Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 28

Is-​Saltna t’Alla Qed Tmexxi!

Is-​Saltna t’Alla Qed Tmexxi!

“Is-​saltna tad-​dinja saret is-​saltna tal-​Mulej tagħna u tal-​Kristu tiegħu.”—RIV. 11:15.

GĦANJA 22 Bil-lest is-Saltna hi-Ha tigi!

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Minn xiex aħna ċerti, u għala?

 META tara l-​problemi li hawn fid-​dinja ssibha diffiċli biex temmen li d-​dinja se tmur għall-​aħjar? Ħafna familji m’għadhomx magħqudin bħalma kienu qabel. Il-​maġġorparti tan-​nies qed isiru iktar u iktar egoisti u vjolenti. Ħafna jsibuha diffiċli jafdaw lil dawk li għandhom l-​awtorità. Imma dan kollu kif jistaʼ jikkonvinċik li l-​affarijiet se jmorru għall-​aħjar? Għax in-​nies qed jaġixxu eżatt bħalma bassret il-​Bibbja fil-​profezija dwar “l-​aħħar jiem.” (2 Tim. 3:1-​5) Mhux tal-​għaġeb dan? Min hu sinċier mhux se jgħid li din il-​profezija mhix qed titwettaq. U t-​twettiq tagħha juri li Kristu Ġesù sar is-​Sultan tas-​Saltna t’Alla. Imma din hi biss waħda mill-​profeziji li hemm dwar is-​Saltna. Li ngħaddu flimkien profeziji oħrajn li twettqu dan l-​aħħar se jgħinna biex insaħħu l-​fidi tagħna.

Bħalma biċċiet taʼ jigsaw puzzle jingħaqdu flimkien biex jifformaw stampa, fil-​ktieb taʼ Danjel u fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni hemm profeziji dwar il-​futur li jingħaqdu flimkien biex insiru nafu x’se jiġri dalwaqt fi qbil mal-​iskop taʼ Ġeħova (Ara paragrafu 2)

2. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu, u għala? (Ikkummenta fuq l-​istampa tal-​qoxra.)

2 F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw (1) profezija li se tgħinna nifhmu meta bdiet tmexxi s-​Saltna, (2) profeziji li jgħinuna nifhmu kif Ġesù sar is-​Sultan tas-​Saltna t’Alla fis-​sema, u (3) profeziji li juruna kif l-​għedewwa tas-​Saltna t’Alla se jinqerdu. Se naraw kif dawn il-​profeziji jingħaqdu flimkien bħal biċċiet taʼ jigsaw puzzle biex jagħtuna stampa ċara taʼ dak li se jiġri dalwaqt fi qbil mal-​iskop taʼ Ġeħova.

KIF NAFU LI S-​SALTNA BDIET TMEXXI?

3. Il-​profezija ta’ Danjel 7:13, 14 x’garanzija tagħtina dwar is-​Sultan tas-​Saltna t’Alla?

3 Il-​profezija li nsibu f’​Danjel 7:13, 14 tagħtina garanzija li Ġesù kien se jkun l-​aqwa Mexxej tas-​Saltna t’Alla. Tgħid ukoll li nies minn kull nazzjon se ‘jaqduh’ bil-​ferħ, u l-​ebda mexxej mhu se jiħodlu postu. Profezija oħra fil-​ktieb taʼ Danjel turina li Ġesù kien se jibda jmexxi din is-​Saltna fl-​aħħar taʼ perjodu taʼ żmien, li jissejjaħ sebaʼ żminijiet. Imma nistgħu nkunu nafu meta Ġesù sar Sultan?

