Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 47

Lest Biex Tkompli Tagħmel Bidliet?

Lest Biex Tkompli Tagħmel Bidliet?

“Fl-​aħħarnett, ħuti, komplu thennew, aġġustaw ruħkom.”2 KOR. 13:11.

GĦANJA 54 “Din hi t-​triq”

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Skont Mattew 7:13, 14, għaliex qed naħdmu iebes biex naqdu lil Ġeħova?

ILKOLL kemm aħna qed naħdmu iebes biex naqdu lil Ġeħova ħalli nkunu nistgħu ngħixu fid-​dinja l-​ġdida. Kuljum nipprovaw nimxu fit-​triq li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem. Imma kif qal Ġesù, din it-​triq hi mħarbta u dejqa u xi kultant ma jkunx faċli li nimxu fiha. (Aqra Mattew 7:13, 14.) Minħabba li aħna imperfetti, mhux faċli li nibqgħu mexjin f’din it-​triq.—Gal. 6:1.

2. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu? (Ara l-​kaxxa “ L-​Umiltà Tgħinna Nagħmlu l-​Bidliet.”)

2 Jekk irridu nibqgħu fit-​triq li twassal għall-​ħajja, irridu nkunu lesti nagħmlu bidliet fil-​ħsibijiet, l-​attitudni, u l-​azzjonijiet tagħna. L-​appostlu Pawlu inkuraġġixxa lill-​Kristjani f’Korintu biex ikomplu ‘jaġġustaw ruħhom.’ (2 Kor. 13:11) Dan il-​parir japplika għalina wkoll. F’dan l-​artiklu se niddiskutu kif il-​Bibbja tistaʼ tgħinna nagħmlu bidliet, u kif aħwa maturi jistgħu jgħinuna nibqgħu mexjin f’din it-​triq. Se naraw x’jistaʼ jagħmilhielna diffiċli biex insegwu d-​direzzjoni li nirċievu mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. U wkoll, kif l-​umiltà tgħinna biex nagħmlu bidliet mingħajr ma nitilfu l-​ferħ meta naqdu lil Ġeħova.

ĦALLI L-​KELMA T’ALLA TIKKOREĠIK

3. Il-​Kelma t’Alla kif tistaʼ tgħinek?

3 Mhux faċli għalina biex neżaminaw il-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħna. Għala? Għax il-​qalb hi qarrieqa, u għalhekk jaf ikun diffiċli għalina biex inkunu nafu x’se ġġegħelna nagħmlu. (Ġer. 17:9) Huwa faċli li ‘nqarrqu bina nfusna b’raġunar falz.’ (Ġak. 1:22) Għalhekk, irridu nużaw il-​Kelma t’Alla biex neżaminaw lilna nfusna u nsiru nafu verament x’inhuma l-​ħsibijiet u x-​xewqat tagħna. (Ebr. 4:12, 13) Fi kliem ieħor, il-​Bibbja hija bħal X-​ray li tgħinna naraw x’aħna verament minn ġewwa. Imma għandna nkunu umli biex naċċettaw il-​pariri li nirċievu mill-​Bibbja jew mingħand dawk li qed imexxu fl-​organizzazzjoni t’Alla.

4. Kif nafu li s-​Sultan Sawl sar raġel kburi?

4 L-​eżempju tas-​Sultan Sawl jurina x’jistaʼ jiġri meta ma nkunux umli. Sawl tant sar kburi li ma riedx jammetti li kellu bżonn ibiddel il-​mod taʼ kif jaħseb u jaġixxi. (Salm 36:1, 2; Ħab. 2:4) Dan deher ċar meta Ġeħova ta direzzjoni speċifika lil Sawl dwar dak li kellu jagħmel wara li għeleb lill-​Għamalekin. Però, Sawl ma obdiex lil Ġeħova. U meta l-​profeta Samwel qallu li ma kienx ubbidjenti, Sawl m’ammettiex l-​iżball tiegħu. Minflok, hu qal li dak li għamel ma kienx gravi u għamlu għax ġegħluh in-​nies. (1 Sam. 15:13-​24) Qabel dan, Sawl kien diġà għamel xi ħaġa simili. (1 Sam. 13:10-​14) B’dispjaċir, hu ħalla lil qalbu tqarraq bih u sar kburi. Hu ma kkoreġiex il-​ħsieb tiegħu, għalhekk Ġeħova ħa azzjoni u warrbu.

5. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Sawl?

5 Biex nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Sawl, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna dawn il-​mistoqsijiet: ‘Meta naqra xi parir mill-​Kelma t’Alla, noqgħod infittex skużi biex ma napplikahx? Naħseb li dak li qed nagħmel mhux gravi? Inwaħħal f’ħaddieħor għal dak li qed nagħmel?ʼ Jekk inwieġbu iva għal waħda minn dawn il-​mistoqsijiet, għandna nbidlu l-​mod kif naħsbu. Għax jekk ma nagħmlux hekk, nistgħu nsiru kburin u Ġeħova ma jaċċettaniex bħala l-​ħbieb tiegħu.—Ġak. 4:6.

6. Iddeskrivi d-​differenza bejn is-​Sultan Sawl u s-​Sultan David.

6 Innota d-​differenza bejn is-​Sultan Sawl u s-​Sultan David. David ħabb “il-​liġi taʼ Ġeħova.” (Salm 1:1-​3) Hu kien jaf li Ġeħova jsalva lill-​umli imma jopponi lill-​kburin. (2 Sam. 22:28) Għalhekk, David ħalla l-​liġi t’Alla tbiddel il-​mod kif jaħsibha. Hu kiteb: “Se nbierek lil Ġeħova, li tani l-​pariri. Iva, bil-​lejl il-​kliewi [jew, “il-​ħsibijiet profondi”] tiegħi kkoreġewni.”—Salm 16:7.

IL-​KELMA T’ALLA

Il-​Kelma t’Alla tgħinna nibqgħu fit-​triq li twassal għall-​ħajja. Jekk aħna umli, se nħallu l-​Kelma t’Alla tikkoreġi l-​mod kif naħsbu (Ara paragrafu 7)

7. X’se nagħmlu jekk inkunu umli?

7 Jekk aħna umli, se nħallu l-​Kelma t’Alla tikkoreġi ħsieb ħażin qabel ma dan jwassalna biex nagħmlu xi ħaġa ħażina. Il-​Kelma t’Alla tkun bħal leħen li jgħidilna: “Din hi t-​triq. Imxu fiha.” Din se twissina jekk inkunu qed nagħmlu xi ħaġa ħażina. (Is. 30:21) Huwa għall-​ġid tagħna jekk nisimgħu minn Ġeħova. (Is. 48:17) Pereżempju, jekk nobdu, oħrajn ma jkollhomx għalfejn jikkoreġuna u b’hekk ma nħossuniex imbarazzati. Dan se jressaqna eqreb lejn Ġeħova għax naraw li jħobbna bħala Missier.—Ebr. 12:7.

8. Bħalma jsemmi Ġakbu 1:22-​25, kif tistaʼ l-​Kelma t’Alla tkun bħal mera?

8 Il-​Kelma t’Alla tistaʼ tkun bħal mera għalina. (Aqra Ġakbu 1:22-​25.) Il-​biċċa l-​kbira minna kull filgħodu nħarsu lejn il-​mera qabel ma nitilqu mid-​dar. B’dan il-​mod, naraw jekk għandniex bżonn nirranġaw xi ħaġa qabel jarawna oħrajn. Bl-​istess mod, meta naqraw il-​Bibbja kuljum se nsibu modi kif nistgħu nirranġaw il-​ħsibijiet u l-​attitudni tagħna. Ħafna jsibuha taʼ għajnuna meta jaqraw l-​iskrittura tal-​jum qabel ma jitilqu mid-​dar. Huma jħallu dak li jaqraw jeffettwa l-​mod kif jaħsbu. Imbagħad, matul il-​ġurnata, huma jfittxu modi kif japplikaw il-​parir mill-​Kelma t’Alla. Barra minn hekk, aħna rridu nistudjaw u nimmeditaw fuq il-​Kelma t’Alla kuljum. Dan mhux dejjem se jkun faċli, imma hija waħda mill-​iktar affarijiet importanti li nistgħu nagħmlu biex tgħinna nibqgħu mexjin fit-​triq tal-​ħajja.

