ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 10
X’qed iżommni milli nitgħammed?
“Minnufih ordna li jwaqqfu l-karru, u t-tnejn niżlu fl-ilma, kemm Filippu u kemm l-ewnuku; u għammdu.”—ATTI 8:38.
GĦANJA 52 Dedikazzjoni Kristjana
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. X’tilfu Adam u Eva, u b’liema riżultat?
MIN taħseb li għandu jistabbilixxi l-livelli għal dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin? Meta Adam u Eva kielu l-frott mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin, huma wrew ċar kif ħassewhom: Huma ma fdawx lil Ġeħova u l-livelli tiegħu u għażlu li jistabbilixxu l-livelli tagħhom stess taʼ x’inhu tajjeb u ħażin. (Ġen. 3:22) Iżda ara x’tilfu. Tilfu l-ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova. Tilfu wkoll l-opportunità li jgħixu għal dejjem, u għaddew id-dnub u l-mewt lit-tfal tagħhom. (Rum. 5:12) L-għażla taʼ Adam u Eva wasslet għal miżerja.
2-3. (a) L-ewnuku Etjopjan kif wieġeb meta Filippu tah xhieda? (b) X’barkiet nirċievu jekk nitgħammdu, u x’mistoqsijiet se nikkunsidraw?
2 Qabbel il-mod kif Adam u Eva ġabu ruħhom mal-mod kif l-ewnuku Etjopjan wieġeb meta Filippu tah xhieda. L-ewnuku tant apprezza x’għamlu għalih Ġeħova u Ġesù li tgħammed fil-pront. (Atti 8:34-38) Meta niddedikaw lilna nfusna lil Alla u, bħal dak l-ewnuku, nitgħammdu, aħna nuru ċar kif inħossuna. Aħna nuru li napprezzaw x’għamlu għalina Ġeħova u Ġesù. Nuru wkoll li nafdaw lil Ġeħova u naċċettaw li hu l-wieħed li għandu jistabbilixxi l-livell tat-tajjeb u l-ħażin.
3 Aħseb fil-barkiet li nirċievu meta naqdu lil Ġeħova! Barka waħda hi li hu se jagħtina l-affarijiet kollha li tilfu Adam u Eva, inkluż l-opportunità li ngħixu għal dejjem. Peress li għandna l-fidi f’Ġesù Kristu, Ġeħova jaħfrilna Mt. 20:28; Atti 10:43) Ukoll, aħna nsiru parti mill-familja taʼ Ġeħova taʼ qaddejja approvati b’futur meraviljuż quddiemna. (Ġw. 10:14-16; Rum. 8:20, 21) Iżda, minkejja dawn il-benefiċċji li huma ovvji, xi wħud li saru jafu lil Ġeħova jdumu jaħsbuha biex isegwu l-eżempju tal-ewnuku Etjopjan. X’jistaʼ jżommhom lura milli jitgħammdu? U kif jistgħu jegħlbu l-isfidi li jkollhom?
n-nuqqasijiet tagħna u jagħtina kuxjenza nadifa. (SFIDI LI JŻOMMU LIL XI WĦUD MILLI JITGĦAMMDU
4-5. Żagħżugħ jismu Avery u tfajla jisimha Hannah xi sfidi ffaċċjaw?
4 Nuqqas taʼ fiduċja fik innifsek. Il-ġenituri taʼ Avery huma Xhieda taʼ Ġeħova. Missieru għandu reputazzjoni eċċellenti taʼ missier li jħobb u anzjan effettiv. Madankollu, Avery żamm lura milli jitgħammed. Għala? Hu jgħid: “Ma ħsibtx li stajt inkun tajjeb daqs missieri.” Ukoll, Avery ma ħasibx li setaʼ jieħu ħsieb responsabbiltajiet li setaʼ jingħata fil-futur. “Kont ninkwieta li niġi mitlub ngħid talba fil-pubbliku, li nagħti taħditiet, jew li mmexxi grupp fis-servizz tal-għalqa.”
