ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 29
Naħdmu mal-Wieħed li Qed Imexxina—Ġesù
“Lili ngħatat kull awtorità fis-sema u fuq l-art.”—MT. 28:18.
GĦANJA 13 Kristu, l-eżempju tagħna
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Ġeħova liema xogħol irid li jsir?
ILLUM, Ġeħova jrid li l-aħbar tajba tas-Saltna tiġi ppritkata mad-dinja kollha. Dan hu x-xogħol taʼ Ġeħova. (Mk. 13:10; 1 Tim. 2:3, 4) U tant hu importanti għalih li għażel lil Ibnu l-maħbub biex imexxi dan ix-xogħol. U minħabba li Ġesù qed jiggwidana, nistgħu nkunu ċerti li x-xogħol tal-ippritkar se jitlesta kif irid Ġeħova qabel jiġi t-tmiem.—Mt. 24:14.
2. X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
2 F’dan l-artiklu se naraw kif Ġesù qed juża “lill-ilsir leali u għaqli” biex jipprovdi l-ikel spiritwali u jorganizza lis-segwaċi tiegħu fl-ikbar kampanja taʼ ppritkar li qatt saret. (Mt. 24:45) Se naraw ukoll x’għandu jagħmel kull wieħed u waħda minna biex ngħinu lil Ġesù u lill-ilsir leali u għaqli.
ĠESÙ JMEXXI X-XOGĦOL TAL-IPPRITKAR
3. X’awtorità ngħata Ġesù?
3 Ġesù qed imexxi x-xogħol tal-ippritkar. Kif nistgħu nkunu ċerti minn dan? Ftit qabel ma telaʼ fis-sema, Ġesù ltaqaʼ maʼ ftit mid-dixxipli tiegħu fuq muntanja fil-Galilija. Hu qalilhom: “Lili ngħatat kull awtorità fis-sema u fuq l-art.” Wara dan il-kliem, innota x’qalilhom: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.” (Mt. 28:18, 19) Mela, fost affarijiet oħrajn, Ġesù ngħata l-awtorità biex imexxi x-xogħol tal-ippritkar.
4. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġesù għadu qed jieħu ħsieb ix-xogħol tal-ippritkar?
4 Ġesù qal li x-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli kellu jsir mad-dinja kollha u li hu se jkun mad-dixxipli tiegħu “l-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema.” (Mt. 28:20) Dan il-kliem jurina b’mod ċar li Ġesù kellu jibqaʼ jieħu ħsieb ix-xogħol tal-ippritkar sal-lum il-ġurnata.
5. Kif qed ngħinu biex titwettaq il-profezija taʼ Salm 110:3?
5 Ġesù ma kienx inkwetat li mhux se jkun hemm biżżejjed ħaddiema matul il-konklużjoni tas-sistema. Hu kien jaf li l-kliem li pprofetizza s-salmista se jitwettaq: “Niesek se joffru lilhom infushom minn rajhom f’jum il-qawwa militari tiegħek.” (Salm 110:3) Jekk tipprietka l-aħbar tajba, inti qed tgħin lil Ġesù u lill-ilsir leali u għaqli u qed tgħin biex titwettaq din il-profezija. Ix-xogħol tal-ippritkar qed isir, imma hemm l-isfidi.
6. X’inhi waħda mill-isfidi li jiffaċċjaw dawk li jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna?
6 Waħda mill-isfidi li jiffaċċjaw dawk li jippritkaw hi l-oppożizzjoni. L-apostati, mexxejja reliġjużi, u politikanti jaqilgħu gideb dwar ix-xogħol tagħna. Jekk tal-familja, nies oħrajn li nafu, jew dawk li jaħdmu magħna jemmnu dan il-gideb, jaf jagħmlulna pressjoni biex nieqfu naqdu lil Ġeħova u nieqfu nippritkaw. F’xi pajjiżi, l-għedewwa tagħna jheddu, jattakkaw jew jarrestaw lill-aħwa, u anke jitfgħuhom il-ħabs. Aħna ma niħduhiex bi kbira jekk in-nies jittrattawna b’dan il-mod. Ġesù qal: “Tkunu mibgħudin mill-ġnus kollha minħabba ismi.” (Mt. 24:9) Il-fatt li qed nesperjenzaw din il-mibegħda juri li Ġeħova kuntent bina. (Mt. 5:11, 12) Satana qed jikkaġuna din l-oppożizzjoni kollha. Imma Ġesù huwa bil-wisq iktar b’saħħtu minnu! Bl-għajnuna taʼ Ġesù, l-aħbar tajba qed tiġi ppritkata lin-nies tad-dinja kollha. Ejja naraw kif.