ISMAʼ MINN AĦWA MATURI

AĦWA MATURI

Ħu jew oħt matura taf tagħtina parir bi mħabba. Se napprezzaw li kellu jew kellha l-​kuraġġ tgħidilna? (Ara paragrafu 9)

9. Meta jaf ħu jew oħt ikollha tikkoreġik?

9 Ġieli bdejt tagħmel xi ħaġa li biha għamilt ħsara l-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova? (Salm 73:2, 3) Jekk ħu jew oħt matura kellha kuraġġ tagħtik il-​parir, smajt minnha u applikajt dak li qaltlek? Jekk iva, għamilt sewwa. U żgur tapprezza  ħafna li ġejt ikkoreġut.—Prov. 1:5.

10. X’għandek tagħmel jekk ħu jagħtik parir?

10 Il-​Kelma t’Alla tfakkarna: “Il-​feriti li jagħmillek min iħobbok ġejjin mill-​fedeltà.” (Prov. 27:6) Xi jfisser dan? Ikkunsidra dan l-​eżempju: Immaġina li qed tistenna biex taqsam triq traffikuża u tiġi aljenat għax iċempillek il-​mowbajl. Int tkun se taqsam mingħajr ma tħares. Dak il-​ħin, ħabib jaqbdek minn idek u jiġbdek lura fuq il-​bankina. Tant jaqbdek sod li jweġġagħlek idek, imma dak li għamel salvalek ħajtek. Jekk idek tibqaʼ tuġgħek għal xi ġranet, se tieħu għalik għax qabdek u ġibdek lura? Żgur li le! Int se tapprezza dak li għamel. Bl-​istess mod, jekk ħu jgħidlek li kif titkellem jew kif taġixxi mhuwiex fi qbil mar-​rieda t’Alla, jaf ma tiħux pjaċir. Imma, tirrabjax jew tieħu għalik għax tak parir. Jekk tagħmel hekk turi nuqqas taʼ maturità. (Ekk. 7:9) Minflok, apprezza li hu kellu l-​kuraġġ jgħidlek.

11. X’jistaʼ jġiegħel lil xi ħadd ma jaċċettax parir mingħand ħu?

11 X’jistaʼ jġiegħel lil xi ħadd ma jaċċettax parir mingħand ħu li jħobbu? Il-​kburija. Nies kburin jieħdu pjaċir min ‘jgħarrxilhom widnejhom,’ jiġifieri, jgħidilhom dak li jixtiequ jisimgħu. Huma ma jiħdux pjaċir jisimgħu l-​verità. (2 Tim. 4:3, 4) Minħabba li huma jaħsbu li huma iktar intelliġenti jew importanti minn oħrajn, huma ma jħossux li għandhom bżonn min jagħtihom parir. Però, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Jekk xi ħadd jaħseb li hu xi ħaġa meta m’hu xejn, iqarraq bih innifsu.” (Gal. 6:3) U s-​Sultan Salamun spjega sew meta kiteb: “Aħjar tifel fil-​bżonn imma għaref milli sultan xiħ imma stupidu u li m’għadux jagħraf il-​bżonn li jiġi mwissi.”—Ekk. 4:13.

12. Skont Galatin 2:11-​14, x’nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Pietru?

12 Aħseb dwar x’għamel Pietru meta Pawlu kkoreġieh quddiem kulħadd. (Aqra Galatin 2:11-​14.) Kieku ried, Pietru setaʼ rrabja minħabba l-​mod kif kellmu Pawlu u għax qallu quddiem oħrajn. Imma Pietru ma għamilx hekk. Hu aċċetta l-​parir u ma ħadhiex kontra Pawlu. Minflok, iktar tard hu rrefera għal Pawlu bħala ħu għażiż.—2 Pt. 3:15.