5 Hannah, li għandha 18-il sena, kienet tbati minn nuqqas kbir taʼ fiduċja fiha nfisha. Hi trabbiet minn ġenituri li jaqdu lil Ġeħova. Xorta waħda, iddubitat li setgħet tgħix skont il-livelli taʼ Ġeħova. Għala? Hannah kienet żviluppat opinjoni baxxa ħafna tagħha stess. Kultant, tant ħassitha ħażin li kienet tweġġaʼ lilha nfisha fiżikament għal t’apposta u dan wassal biss biex is-sitwazzjoni tkun agħar. Hi tgħid: “Qatt m’għedt lil ħadd dwar x’għamilt, lanqas lill-ġenituri tiegħi, u kont naħseb li Ġeħova qatt ma kien se jaċċettani minħabba dak li kont qed nagħmel lili nnifsi.”
6. X’żamm lil Vanessa milli titgħammed?
6 L-influwenza tal-ħbieb. Vanessa, li għandha 22 sena, tgħid, “Kelli ħabiba taʼ veru li kont ili nafha kważi għaxar snin.” Biss, din il-ħabiba ma kinitx tappoġġja lil Vanessa fil-mira tagħha li titgħammed. Dan nikket ħafna lil Vanessa, li tgħid, “Insibha diffiċli li nagħmel ħbieb, u kont ninkwieta li qatt ma kont se nsib ħabiba taʼ veru oħra kieku kelli ma nibqax ħabiba magħha.”
7. Żagħżugħa jisimha Makayla minn xiex kienet tibżaʼ, u għala?
7 Biżaʼ li tagħmel xi żball serju. Meta ħu Makayla ġie maqtugħ mis-sħubija, hi kellha ħames snin. Hi u tikber rat kemm il-ġenituri tagħha ġew affettwati b’dak li għamel ħuha. Makayla tgħid: “Kont
nibżaʼ li jekk nitgħammed u mbagħad nagħmel xi żball, ninqataʼ mis-sħubija, u nġib iżjed niket lill-ġenituri tiegħi.”8. Minn xiex beżaʼ żagħżugħ jismu Miles?
8 Biżaʼ mill-oppożizzjoni. Missier Miles u ommu tar-rispett jaqdu lil Ġeħova, iżda ommu mhix Xhud. Miles jgħid: “Għext għal 18-il sena m’ommi u kont nibżaʼ ngħidilha li ridt nitgħammed. Kont rajt kif irreaġixxiet meta missieri sar Xhud. Kont nibżaʼ li taqlagħli l-inkwiet.”
KIF TISTAʼ TEGĦLEB L-ISFIDI?
9. X’aktarx li se jiġri meta titgħallem dwar l-imħabba u l-paċenzja taʼ Ġeħova?
9 Adam u Eva għażlu li ma jaqdux lil Ġeħova għax naqsu milli jiżviluppaw imħabba b’saħħitha għalih. Madankollu, Ġeħova ħalliehom jgħixu biżżejjed biex ikollhom it-tfal u jistabbilixxu l-livelli tagħhom stess kif irabbu lil dawn it-tfal. Ir-riżultati tad-deċiżjoni taʼ Adam u Eva biex ikunu indipendenti minn Ġeħova malajr urew ċar kemm dawn kienu boloh. Binhom il-kbir qatel lil ħuh, li kien innoċenti, u maż-żmien il-vjolenza u l-egoiżmu ddominaw lill-familja umana. (Ġen. 4:8; 6:11-13) Madankollu, Ġeħova kellu mezz biex isalva lit-tfal kollha taʼ Adam u Eva li jridu jaqduh. (Ġw. 6:38-40, 57, 58) Int u titgħallem iżjed kemm Ġeħova hu paċenzjuż u Alla li jħobb, imħabbtek għalih x’aktarx li tikber. Int se tkun trid tiċħad it-triq li Adam u Eva għażlu u tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova.