7. X’juri li l-profezija taʼ Rivelazzjoni 14:6, 7 qed titwettaq?
7 Sfida oħra li niffaċċjaw meta nippritkaw hi li n-nies jitkellmu b’ħafna lingwi differenti. Fil-viżjoni li ra l-appostlu Ġwanni, Ġesù qal li l-aħbar tajba xorta se tiġi ppritkata. (Aqra Rivelazzjoni 14:6, 7.) Kif? Aħna qed nagħtu l-opportunità lil kemm jistaʼ jkun nies biex jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna. Illum, nies minn madwar id-dinja jistgħu jaqraw materjal ibbażat minn fuq il-Bibbja fuq jw.org, li jinsab f’iktar minn 1,000 lingwa! Il-Ġemgħa li Tiggverna ddeċidiet li jiġi tradott il-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!, l-għodda prinċipali tagħna biex nagħmlu dixxipli. Dan il-ktieb ġie tradott f’iktar minn 700 lingwa! Tagħlim tal-Bibbja jinsab ukoll f’vidjows għal nies neqsin mis-smigħ u f’pubblikazzjonijiet bil-Braille għal nies neqsin mid-dawl. Aħna qed naraw il-profeziji tal-Bibbja jitwettqu. Nies “mill-ilsna kollha tal-ġnus” qed jitgħallmu jitkellmu l-“lingwa pura” tal-veritajiet tal-Bibbja. (Żak. 8:23; Sof. 3:9) Dan kollu qed jitwettaq permezz tal-aqwa mexxej, Ġesù Kristu.
8. X’inhu r-riżultat tax-xogħol tal-ippritkar li qed nagħmlu llum?
8 Illum, iktar minn tmien miljun persuna fʼ240 pajjiż jagħmlu parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, u kull sena għaxriet t’eluf jitgħammdu! Imma l-iktar ħaġa importanti hi l-kwalitajiet Kristjani tagħhom, jiġifieri “l-personalità l-ġdida” li dawn id-dixxipli ġodda ħadmu biex ikollhom. (Kol. 3:8-10) Huma ma baqgħux immorali, vjolenti, juru preferenzi, u kburin bil-pajjiż tagħhom. Il-profezija li nsibu f’Isaija 2:4 “ma jitħarrġux iktar għall-gwerra” qed titwettaq. Peress li naħdmu iebes biex nilbsu l-personalità l-ġdida, aħna ngħinu n-nies biex jinġibdu lejn l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, u nuru li aħna qed insegwu l-mexxej tagħna Kristu Ġesù. (Ġw. 13:35; 1 Pt. 2:12) Dawn l-affarijiet mhux qed jiġru b’kumbinazzjoni. Ġesù qed jagħtina l-għajnuna li għandna bżonn.
ĠESÙ JINKARIGA LSIR
9. Kif naraw f’Mattew 24:45-47, Ġesù x’qal li se jiġri fiż-żmien tal-aħħar?
9 Aqra Mattew 24:45-47. Ġesù qal li matul iż-żmien tal-aħħar hu kellu jinkariga “lsir leali u għaqli” biex jipprovdi l-ikel spiritwali. Allura nistennew li dan l-ilsir qed jaħdem iebes illum. U hekk qed jagħmel! Ġesù uża grupp żgħir taʼ rġiel midlukin biex jagħtu “l-ikel [spiritwali] fiż-żmien xieraq” lin-nies t’Alla u lill-uħud interessati. Dawn l-irġiel ma jqisux lilhom infushom bħala sidien t’oħrajn. (2 Kor. 1:24) Minflok huma jafu li Ġesù Kristu hu l-“mexxej” u l-“kmandant” tal-poplu tiegħu.—Is. 55:4.