4. Spjega kif Danjel 4:10-​17 jgħinna nikkalkulaw f’liema sena Kristu sar Sultan. (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

4 Aqra Danjel 4:10-​17. Is-​“sebaʼ żminijiet” jirrappreżentaw perjodu taʼ 2,520 sena. Dan il-​perjodu beda fis-​sena 607 qabel Kristu (QK), meta l-​Babiloniżi neħħew l-​aħħar sultan li kellu Ġeħova f’Ġerusalemm. Dan il-​perjodu spiċċa fl-​1914 wara Kristu (WK), meta Ġeħova għamel lil Ġesù s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla—il-​wieħed “li għandu d-​dritt legali.” *Eżek. 21:25-​27.

5. Il-​profezija dwar is-​“sebaʼ żminijiet” kif tistaʼ tgħinna?

5 Din il-​profezija kif tistaʼ tgħinna? Meta nifhmu l-​profezija dwar is-​“sebaʼ żminijiet,” se jgħinna nkunu konvinti li l-​wegħdi taʼ Ġeħova jitwettqu f’waqthom. Ġeħova ddeċieda meta Ġesù kellu jsir Sultan, u meta wasal iż-​żmien hekk ġara. Għalhekk, aħna nafu li hu se jwettaq il-​profeziji l-​oħrajn f’waqthom. Mela nistgħu nkunu ċerti li jum Ġeħova ‘mhux se jkun tard!’—Ħab. 2:3.

KIF NAFU LI KRISTU SAR IS-​SULTAN TAS-​SALTNA T’ALLA

6. (a) X’affarijiet qed jiġru fid-​dinja li juruna li Kristu qed imexxi fis-​sema? (b) Il-​versi tar-​Rivelazzjoni 6:2-​8 kif jikkonfermaw dan?

6 Lejn l-​aħħar tal-​ħajja tiegħu fuq l-​art, Ġesù semma xi affarijiet li kellhom jiġru fid-​dinja biex is-​segwaċi tiegħu jkunu jafu li hu beda jmexxi fis-​sema. Uħud mill-​affarijiet li semma kienu gwerer, ġuħ, u terremoti. Semma wkoll li “f’post wara l-​ieħor” kien se jkun hemm mard li jittieħed. Eżempju taʼ dan hija l-​pandemija tal-​COVID-​19. Dawn l-​affarijiet huma parti minn dak li l-​Bibbja ssejjaħlu “s-​sinjal” tal-​preżenza ta’ Kristu. (Mt. 24:3, 7; Lq. 21:7, 10, 11) Iktar minn 60 sena wara li Ġesù miet u mar lura fis-​sema, hu ta lill-​appostlu Ġwanni iktar dettalji li jikkonfermaw li dawn il-​ġrajjiet kienu se jiġru. (Aqra Rivelazzjoni 6:2-​8.) U minn meta Ġesù sar Sultan fl-​1914, dawn l-​affarijiet kollha ġraw.

7. Minn meta Ġesù sar Sultan, l-​affarijiet fuq l-​art għala bdew imorru għall-​agħar?

7 Minn meta Ġesù sar Sultan, l-​affarijiet fuq l-​art għala bdew imorru għall-​agħar? Rivelazzjoni 6:2 jgħidilna xi ħaġa importanti. Dan jurina li meta Ġesù sar is-​Sultan tas-​Saltna t’Alla ħa sehem fi gwerra. Din il-​gwerra kienet kontra x-​Xitan u d-​demonji tiegħu. Skont Rivelazzjoni kapitlu 12, Satana tilef din il-​gwerra, u d-​demonji tiegħu ġew mitfugħin lejn l-​art. Dan ġab tbatija kbira fuq l-​art għax hu rrabjat ħafna u qed jiżvoga r-​rabja tiegħu man-​nies.—Riv. 12:7-​12.

