Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

“Ġeħova Qatt Ma Nsieni”

“Ġeħova Qatt Ma Nsieni”

JIEN ngħix f’Orealla, villaġġ li fih jgħixu madwar 2,000 persuna fil-​Guyana, l-​Amerika t’Isfel. Il-​villaġġ hu iżolat, u l-​unika mod kif tistaʼ tilħqu hu permezz taʼ ajruplan żgħir jew b’dgħajsa.

Jiena twelidt fl-​1983. Bħala tifel kont b’saħħti, imma meta kelli għaxar snin, beda jkolli uġigħ kbir maʼ ġismi kollu. Madwar sentejn wara, darba waħda xħin qomt filgħodu ma stajtx niċċaqlaq. Minn kollox pruvajt biex inċaqlaq saqajja, imma kien kollu għalxejn. Minn dakinhar ’l hawn, qatt ma erġajt imxejt f’ħajti. Il-​kundizzjoni tiegħi effettwat lill-​ġismi, għalhekk ma bqajtx nikber u għadni daqs tifel żgħir.

Minħabba dak li ġrali ma kontx noħroġ mid-​dar. Ftit xhur wara, tnejn mix-​Xhieda taʼ Ġeħova ġew jagħtuni xhieda. Normalment, meta kienu jiġu n-​nies kont nistaħba, imma dakinhar tkellimt magħhom. Meta qaluli dwar il-​Ġenna tal-​art, ftakart f’dak li kont smajt meta kelli ħames snin. Lura  dak iż-​żmien, missjunarju jismu Jethro, li kien jgħix is-​Suriname, kien jiġi darba f’xahar fil-​villaġġ tagħna u jistudja l-​Bibbja maʼ missieri. Jethro vera kellu qalbu tajba. Kont inħobbu ħafna. Apparti minn hekk, in-​nanniet tiegħi ġieli kienu jiħduni magħhom għal-​laqgħat tax-​Xhieda li kienu jsiru fil-​villaġġ tagħna. Allura meta Florence, waħda mill-​aħwa li żaruni dakinhar, staqsietni jekk irridx inkun naf iktar, għedtilha iva.

Florence u r-​raġel tagħha, Justus, bdew jistudjaw il-​Bibbja miegħi. Meta ndunaw li ma kontx naf naqra, għenuni nitgħallem. Wara ftit, kont kapaċi naqra waħdi. Darba waħda, huma ġew u qaluli li kienu se jmorru jaqdu fis-​Suriname. Għalhekk, b’dispjaċir ma kien għad fadal ħadd f’Orealla li setaʼ jkompli jistudja miegħi. Imma, Ġeħova qatt ma nsieni.

Ftit wara, pijunier jismu Floyd, ġie fil-​villaġġ tagħna, u aħna ltqajna meta kien qed jipprietka fl-​inħawi fejn noqgħod jien. Meta staqsieni jekk irridx nistudja l-​Bibbja, jien bdejt nitbissem. Hu staqsieni, “Għala qed titbissem?” Imbagħad għedtlu li kont diġà studjajt il-​browxer Alla X’Jirrikjedi Minna? u ftit mill-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Ta’ Dejjem. * Wara spjegajtlu għala kont waqaft. Floyd kompla jagħmilli l-​istudju u flimkien lestejna l-​ktieb Għarfien. Imma mbagħad anki hu kellu jmur jaqdi xi mkien ieħor. U minħabba f’hekk, erġajt spiċċajt bla għalliem.

Però, fl-​2004, żewġ pijunieri speċjali, Granville u Joshua, ġew assenjati f’Orealla. Huma sabuni meta kienu qegħdin jippritkaw fl-​inħawi tiegħi. Meta staqsewni jekk xtaqtx nistudja magħhom, jien tbissimt u tlabthom biex jibdew il-​ktieb Għarfien mill-​bidu. Ridt nara jekk kinux se jgħallmuni l-​istess affarijiet li kien għallimni l-​ħu taʼ qabel. Granville qalli wkoll li fil-​villaġġ tagħna kienu qed isiru l-​laqgħat. Għalkemm kont ilni kważi 10 snin ma noħroġ mid-​dar, xtaqt immur. Għalhekk, hu ġie għalija u mbottani t-​triq kollha bil-​wheelchair sas-​Sala tas-​Saltna.