13. X’għandna nżommu f’moħħna qabel ma nagħtu parir?

13 Jekk ikollok bżonn tagħti xi parir lil ħu jew oħt, x’għandek iżżomm f’moħħok? Qabel ma titkellem maʼ xi ħadd, staqsi lilek innifsek, ‘Veru għandu bżonn il-​parir jew qed inkun “ġust iżżejjed”?’ (Ekk. 7:16) Xi ħadd li jaħseb li hu “ġust iżżejjed” jistaʼ jiġġudika lill-​oħrajn bil-​mod kif jaħsibha hu u mhux kif jaħsibha Ġeħova, u għalhekk jaf ma jkunx raġunevoli. Jekk wara li taħseb sew dwar dan xorta tħoss li għandek tkellem lill-​ħu jew l-​oħt, ara li tgħidilha x’inhi l-​problema u uża mistoqsijiet biex tgħinha tara x’kien l-​iżball. Ara li l-​parir li tagħtiha jkun ibbażat fuq il-​Bibbja u ftakar li mhix ir-​responsabbiltà tiegħek li tiġġudikaha, imma għandek tgħinha tifhem kif Ġeħova jħossu dwar dak li għamlet. (Rum. 14:10) Uża l-​għerf li hemm fil-​Kelma t’Alla u, meta tagħti parir, imita lil Ġesù billi turi l-​ħniena. (Prov. 3:5; Mt. 12:20) Għala? Għax Ġeħova se jittrattana bl-​istess mod kif aħna nittrattaw lill-​oħrajn.—Ġak. 2:13.

SEGWI D-​DIREZZJONI LI TAGĦTI L-​ORGANIZZAZZJONI T’ALLA

L-​ORGANIZZAZZJONI T’ALLA

L-​organizzazzjoni t’Alla tipprovdilna pubblikazzjonijiet, vidjows, u laqgħat biex jgħinuna napplikaw il-​pariri tal-​Kelma t’Alla. Regolarment, il-​Ġemgħa li Tiggverna tagħmel bidliet fil-​mod kif ix-​xogħol jiġi organizzat (Ara paragrafu 14)

14. L-​organizzazzjoni t’Alla x’tipprovdilna?

14 Permezz tal-​organizzazzjoni li għandu fuq l-​art, Ġeħova jiggwidana biex inkomplu mexjin fit-​triq li twassal għall-​ħajja. Dan jagħmlu permezz tal-​vidjows, tal-​pubblikazzjonijiet, u tal-​laqgħat li fihom nirċievu pariri dwar kif napplikaw il-​Kelma t’Alla. Din l-​informazzjoni hi taʼ min joqgħod fuqha għax hi bbażata fuq l-​Iskrittura. Meta l-​Ġemgħa li Tiggverna tieħu deċiżjonijiet biex tara kif inhu l-​aħjar mod għall-​ippritkar, hi tistrieħ fuq l-​ispirtu qaddis. Minkejja dan, il-​Ġemgħa li Tiggverna regolarment tirrivedi dawn id-​deċiżjonijiet biex tara jekk ikunx hemm bżonn bidliet. Għala? Għax “ix-​xena taʼ din id-​dinja qed tinbidel,” u l-​organizzazzjoni t’Alla trid taġġusta għaċ-​ċirkostanzi ġodda.—1 Kor. 7:31.