Aħna ma niħdux pjaċir meta jiġru affarijiet ħżiena, imma meta naraw profeziji tal-​Bibbja jitwettqu, jikkonvinċuna li s-​Saltna t’Alla qed tmexxi (Ara paragrafu 8)

8. Meta naraw il-​profeziji dwar is-​Saltna t’Alla jitwettqu, kif jgħinna?

8 Dawn il-​profeziji kif jistgħu jgħinuna? L-​affarijiet li qed jiġru fid-​dinja u l-​mod kif qed jaġixxu n-​nies illum jgħinuna nindunaw li Ġesù sar Sultan. Għalhekk, m’għandniex għalfejn inħossuna mdejqin meta naraw li n-​nies qed isiru iktar kattivi u egoisti, għax dan jurina li l-​profeziji tal-​Bibbja qed jitwettqu. Is-​Saltna t’Alla qed tmexxi! (Salm 37:1) U iktar ma toqrob Armageddon iktar se naraw inkwiet fid-​dinja. (Mk. 13:8; 2 Tim. 3:13) Kemm għandna għal xiex nirringrazzjaw lil Ġeħova li jgħinna nifhmu għala qed naraw dawn il-​problemi kollha!

KIF SE JINQERDU L-​GĦEDEWWA TAS-​SALTNA T’ALLA

9. Il-​profezija li nsibu f’​Danjel 2:28, 31-​35 kif tiddeskrivi l-​aħħar qawwa dinjija, u din meta bdiet taħkem?

9 Aqra Danjel 2:28, 31-​35. Din hija profezija oħra li qed narawha titwettaq illum. Il-​ħolma taʼ Nebukadnessar turina x’għandu jseħħ “fl-​aħħar parti tal-​jiem,” wara li Kristu beda jmexxi. Il-​profezija qalet li l-​għedewwa taʼ Ġesù fuq l-​art jinkludu l-​aħħar qawwa dinjija, li hi rappreżentata mis-​saqajn tax-​xbieha li huma magħmulin mill-​ħadid u t-​tafal. Din il-​qawwa dinjija diġà qed taħkem. Din bdiet matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, meta l-​Brittanja u l-​Istati Uniti bdew jaħdmu mill-​qrib flimkien. Ix-​xbieha li ra Nebukadnessar fil-​ħolma tiegħu wriet ukoll minn tal-​inqas żewġ affarijiet li din il-​qawwa dinjija kien se jkollha differenti mill-​qawwiet taʼ qabilha.

10. (a) Fil-​profezija taʼ Danjel, il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana x’għandha differenti mill-​qawwiet dinjin taʼ qabilha? (b) Minn liema periklu għandna noqogħdu attenti? (Ara l-​kaxxa “ Oqgħod Attent mit-​Tafal!”)

10 L-​ewwel, b’kuntrast għall-​qawwiet dinjin li jissemmew qabilha fil-​viżjoni, il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana hija rrappreżentata minn taħlita ta’ ħadid u tafal, mhux minn materjal solidu bħad-​deheb u l-​fidda. It-​tafal jirrappreżenta “wlied il-​bnedmin,” jiġifieri n-​nies komuni. (Dan. 2:43) Illum, bil-​mod kif qed jaġixxu n-​nies qed jagħmluha diffiċli għall-​gvernijiet fid-​dinja biex jagħmlu dak li jridu. Dan nistgħu narawh b’mod ċar fl-​elezzjonijiet, fil-​kampanji li jagħmlu dwar id-​drittijiet tal-​bniedem, fi protesti kbar, u f’unions li jaqbżu għad-​drittijiet tal-​ħaddiema.

11. Il-​fatt li l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana qed tmexxi kif jikkonvinċina li qed ngħixu fiż-​żmien tal-​aħħar?

11 It-​tieni differenza hi li l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana, rappreżentata mis-​saqajn tax-​xbieha enormi, hi l-​aħħar qawwa dinjija li tissemma fil-​Bibbja. Wara din il-​qawwa mhux se jkun hemm gvern uman ieħor. Minflok, se tiġi meqruda f’Armageddon mis-​Saltna t’Alla flimkien mal-​gvernijiet l-​oħra. *Riv. 16:13, 14, 16; 19:19, 20.