10. Il-meditazzjoni fuq Salm 19:7 għala tistaʼ tgħinek taqdi lil Ġeħova?
10 Kompli tgħallem dwar Ġeħova. Iktar ma titgħallem dwar Ġeħova, iktar se tkun fiduċjuż li jistaʼ jirnexxilek taqdih. Avery, li ssemma qabel, jgħid: “Ksibt fiduċja fija nnifsi billi qrajt u mmeditajt fuq il-wegħda li hemm f’Salm 19:7.” (Aqra.) Meta Avery ra kif Ġeħova wettaq din il-wegħda, imħabbtu għal Alla ssaħħet iktar. L-imħabba mhux biss tibni l-fiduċja imma wkoll tgħinna niffokaw fuq Ġeħova u fuq dak li jrid. Hannah, li ssemmiet qabel, tgħid: “Permezz tal-qari u l-istudju personali tal-Bibbja rrealizzajt li meta nweġġaʼ lili nnifsi nweġġaʼ lil Ġeħova wkoll.” (1 Pt. 5:7) Hannah bdiet tagħmel dak li tgħid il-Kelma t’Alla. (Ġak. 1:22) B’liema riżultat? Hi tgħid: “Meta rajt x’benefiċċju hemm f’li tobdi lil Ġeħova, żviluppajt imħabba b’saħħitha għalih. Issa jien ċerta li Ġeħova dejjem se jiggwidani meta jkolli bżonn l-għajnuna tiegħu.” Hannah setgħet tegħleb it-tentazzjoni li tweġġaʼ lilha nfisha. Hi ddedikat ħajjitha lil Ġeħova u tgħammdet.
11. X’għamlet Vanessa biex ikollha ħbieb tajbin, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?
11 Agħżel lil ħbiebek bil-għaqal. Vanessa, li ssemmiet qabel, fl-aħħar irrealizzat li l-ħabiba tagħha kienet qed iżżommha lura milli taqdi lil Ġeħova. B’hekk, waqqfet il-ħbiberija. Imma Vanessa għamlet xi ħaġa oħra. Hi ħadmet ħafna biex issib ħbieb ġodda fil-kongregazzjoni. Tgħid li l-eżempju taʼ Noè u l-familja tiegħu għenha. “Huma kienu mdawrin b’nies li ma ħabbewx lil Ġeħova,” tgħid hi, “imma kellhom assoċjazzjoni tajba maʼ xulxin.” Wara li tgħammdet, Vanessa saret pijuniera. Issa hi tgħid, “Dan għenni biex ikolli ħbieb tajbin mhux biss fil-kongregazzjoni tiegħi imma wkoll f’kongregazzjonijiet oħra.” Int ukoll jistaʼ jkollok ħbieb tajbin billi tkun involut kemm jistaʼ jkun fix-xogħol li Ġeħova tana nagħmlu.—Mt. 24:14.
12. Adam u Eva x’tip taʼ biżaʼ naqsu li jkollhom, u b’liema riżultat?
12 Ħa jkollok ħarsa bilanċjata taʼ biżaʼ. Xi tipi taʼ biżaʼ huma tajbin għalina. Pereżempju, aħna jeħtieġ ikollna biżaʼ li ma nogħġbux lil Ġeħova. (Salm 111:10) Kieku Adam u Eva ħadmu fuq din it-tip taʼ biżaʼ ma kinux jirribellaw kontra Ġeħova. Imma rribellaw. Wara li għamlu dan, għajnejhom infetħu fis-sens li saru konxji li kienu midinbin. Huma setgħu biss jgħaddu d-dnub u l-mewt lit-tfal tagħhom. Peress li setgħu jaraw, jew jifhmu, li ma kinux obdew il-liġi t’Alla, bdew jistħu mill-għera tagħhom u għattew lilhom infushom.—Ġen. 3:7, 21.