Maż-​żmien, Granville inkuraġġieni biex ninkiteb fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. Hu qalli: “Vera li ma tistax timxi, imma tistaʼ titkellem. Xi darba, inti se tagħti taħdita pubblika. Naf li kapaċi.” Il-​kliem inkuraġġanti tiegħu vera għenni.

Jien kont bdejt nipprietka maʼ Granville. Però, kien vera diffiċli bil-​wheelchair minħabba li ħafna mit-​toroq tal-​villaġġ kienu mħarbtin. Allura, staqsejtu biex ipoġġini f’karretta u jimbottani u vera konna mmorru tajjeb. Imbagħad, f’April tal-​2005, tgħammidt. Ftit wara li tgħammidt, l-​aħwa għallmuni kif nieħu ħsieb il-​letteratura tal-​kongregazzjoni u kif nieħu ħsieb is-​sawnd fis-​Sala tas-​Saltna.

Sfortunatament, fl-​2007, missieri kellu aċċident waqt li kien fuq il-​baħar u miet. Kien xokk kbir għalija u għall-​familja. Però, Granville kien jitlob magħna u jaqralna skritturi inkuraġġanti mill-​Bibbja. Sentejn wara, ġrat xi ħaġa oħra taʼ wġigħ kbir għalina, Granville kellu aċċident fuq il-​baħar u miet ukoll.

Il-​kongregazzjoni żgħira tagħna kienet imnikkta u spiċċat bla anzjani u b’qaddej ministerjali wieħed. Il-​mewt taʼ Granville vera kienet taʼ wġigħ għalija għax hu kien ħabib kbir tiegħi. Hu dejjem kien jgħinni spiritwalment u f’dak kollu li kelli bżonn. Fl-​ewwel laqgħa wara li miet, jien kont il-​qarrej għall-​Istudju taʼ It-​Torri tal-​Għassa. Xħin wasalt fit-​tieni paragrafu, bdejt nibki u  ma stajtx inkompli. Kelli ninżel minn fuq il-​platform.

Wara li aħwa minn kongregazzjoni oħra ġew fil-​villaġġ tagħna biex jgħinuna, bdejt inħossni naqra aħjar. Ukoll, l-​uffiċċju tal-​fergħa bagħtu pijunier speċjali jismu Kojo. U  kemm kont ferħan meta ommi u ħija ż-​żgħir bdew jistudjaw u tgħammdu. Imbagħad, f’Marzu tal-​2015, sirt qaddej ministerjali. Wara xi żmien, tajt l-​ewwel taħdita pubblika tiegħi. Dakinhar ħassejtni ferħan, filwaqt li qabiżli d-​dmugħ, meta ftakart fil-​kliem li Granville kien qalli: “Xi darba, inti se  tagħti taħdita pubblika. Naf li kapaċi.”

Grazzi għall-​programm tal-​JW Broadcasting®, sirt naf dwar aħwa li għandhom sitwazzjonijiet simili bħal tiegħi. Imma, minkejja ċ-​ċirkustanzi tagħhom, huma xorta qed jagħmlu ħafna affarijiet u jgħixu ħajja ferħana. Irrealizzajt li anki jien nistaʼ nagħmel bħalhom. Jien ukoll xtaqt nagħti dak kollu li nistaʼ lil Ġeħova. Għalhekk bdejt naqdi bħala pijunier regolari. U x’aħbar irċivejt f’Settembru tal-​2019 li ma kontx qed nistenna! Dak ix-​xahar sirt naf li sirt anzjan fil-​kongregazzjoni li kellha madwar 40 pubblikatur.

Jien vera napprezza l-​aħwa li studjaw miegħi u għenuni naqdi lil Ġeħova. U fuq kollox, jiena grat ħafna li Ġeħova qatt ma nsieni.

^ par. 8 Ippubblikati mix-​Xhieda taʼ Ġeħova imma issa m’għadhomx jiġu stampati.