadira b’ilma kiesaħ.

RIDT NAQDI F’BETEL

Spiċċajt l-​iskola sekondarja fl-​1951, u għalhekk kelli niddeċiedi x’kont se nagħmel f’ħajti. Ħija Jerry kien qeda Betel. Jien vera kont xtaqt immur ukoll, allura applikajt. Ftit wara, ġejt mistieden Betel u bdejt naqdi hemm fl-​10 taʼ Marzu 1952. Din kienet deċiżjoni tajba ħafna li għenitni naqdi lil Alla iktar bis-​sħiħ.

Kont xtaqt naħdem fl-​istamperija biex ngħin f’li nipproduċu r-​rivisti u pubblikazzjonijiet oħra. Imma qatt ma kelli ċ-​ċans nagħmel dan. Minflok, kont assenjat biex naħdem bħala waiter u iktar tard fil-​kċina. Kont nieħu gost nagħmel dax-​xogħol u tgħallimt ħafna. Konna naħdmu bix-​shifts, u għalhekk kien ikolli ftit ħin liberu matul il-​ġurnata. Spiss kont immur il-​librerija taʼ Betel u nuża l-​ħafna kotba li kien hemm biex nagħmel studju personali. Dan għenni nsaħħaħ il-​fidi u l-​ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova. Kont sirt iktar determinat li naqdi lil Ġeħova f’Betel għal kemm jistaʼ jkun żmien. Jerry kien telaq minn Betel fl-​1949 u żżewweġ lil Patricia, imma kienu joqogħdu viċin fi Brooklyn u kienu jgħinuni u jinkuraġġuni waqt li kont għadni ġdid f’Betel.

Ftit wara li dħalt Betel, l-​aħwa kienu bdew ifittxu għal Beteliti li setgħu jiżdiedu mal-​lista taʼ kelliema minn Betel. L-​aħwa rġiel li jintgħażlu għal din il-​lista kienu jżuru l-​kongregazzjonijiet sa 320 kilometru ’l barra minn Brooklyn. Hemm, kienu jagħtu taħdita u jaħdmu mal-​aħwa tal-​kongregazzjoni fil-​ministeru. Jien kont wieħed minn dawk li ġew magħżulin. Xi ftit imbeżżaʼ, bdejt nagħmel dawn iż-​żjajjar u nagħti taħditiet pubbliċi. Dak iż-​żmien taħdita kienet iddum siegħa. Normalment, kont nivvjaġġa bil-​ferrovija. Niftakar sew darba waħda, il-​Ħadd waranofsinhar, fix-​xitwa tal-​1954, meta kont fuq il-​ferrovija sejjer lura New York. Kelli nasal Betel bejn il-​5 u s-​7 taʼ filgħaxija. Imma jien u sejjer lura, kien hemm maltempata b’riħ qawwi u borra. Il-​magni tal-​ferrovija li kienu jaħdmu bl-​elettriku waqfu, u wasalt lura New York City it-​Tnejn fil-​ħamsa taʼ filgħodu. Qbadt il-​ferrovija taʼ taħt l-​art għal Brooklyn u bqajt sejjer dritt għax-​xogħol fil-​kċina. Kont xi ftit tard u għajjien ħafna minħabba li ma rqadt xejn mal-​lejl. Imma kont ferħan li għent lill-​kongregazzjonijiet u ltqajt maʼ ħafna aħwa ġodda. Dan kien aqwa minn kull sagrifiċċju li għamilt.

Nippreparaw għax-xandir mill-istudjow tad-WBBR

Fl-​ewwel snin tiegħi f’Betel, kont bdejt ukoll nieħu sehem fil-​programm taʼ studju tal-​Bibbja li kien jixxandar kull ġimgħa fuq l-​istazzjon tar-​radju tagħna, id-​WBBR. L-​istudjows kienu fit-​tieni sular tal-​binja f’124 Columbia Heights. Ħuna Alexander H. Macmillan, li kien ilu jaqdi Betel għal ħafna snin, kien jieħu sehem regolari f’dawn il-​programmi. Konna nsejħulu Ħuna Mac. Hu kien taʼ eżempju kbir għalina ż-​żgħażagħ f’Betel għax kien baqaʼ leali minkejja l-​ħafna problemi li kellu.