12. Xi prova oħra nsibu fil-​profezija taʼ Danjel, u din x’kuraġġ u x’tama tagħtina?

12 Din il-​profezija kif tistaʼ tgħinna? Il-​profezija f’​Danjel tagħtina iktar provi li qegħdin ngħixu fiż-​żmien tal-​aħħar. Iktar minn 2,500 sena ilu, Danjel qal li wara Babilonja, erbaʼ qawwiet dinjin oħra kienu se jaħkmu fuq il-​poplu t’Alla. Apparti minn hekk, Danjel qal li l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana kienet se tkun l-​aħħar waħda. Dan jagħtina l-​kuraġġ u t-​tama li s-​Saltna t’Alla dalwaqt se teqred il-​gvernijiet umani kollha u hi se tmexxi fuq l-​art.—Dan. 2:44.

13. ‘It-​tmien sultan’ u l-​“għaxart slaten” li jissemmew f’​Rivelazzjoni 17:9-​12 lil min jirrappreżentaw, u din il-​profezija kif twettqet?

13 Aqra Rivelazzjoni 17:9-​12. L-​effett ikrah li ġabet magħha l-​Ewwel Gwerra Dinjija wassal biex titwettaq profezija oħra fil-​Bibbja dwar l-​aħħar jiem. Il-​mexxejja tad-​dinja riedu jġibu l-​paċi. Għalhekk, f’Jannar tal-​1920 bdiet teżisti l-​Lega tan-​Nazzjonijiet, li iktar tard f’Ottubru tal-​1945 saret magħrufa bħala l-​Ġnus Magħquda. Din l-​organizzazzjoni tissejjaħ ‘it-​tmien sultan,’ imma mhix qawwa dinjija. L-​unika qawwa li għandha ġejja mill-​gvernijiet li jappoġġjawha. Il-​Bibbja ssejjaħ lil dawn il-​gvernijiet l-​“għaxar slaten.”

14-15. (a) Rivelazzjoni 17:3-​5 x’jgħid dwar “Babilonja l-​Kbira”? (b) In-​nies li jappoġġaw ir-​reliġjon falza x’qed jiġrilhom?

14 Aqra Rivelazzjoni 17:3-​5. F’viżjoni minn Alla, Ġwanni ra prostituta, “Babilonja l-​Kbira,” li tirrappreżenta r-​reliġjonijiet foloz kollha tad-​dinja. Din il-​viżjoni kif twettqet? Għal ħafna snin, ir-​reliġjonijiet foloz appoġġaw il-​gvernijiet tad-​dinja. Però, Ġeħova dalwaqt se jpoġġi f’qalb il-​gvernijiet tad-​dinja “l-​ħsieb tiegħu.” X’se jkun ir-​riżultat? Dawn il-​gvernijiet, l-​“għaxar slaten,” se jattakkaw lill-​organizzazzjonijiet reliġjużi foloz kollha u jeqirduhom.—Riv. 17:1, 2, 16, 17.

15 Kif nafu li Babilonja l-​Kbira dalwaqt se tinqered? Biex inwieġbu din il-​mistoqsija jkun tajjeb li niftakru li fil-​passat parti mill-​belt taʼ Babilonja kienet protetta mill-​ilmijiet tax-​Xmara Ewfrat. Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jqabbel lill-​miljuni taʼ nies li jappoġġaw lill-​Babilonja l-​Kbira ma’ “ilmijiet.” (Riv. 17:15) Imma jgħid ukoll li l-​ilmijiet se ‘jinxfu,’ u dan juri li r-​reliġjonijiet foloz kollha tad-​dinja se jitilfu ħafna min-​nies li jappoġġjawhom. (Riv. 16:12) Illum, din il-​profezija qed titwettaq għax ħafna nies m’għadhomx reliġjużi u qed ifittxu xi mkien ieħor biex isolvu l-​problemi tagħhom.