13-14. (a) Skont l-1 Pietru 3:21, għala m’hemmx għalfejn ikollna biżaʼ estrema mill-mewt? (b) X’raġunijiet għandna biex inħobbu lil Ġeħova?
13 Waqt li jeħtieġ ikollna biżaʼ li ma nogħġbux lil Ġeħova, m’hemmx għalfejn ikollna biżaʼ estrema mill-mewt. Ġeħova għamel mezz għalina biex niksbu l-ħajja taʼ dejjem. Jekk nidinbu imma nindmu ġenwinament, Ġeħova se jaħfer l-iżbalji tagħna. Hu se jaħfrilna minħabba l-fidi tagħna fis-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ibnu. Mod mill-iktar importanti kif nuru l-fidi hu billi niddedikaw ħajjitna lil Alla u nitgħammdu.—Aqra l-1 Pietru 3:21.
14 Aħna għandna ħafna raġunijiet biex inħobbu lil Ġeħova. Mhux biss jipprovdilna l-affarijiet tajbin li ngawdu kuljum imma wkoll jgħallimna l-verità dwaru u dwar l-iskopijiet tiegħu. (Ġw. 8:31, 32) Hu tana l-kongregazzjoni Kristjana biex tiggwidana u tappoġġjana. Jgħinna nissaportu l-problemi tagħna issa, u joffrilna t-tama li ngħixu għal dejjem f’kundizzjonijiet perfetti fil-futur. (Salm 68:19; Riv. 21:3, 4) Meta nimmeditaw fuq kemm Ġeħova diġà għamel għalina biex jurina li jħobbna, dan iġegħelna nħobbuh. U meta nħobbu lil Ġeħova, aħna niksbu ħarsa bilanċjata taʼ biżaʼ. Aħna nibżgħu li nweġġgħu lil Dak li tant sirna nħobbu.
15. Makayla kif għelbet il-biżaʼ tagħha li tagħmel xi żball serju?
15 Makayla, li ssemmiet qabel, għelbet il-biżaʼ li tagħmel xi żball serju meta fehmet kemm Ġeħova jaħfer. “Jien irrealizzajt li lkoll imperfetti u se niżbaljaw. Imma wkoll bdejt nifhem li Ġeħova jħobbna u se jaħfrilna permezz tal-fidwa.” Imħabbitha għal Ġeħova qanqlitha tiddedika lilha nfisha lilu u titgħammed.
16. Miles kif ġie megħjun jegħleb il-biżaʼ mill-oppożizzjoni?
16 Miles, li beżaʼ li ommu kienet se topponi d-deċiżjoni tiegħu biex jitgħammed, fittex l-għajnuna mingħand l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. “Anke hu kien trabba f’familja li kellha ġenitur wieħed biss Xhud,” jgħid Miles. “Hu għenni naħseb dwar xi stajt ngħid lil ommi biex ngħinha tifhem li kienet id-deċiżjoni tiegħi li nitgħammed u li missieri ma kienx qed iġegħelni nagħmel dan.” Omm Miles ma ħaditx pjaċir bid-deċiżjoni tiegħu. Fl-aħħar kellu jitlaq minn darha, imma baqaʼ jżomm mad-deċiżjoni tiegħu. Hu jgħid: “It-tagħlim dwar l-affarijiet sbieħ li Ġeħova għamel għalija messli qalbi. Meta ħsibt fil-fond dwar is-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, irrealizzajt kemm Ġeħova jħobbni. Dan
il-ħsieb qanqalni biex niddedika lili nnifsi lil Ġeħova u nitgħammed.”ŻOMM MAD-DEĊIŻJONI TIEGĦEK
17. X’opportunità għandna?
17 Meta Eva kielet mill-frott taʼ dik is-siġra fl-Għeden, hi rribellat kontra Missierha. Meta Adam ingħaqad magħha, hu wera nuqqas kbir t’apprezzament għat-tajjeb kollu li Ġeħova kien għamel għalih. Ilkoll għandna l-opportunità biex nuru kemm ma naqblux mad-deċiżjoni li Adam u Eva ħadu. Permezz tal-magħmudija, aħna nuru lil Ġeħova li nemmnu li hu għandu l-awtorità li jistabbilixxi l-livell għal dak li hu tajjeb u ħażin għalina. Aħna nuru li nħobbu lil Missierna u nafdaw fih.