Konna nużaw dawn l-inviti biex nirriklamaw id-WBBR

Fl-​1958, ingħatajt inkarigu ġdid u bdejt naħdem mill-​qrib mal-​gradwati tal-​Iskola taʼ Gilegħad. Kont ngħin lil dawn l-​aħwa żelużi jġibu l-​viża, u kont nagħmel l-​arranġamenti tal-​ivvjaġġar tagħhom. Dak iż-​żmien kien għoli ħafna biex tivvjaġġa bl-​ajruplan, allura l-​maġġorparti mill-​gradwati li marru l-​Afrika jew l-​Asja kienu jmorru bil-​vapuri tal-​merkanzija. Snin wara, meta l-​prezzijiet tat-​titjiriet roħsu, il-​biċċa l-​kbira tal-​missjunarji kienu jivvjaġġaw lejn l-​inkarigu tagħhom bl-​ajruplan.

Inlesti d-diplomi taʼ Gilegħad qabel il-programm tal-gradwazzjoni

VJAĠĠI GĦALL-​KONVENZJONIJIET

Fl-​1960, organizzajt il-​kiri tat-​titjiriet li kienu għall-​aħwa biss, mill-​Istati Uniti għall-​Ewropa, biex jattendu l-​konvenzjonijiet internazzjonali tal-​1961. Waħda mill-​konvenzjonijiet li attendejt kienet f’Ħamburg, il-​Ġermanja. Wara l-​konvenzjoni, jien u tliet aħwa rġiel oħra minn Betel krejna karozza u soqna mill-​Ġermanja għall-​Italja u żorna l-​fergħa f’Ruma. Minn hemm, morna Franza, għaddejna mill-​Muntanji Pirinej, u dħalna Spanja, fejn ix-​xogħol tagħna kien projbit. Kien irnexxielna nagħtu lill-​aħwa f’Barċellona xi ftit pubblikazzjonijiet, li konna kebbibniehom b’tali mod biex jidhru li kienu rigali. Kien veru sabiħ li ltqajna magħhom! Minn hemm, soqna għal Amsterdam u mbagħad qbadna ajruplan lura għal New York.

Fl-​1962, kont inkarigat biex nagħmel l-​arranġamenti tal-​ivvjaġġar għall-​583 ħu u oħt li kienu se jattendu s-​serje speċjali taʼ konvenzjonijiet internazzjonali madwar id-​dinja. Din kienet l-​assemblea tal-​1963, “Everlasting Good News.” Id-​delegati kienu se jattendu konvenzjonijiet fl-​Ewropa, fl-​Asja, u fil-​Paċifiku tan-​Nofsinhar u mbagħad kienu se jmorru Ħonolulu, fil-​Ħawajj, u fl-​aħħar Pasadena, f’Kalifornja. Kienu se jżuru wkoll il-​Libanu u l-​Ġordan għal turs speċjali taʼ artijiet li jissemmew fil-​Bibbja. Id-​dipartiment tagħna rranġa t-​titjiriet, il-​lukandi, u l-​viżi kollha li kien hemm bżonn.

SIEĦBA ĠDIDA FL-​IVVJAĠĠAR

Għandi raġuni oħra għala s-​sena 1963 kienet importanti ħafna għalija. Fid-​29 taʼ Ġunju, iżżewwiġt lil Lila Rogers minn Missouri, li kienet daħlet Betel fl-​1960. Ġimgħa wara li żżewwiġna, jien u hi morna t-​tur tas-​serje speċjali taʼ konvenzjonijiet madwar id-​dinja u żorna l-​Greċja, l-​Eġittu, u l-​Libanu. Minn hemm, ħadna titjira qasira għall-​Ġordan. Però, ix-​xogħol tagħna hemm kien projbit, u minħabba f’hekk l-​awtoritajiet ma ħarġux viżi għax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Allura ma konniex ċerti x’ħa jiġri meta naslu. Immaġina ftit kemm fraħna u x’sorpriża ħadna meta wasalna u rajna lill-​aħwa fl-​ajruport b’kartellun kbir f’idejhom bil-​kliem “Merħba lix-​Xhieda taʼ Ġeħova”! Kienet xi ħaġa vera mill-​isbaħ li nżuru l-​artijiet li jissemmew fil-​Bibbja u naraw il-​postijiet fejn Abraham, Iżakk, u Ġakobb għexu, fejn Ġesù u l-​appostli ppritkaw, u fejn il-​Kristjanità bdiet tinxtered “sa tarf l-​art.”—Atti 13:47.

Għal 55 sena, Lila kienet is-​sieħba leali tiegħi fl-​inkarigi kollha tagħna. Flimkien żorna Spanja u l-​Portugall diversi drabi meta x-​xogħol tagħna hemm kien projbit. Stajna ninkuraġġixxu lill-​aħwa u nieħdu letteratura u affarijiet oħra li kellhom bżonn. Kellna l-​opportunità li nżuru lil ħutna li kienu fil-​ħabs f’Cádiz, Spanja. Kont kuntent ħafna li stajt nagħtihom taħdita inkuraġġanti.