16. Kif jgħinna meta nifhmu l-​profeziji dwar il-​Ġnus Magħquda u l-​qerda taʼ Babilonja l-​Kbira?

16 Dawn il-​profeziji kif jistgħu jgħinuna? Il-​fatt li llum teżisti l-​Ġnus Magħquda u ħafna nies m’għadhomx jappoġġaw ir-​reliġjon falza jurina li qed ngħixu fl-​aħħar jiem. Għalkemm ħafna nies m’għadhomx jappoġġaw lill-​Babilonja l-​Kbira, però dan mhux dak li se jġib fix-​xejn lir-​reliġjonijiet foloz kollha tad-​dinja. Kif diġà semmejna, Ġeħova se jpoġġi f’qalb l-​“għaxar slaten,” li jirrappreżentaw il-​gvernijiet tad-​dinja li jappoġġjaw lill-​Ġnus Magħquda, biex “iwettqu l-​ħsieb tiegħu.” Dawn il-​gvernijiet se jeqirdu lill-​Babilonja l-​Kbira f’daqqa waħda—xi ħaġa li n-​nies mhux se jkunu qed jistennew. * (Riv. 18:8-​10) Il-​qerda taʼ Babilonja l-​Kbira se teffettwa d-​dinja kollha u jaf jiġi żmien iebes. Però, il-​poplu t’Alla se jkollu minn tal-​inqas żewġ raġunijiet għala jifraħ. Ir-​reliġjon falza li ilha l-​għadu taʼ Ġeħova għal ħafna żmien mhux se tibqaʼ teżisti u dalwaqt se ninħelsu minn din id-​dinja ħażina.—Lq. 21:28.

KUN KONVINT LI ĠEĦOVA SE JIPPROTEĠI LILL-​POPLU TIEGĦU FIL-​FUTUR

17-18. (a) Kif nistgħu nkomplu nsaħħu l-​fidi tagħna? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

17 Danjel bassar li “l-​għarfien veru [se] jkun abbundanti.” U hekk ġara! Issa aħna qed nifhmu profeziji li qed jitwettqu fi żmienna. (Dan. 12:4, 9, 10) Dawn il-​profeziji tant qed jitwettqu sal-​iċken dettall li jkabbru r-​rispett tagħna lejn Ġeħova u l-​Kelma tiegħu. (Is. 46:10; 55:11) Għalhekk, kompli saħħaħ il-​fidi tiegħek billi tistudja sew il-​Bibbja u tgħin lil oħrajn biex ikollhom ħbiberija tajba ma’ Ġeħova. Hu se jipproteġi lil dawk li jafdaw kompletament fih u se jagħtihom “paċi kontinwa.”—Is. 26:3.

18 Fl-​artiklu li jmiss se nikkunsidraw profeziji li jitkellmu dwar il-​kongregazzjoni Kristjana ta’ żmienna. Kif se nitgħallmu, dawn il-​profeziji juruna li qegħdin ngħixu fl-​aħħar jiem. Se naraw iktar affarijiet li juru li Ġesù, is-​Sultan tagħna, qed imexxi lid-​dixxipli leali tiegħu.

GĦANJA 61 Irsistu, intom ix-​Xhieda!

^ Aħna qegħdin ngħixu f’wieħed mill-​iktar żminijiet eċċitanti! Bħalma jgħidu ħafna profeziji fil-​Bibbja, is-​Saltna t’Alla qed tmexxi. F’dan l-​artiklu se naraw xi wħud minn dawn il-​profeziji biex jgħinuna nsaħħu l-​fidi tagħna f’Ġeħova, nibqgħu kalmi, u nafdaw f’Ġeħova issa u fil-​futur.

^ Ara lezzjoni 32 punt numru 4 fil-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!, u fuq jw.org ara l-​vidjow Is-​Saltna t’Alla Bdiet Tmexxi fl-​1914.

^ Għal iktar informazzjoni dwar il-profezija taʼ Danjel ara l-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Ġunju 2012, pp. 14-19.

^ Għal iktar informazzjoni dwar dak li se jiġri fil-futur, ara kapitlu 21 tal-ktieb Is-Saltna t’Alla qed taħkem!