10. Liema pubblikazzjoni mill-istampi għenitek biex issir qaddej taʼ Ġeħova?
10 Mill-1919, l-ilsir leali u għaqli pprepara diversi pubblikazzjonijiet biex uħud interessati jitgħallmu l-verità dwar il-Kelma t’Alla. Fl-1921, l-ilsir ipprepara l-ktieb The Harp of God biex jgħin lil dawk interessati jitgħallmu tagħlim bażiku tal-Bibbja. Maż-żmien ġew provduti pubblikazzjonijiet oħrajn. Liema pubblikazzjoni għenitek biex issir taf u tħobb lil Missierek tas-sema? Kienet “Let God Be True,” Il-Verità li Twassal għal Ħajja Eterna, Int Tista’ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art, Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Ta’ Dejjem, Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?, X’Nistgħu Nitgħallmu mill-Bibbja?, jew l-aħħar pubblikazzjoni li ħarġet, Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!? Dawn il-pubblikazzjonijiet kollha ġew magħmula biex jgħinuna nagħmlu dixxipli u meta ħarġu kienu dak li kellna bżonn.
11. Għala huwa importanti li lkoll kemm aħna nkomplu nitgħallmu dwar Ġeħova u l-Bibbja?
11 Mhux dawk l-uħud ġodda biss għandhom bżonn ikollhom għarfien tajjeb dwar Ġeħova u l-Bibbja, imma anki aħna. L-appostlu Pawlu kiteb: “L-ikel solidu hu għan-nies maturi.” Pawlu qal ukoll li meta napplikaw dak li nitgħallmu mill-Iskrittura se jgħinna nkunu nafu ‘nagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.’ (Ebr. 5:14) Illum jistaʼ jkun diffiċli ħafna biex nobdu l-livelli taʼ Ġeħova għax ħafna nies huma immorali ħafna. Imma Ġesù jagħmel ċert li aħna nitgħallmu l-affarijiet li għandna bżonn biex ikollna fidi soda. Aħna nirċievu t-tagħlim mill-Kelma ispirata t’Alla, il-Bibbja. L-ilsir leali u għaqli jipprepara u jqassam dan l-ikel taħt id-direzzjoni taʼ Ġesù.
12. Bħal Ġesù, kif urejna kemm hu importanti għalina l-isem t’Alla?
12 Bħal Ġesù, aħna tajna l-importanza li jixraqlu l-isem t’Alla. (Ġw. 17:6, 26) Pereżempju, fl-1931 bdejna nissejħu x-Xhieda taʼ Ġeħova kif tgħid il-Bibbja. B’hekk urejna kemm hu importanti għalina l-isem t’Alla u li ridna nkunu magħrufin b’isem Missierna tas-sema. (Is. 43:10-12) U minn Ottubru taʼ dik is-sena, l-isem t’Alla deher fuq il-faċċata taʼ kull ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa. Barra minn hekk, fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida ta’ l-Iskrittura Mqaddsa reġaʼ tpoġġa l-isem t’Alla fejn suppost. Dan hu totalment differenti mill-knejjes tal-Kristjaneżmu li neħħew l-isem Ġeħova minn ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja tagħhom!
ĠESÙ JORGANIZZA LID-DIXXIPLI TIEGĦU
13. X’jikkonvinċik li Ġesù qed juża “lill-ilsir leali u għaqli” llum? (Ġwanni 6:68)
13 Permezz “tal-ilsir leali u għaqli,” Ġesù bena organizzazzjoni tal-għaġeb fuq l-art biex ikun hemm qima pura. Kif tħossok dwar din l-organizzazzjoni? Forsi tħossok l-istess kif ħassu l-appostlu Pietru meta qal lil Ġesù: “Għand min tridna mmorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 6:68) Min jaf x’sar minna llum kieku ma ltqajniex max-Xhieda taʼ Ġeħova! Permezz taʼ din l-organizzazzjoni, Kristu jagħmel ċert li jkollna dak li għandna bżonn biex nibqgħu leali lejn Ġeħova. Ukoll, jagħtina trejning biex ikollna suċċess fil-ministeru. Iktar minn hekk, hu jgħinna nilbsu “l-personalità l-ġdida” ħalli b’hekk nogħġbu lil Ġeħova.—Efes. 4:24.