Maʼ Patricia u Jerry Molohan fi triqitna għall-konvenzjoni tal-1969, “Peace on Earth”

Mis-​sena 1963 ’il quddiem, kelli l-​privileġġ li nassisti fl-​arranġamenti tal-​ivvjaġġar għall-​konvenzjonijiet internazzjonali fl-​Afrika, fl-​Awstralja, fl-​Amerika Ċentrali u t’Isfel, fl-​Ewropa, fil-​Lvant Imbiegħed, fil-​Ħawajj, fi New Zealand, u fi Puerto Rico. Jien u Lila attendejna ħafna konvenzjonijiet li mhux se ninsewhom, bħal dik taʼ Varsavja, il-​Polonja, fl-​1989. Ħafna aħwa mir-​Russja rnexxielhom jattendu għal dik il-​konvenzjoni kbira. Din kienet l-​ewwel konvenzjoni li qatt attendew! Iltqajna m’aħwa li kienu ilhom snin il-​ħabs fl-​Unjoni Sovjetika minħabba l-​fidi tagħhom.

Inkarigu ieħor li ħadt pjaċir nagħmel kien li nżur u ninkuraġġixxi lill-​familji taʼ Betel u l-​missjunarji madwar id-​dinja. Fl-​aħħar żjara tagħna, morna l-​Korea t’Isfel u hemm irnexxielna niltaqgħu maʼ 50 minn ħutna li kienu fil-​ħabs f’Suwon. Kollha kellhom attitudni pożittiva ħafna u kienu qed iħarsu ’l quddiem biex jerġgħu jaqdu lil Ġeħova bil-​libertà. Li niltaqgħu magħhom kien inkuraġġanti ħafna għalina!—Rumani 1:11, 12.

IŻ-​ŻIEDA ĠĠIB IL-​FERĦ

Jien rajt kif Ġeħova bierek lin-​nies tiegħu matul is-​snin. Meta tgħammidt fl-​1943, kien hemm madwar mitt elf pubblikatur. Issa hawn iktar minn tmien miljun Xhud jaqdu lil Ġeħova f’240 pajjiż. Ix-​xogħol iebes tal-​gradwati taʼ Gilegħad żgur li ħalla impatt kbir fuq dan it-​tkabbir. Il-​fatt li ħdimt mill-​qrib maʼ ħafna minn dawn il-​missjunarji u għenthom jaslu fl-​inkarigu tagħhom ġabli ferħ kbir.

Jien ferħan ħafna li meta kont żagħżugħ iddeċidejt li nuża ħajti fis-​servizz taʼ Ġeħova u li applikajt biex naqdi f’Betel. Ġeħova berikni bil-​kbir matul dawn is-​snin. Apparti l-​affarijiet kollha li gawdejna fis-​servizz tagħna f’Betel, jien u Lila ħadna gost naqsmu l-​aħbar tajba maʼ diversi kongregazzjonijiet fi Brooklyn għal iktar minn 50 sena u dan għenna nagħmlu ħafna ħbieb veri.

Bis-​sapport li tagħtini Lila kuljum għadni naqdi f’Betel. Għalkemm issa għandi iktar minn 84 sena, ninsab kuntent li għadni nistaʼ nagħmel xogħol utli u ngħin f’li nieħu ħsieb l-​ittri tal-​fergħa.

Jien u Lila llum

Hu taʼ ferħ kbir li nagħmel parti mill-​organizzazzjoni meraviljuża taʼ Ġeħova u nara kemm hu minnu l-​kliem taʼ Malakija 3:18: “Intom terġgħu taraw id-​distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-​agħar, bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.” Kuljum naraw li d-​dinja taʼ Satana sejra għall-​agħar u li n-​nies m’għandhomx tama u ftit li xejn għandhom ferħ f’ħajjithom. Imma dawk li jħobbu u jaqdu lil Ġeħova għandhom ħajja ferħana, anki f’dan iż-​żmien diffiċli, u għandna tama ċerta għall-​futur. Hu veru privileġġ li ngħid lil oħrajn dwar l-​aħbar tajba! (Mattew 24:14) Daqt is-​Saltna t’Alla se tbiddel din id-​dinja qadima f’ġenna tal-​art. Kemm qed inħarsu ’l quddiem biex tiġi dik il-​ġurnata! Imbagħad, kulħadd fuq l-​art se jkun f’saħħtu u ferħan u jgħix għal dejjem.