18. Kif tistaʼ tirnexxi f’li taqdi lil Ġeħova?
18 L-isfida li niffaċċjaw wara l-magħmudija hi li ngħixu ġurnata wara l-oħra skont il-livelli taʼ Ġeħova, u mhux tagħna. Miljuni taʼ qaddejja t’Alla qed jgħixu b’dan il-mod kull sena. Int tistaʼ tkun bħalhom jekk tkompli tkabbar il-fehma tiegħek tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja; tassoċja regolarment maʼ ħutek; u tgħid b’żelu lil oħrajn dak li tgħallimt dwar Missierek kollu mħabba. (Ebr. 10:24, 25) Meta tieħu deċiżjonijiet, ismaʼ l-parir li Ġeħova jagħti permezz tal-Kelma tiegħu u l-organizzazzjoni tiegħu. (Is. 30:21) Imbagħad se tirnexxi f’kulma tagħmel.—Prov. 16:3, 20.
19. Xi trid tibqaʼ tiftakar, u għala?
19 Ibqaʼ ftakar kemm tibbenefika mill-gwida taʼ Ġeħova, u b’hekk l-imħabba tiegħek għalih u għal-livelli tiegħu se tikber. Imbagħad, xejn milli joffrilek Satana mhu se jġiegħlek tieqaf taqdi lil Ġeħova. Immaġinak minn hawn u elf sena oħra. Dakinhar, meta taħseb dwar id-deċiżjoni li kont ħadt biex titgħammed, se tgħid li din kienet l-aħjar waħda li qatt ħadt!
GĦANJA 28 Niksbu l-ħbiberija taʼ Ġeħova
^ par. 5 L-iktar deċiżjoni importanti li qatt se tagħmel hi jekk titgħammidx jew le. Din id-deċiżjoni għala hi daqshekk importanti? Dan l-artiklu se jwieġeb din il-mistoqsija. Ukoll, se jgħin lil dawk li qed jaħsbu biex jitgħammdu ħalli jegħlbu sfidi li jistgħu jżommuhom lura.
^ par. 56 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Nuqqas taʼ fiduċja fik innifsek: Żagħżugħ ma jħossux kapaċi biex jikkummenta.
^ par. 58 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: L-influwenza tal-ħbieb: Xhud żagħżugħa li qiegħda f’assoċjazzjoni ħażina tħossha imbarazzata meta tara Xhieda sħabha.
^ par. 60 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Biżaʼ taʼ żball serju: Meta ħuha jiġi maqtugħ mis-sħubija u jitlaq mid-dar, żagħżugħa tinkwieta li anke hi tistaʼ tiżbalja.
^ par. 62 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Biżaʼ mill-oppożizzjoni: Tfajjel iħossu nervuż biex jitlob waqt li ommu, li mhix tal-istess twemmin bħalu, tħares lejh.
^ par. 65 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Nuqqas taʼ fiduċja fik innifsek: Żagħżugħ iżid fl-istudju personali tiegħu
^ par. 67 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: L-influwenza tal-ħbieb: Xhud żagħżugħa titgħallem tħossha kburija li tkun Xhud.
^ par. 69 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Biżaʼ taʼ żball serju: Żagħżugħa tieħu l-verità bis-serjetà u titgħammed.
^ par. 71 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Biżaʼ mill-oppożizzjoni: Tfajjel jispjega b’kuraġġ it-twemmin tiegħu lil ommu li mhix tal-istess twemmin.