14. Minħabba li int parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, kif ibbenefikajt matul il-pandemija tal-COVID-19?
14 Ġesù jipprovdilna direzzjoni tajba anki fi żmien diffiċli. Dan rajnieh b’mod ċar meta bdiet il-pandemija tal-COVID-19. Filwaqt li ħafna nies ma kinux jafu x’se jaqbdu jagħmlu, Ġesù għamel ċert li nirċievu direzzjoni biex inkunu protetti. Konna inkuraġġiti biex nilbsu l-maskra u nżommu d-distanza soċjali. L-anzjani ġew imfakkrin biex ikollhom kuntatt regolari mal-aħwa tal-kongregazzjoni u joqogħdu attenti għal dak li kellhom bżonn biex jibqgħu protetti, f’saħħithom, u qrib taʼ Ġeħova. (Is. 32:1, 2) Ukoll, irċivejna direzzjoni u inkuraġġiment mir-rapporti tal-Ġemgħa li Tiggverna.
15. X’direzzjoni rċivejna dwar il-laqgħat u l-ministeru waqt il-pandemija, u x’kien ir-riżultat?
15 Waqt il-pandemija rċivejna direzzjoni ċara dwar kif nattendu l-laqgħat u nieħdu sehem fil-ministeru. Fi żmien qasir bdejna nattendu l-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet permezz tal-videoconference. Ukoll, il-biċċa l-kbira tax-xogħol tal-ippritkar sar permezz tal-ittri u tat-telefown. Ġeħova bierek l-isforzi tagħna. Ħafna fergħat irrapportaw żieda kbira fin-numru taʼ pubblikaturi. Fil-fatt, ħafna minn ħutna kellhom esperjenzi taʼ inkuraġġiment matul dan iż-żmien.—Ara l-kaxxa “ Ġeħova Jbierek ix-Xogħol tal-Ippritkar.”
16. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti?
16 Xi wħud forsi ħasbu li l-organizzazzjoni qed toqgħod attenta żżejjed minħabba l-pandemija. Imma llum nistgħu naraw b’mod ċar li d-direzzjoni li rċivejna kienet tajba ħafna. (Mt. 11:19) U meta nimmeditaw fuq kif Ġesù bi mħabba qed imexxi l-poplu tiegħu, se nkunu ċerti li jiġri x’jiġri fil-futur, Ġeħova u Ibnu l-maħbub se jkunu magħna.—Aqra Ebrej 13:5, 6.
17. Il-fatt li Ġesù hu l-mexxej tiegħek, kif tħossok?
17 Kemm aħna ferħanin li l-mexxej tagħna hu Ġesù! Aħna nagħmlu parti minn organizzazzjoni magħquda minkejja li għandna kultura, nazzjon, u lingwa differenti. Aħna nirċievu ħafna tagħlim mill-Kelma t’Alla u nirċievu t-trejning li għandna bżonn biex nagħmlu x-xogħol tal-ippritkar. Kull wieħed u waħda minna qed jiġi mgħallem kif jilbes il-personalità l-ġdida u biex inħobbu lil xulxin. Kemm għandna għalfejn inkunu kburin li Ġesù hu l-mexxej tagħna!
GĦANJA 16 Faħħru lil Jah għal Ibnu l-Midluk
^ Illum, miljuni taʼ rġiel, nisa, u tfal qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. Int wieħed jew waħda minnhom? Jekk iva, inti qed tkun gwidat mill-Mulej tagħna, Ġesù Kristu. F’dan l-artiklu se naraw l-evidenza li Ġesù qed imexxi x-xogħol tal-ippritkar illum. Li nimmeditaw fuq din l-informazzjoni se jgħinna biex inkunu determinati li nkomplu naqdu lil Ġeħova taħt id-direzzjoni taʼ Kristu.