15. Xi pubblikaturi liema sfida ffaċċjaw?

15 Meta l-​organizzazzjoni t’Alla tagħtina spjegazzjoni ġdida dwar it-​tagħlim tal-​Bibbja jew dwar il-​livelli morali, aħna naċċettawha u napplikawha. Imma x’nagħmlu meta tagħmel bidliet li jaffettwawna? Pereżempju, f’dawn l-​aħħar snin, il-​bini għola u l-​ispejjeż tal-​manutenzjoni komplew jiżdiedu ħafna. Għalhekk, il-​Ġemgħa li Tiggverna tat direzzjoni biex is-​Swali tas-​Saltna jintużaw minn kemm jistaʼ jkun kongregazzjonijiet. Minħabba dawn il-​bidliet, xi swali ġew mibjugħin u xi kongregazzjonijiet ingħaqdu flimkien u bdew jużaw l-​istess sala. Dawn il-​flus qed jintużaw biex jinbnew swali oħra fejn hemm iktar bżonn. Jekk forsi tgħix fejn is-​swali qed jinbiegħu u l-​kongregazzjonijiet qed jingħaqdu, jaf ikun diffiċli biex taddatta għal dawn iċ-​ċirkostanzi ġodda. Xi pubblikaturi qed ikollhom jagħmlu vjaġġ itwal biex jattendu l-​laqgħat. Oħrajn li ħadmu iebes biex tinbena s-​sala jew għenu fil-​manutenzjoni, jaf jistaqsu, għaliex is-​sala qiegħda għall-​bejgħ? Forsi jħossu li l-​isforz li għamlu u l-​ħin li taw kien moħli. Imma, huma jaċċettaw dawn l-​arranġamenti ġodda u għalhekk aħna nfaħħruhom.

16. Li napplikaw il-​parir li nsibu f’​Kolossin 3:23, 24, kif jgħinna nibqgħu ferħanin?

16 Aħna se nibqgħu ferħanin jekk niftakru li x-​xogħol kollu li nagħmlu hu għal Ġeħova u li hu qed imexxi l-​organizzazzjoni tiegħu. (Aqra Kolossin 3:23, 24.) Is-​Sultan David ħalla eżempju tajjeb meta ta flus biex jinbena t-​tempju. Hu qal: “Jien min jien u min hu l-​poplu tiegħi, sabiex ikollna l-​qawwa li nagħmlu offerti minn rajna b’dan il-​mod? Għax kollox minnek ġej, u minn idek stess tajniek aħna.” (1 Kron. 29:14) Meta nagħtu donazzjonijiet, aħna wkoll inkunu qed nagħtu lil Ġeħova xi ħaġa li tana hu. Imma meta nagħtu mill-​ħin, mill-​enerġija, u mill-​flus tagħna, Ġeħova jkun ferħan ħafna bina.—2 Kor. 9:7.

IBQAʼ FIT-​TRIQ LI TWASSAL GĦALL-​ĦAJJA

17. Għala m’għandekx tħossok skuraġġit jekk tinduna li għandek tagħmel xi bidliet?

17 Biex nibqgħu fit-​triq li twassal għall-​ħajja, ilkoll kemm aħna rridu nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù. (1 Pt. 2:21) Jekk tinduna li għandek bżonn tagħmel xi bidliet, tħossokx skuraġġit. Fil-​fatt dan hu sinjal tajjeb għax tixtieq issegwi d-​direzzjonijiet taʼ Ġeħova. Tinsiex, Ġeħova jaf li aħna imperfetti. Għalhekk, hu ma jistenniex li nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù b’mod perfett.

18. Xi rridu nagħmlu biex nilħqu l-​mira tagħna?

18 Jalla lkoll niffokaw fuq il-​futur u nkunu lesti li naġġustaw il-​ħsibijiet, l-​attitudni, u l-​azzjonijiet tagħna. (Prov. 4:25; Lq. 9:62) Ejja nibqgħu umli, ‘inkomplu nithennew, u naġġustaw ruħna.’ (2 Kor. 13:11) Jekk nagħmlu hekk, ‘l-​Alla taʼ l-​imħabba u tal-​paċi jkun magħna.’ Hu se jgħinna nibqgħu kuntenti issa u nidħlu fid-​dinja l-​ġdida.

GĦANJA 34 Nimxu bl-​integrità

^ par. 5 Xi wħud minna jaf isibuha diffiċli biex jaġġustaw il-​ħsibijiet, l-​attitudni, u l-​azzjonijiet tagħhom. Dan l-​artiklu se jispjega għala lkoll kemm aħna għandna bżonn nagħmlu xi bidliet u  kif nistgħu nibqgħu kuntenti meta nagħmluhom.

^ par. 76 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Hekk kif il-​ħu żagħżugħ jgħid lil ħu ieħor dak li ġralu minħabba deċiżjoni ħażina li ħa, il-​ħu (fuq il-​lemin) qed jisimgħu sew biex jara jekk għandux jagħtih parir.