Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 29

“Meta Nkun Dgħajjef, Inkun Setgħan”

“Meta Nkun Dgħajjef, Inkun Setgħan”

“Nitgħaxxaq bid-​dgħjufijiet, bl-​insulti, bl-​għaks, bil-​persekuzzjonijiet u d-​diffikultajiet, għal Kristu.”—2 KOR. 12:10.

GĦANJA 38 Hu se jsaħħek

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Pawlu x’ammetta dwaru nnifsu?

L-​APPOSTLU Pawlu ammetta li kultant ħassu dgħajjef. Hu qal li fiżikament kien “qed jispiċċa,” li kellu jitħabat biex jagħmel it-​tajjeb, u li Ġeħova mhux dejjem wieġeb it-​talb tiegħu kif xtaq hu. (2 Kor. 4:16; 12:7-​9; Rum. 7:21-​23) Ukoll, Pawlu ammetta li dawk li kienu kontrih, qisuh bħala persuna dgħajfa. * Imma Pawlu ma ħalliex l-​affarijiet ħżiena li oħrajn qalu dwaru jew l-​imperfezzjonijiet tiegħu jġegħluh iħossu li ma jiswa għal xejn.—2 Kor. 10:10-​12, 17, 18.

2. Skont it-​2 Korintin 12:9, 10, Pawlu x’lezzjoni importanti tgħallem?

2 Pawlu tgħallem lezzjoni importanti ħafna, li persuna tistaʼ tkun b’saħħitha anki meta tħossha dgħajfa. (Aqra t-​2 Korintin 12:9, 10.) Ġeħova qal lil Pawlu: “Il-​qawwa tiegħi tintgħamel perfetta fid-​dgħjufija,” jiġifieri l-​qawwa taʼ Ġeħova kienet se tgħin lil Pawlu meta kien dgħajjef. L-​ewwel, ejja naraw għala m’għandniex ninkwetaw meta niġu mgħajrin minn dawk li jopponuna.

“NITGĦAXXAQ . . . BL-​INSULTI”

3. Għala ma niddejqux meta n-​nies jgħajruna?

3 Ħadd minna ma jieħu pjaċir li jiġi insultat, jew mgħajjar. Imma jekk dawk taʼ kontrina jgħajruna u nħossuna mdejqin ħafna b’dak li jgħidu, nistgħu niġu skuraġġiti. (Prov. 24:10) Allura, kif għandna nqisu l-​insulti? Bħal Pawlu, aħna nistgħu ‘nitgħaxxqu . . . bl-​insulti.’ (2 Kor. 12:10) Għala? Għax meta n-​nies jgħajruna u jopponuna, dan juri li aħna dixxipli taʼ Ġesù. (1 Pt. 4:14) Ġesù qal li d-​dixxipli tiegħu kienu se jiġu ppersegwitati. (Ġw. 15:18-​20) Dan ġara lill-​Kristjani tal-​bidu. Dak iż-​żmien, dawk li kienu influwenzati mill-​kultura Griega qiesu lill-​Kristjani bħala injoranti jew inferjuri. U fost il-​Lhud, il-​Kristjani kienu kkunsidrati li huma “komuni u taʼ ftit skola,” bħall-​appostlu Pietru u Ġwanni. (Atti 4:13) Ħafna nies qiesu lill-​Kristjani bħala dgħajfin u li m’għandhomx min jgħinhom. Dan għax ma involvewx ruħhom fil-​politika, u b’hekk ma setgħux jinfluwenzaw il-​gvern. Ukoll, minħabba li ma kinux jingħaqdu maʼ armata, huma ma kellhomx qawwa jiġġieldu u jiddefendu lilhom infushom. Għalhekk, in-​nies ma kinux jirrispettawhom.

4. Il-​Kristjani tal-​bidu, x’għamlu meta n-​nies qalu affarijiet negattivi dwarhom?

4 Il-​Kristjani tal-​bidu ma ħallewx l-​opinjoni negattiva t’oħrajn twaqqafhom. Pereżempju, l-​appostlu Pietru u Ġwanni, qisuh taʼ unur li jkunu ppersegwitati minħabba li segwew lil Ġesù u għallmu lil oħrajn dwaru. (Atti 4:18-​21; 5:27-​29, 40-​42) Il-​Kristjani ma kellhomx għalfejn jistħu. Kuntrarju għal dawk taʼ kontrihom, huma kienu għamlu ħafna iktar biex jgħinu lin-​nies. Pereżempju, il-​kotba tal-​Bibbja li kitbu xi wħud għadhom jgħinu u jagħtu tama lil miljuni taʼ nies. U s-​Saltna li ppritkaw dwarha, issa qed tmexxi fis-​sema u dalwaqt se tmexxi fuq l-​art. (Mt. 24:14) B’kuntrast, il-​gvern b’saħħtu f’Ruma li ppersegwita lil dawn il-​Kristjani, m’għadux jeżisti. Filwaqt li llum, dawn il-​Kristjani leali huma slaten fis-​sema. Ukoll, jekk dawk li opponewhom jiġu rxoxtati, se jkunu mmexxija mill-​istess Saltna.—Riv. 5:10.

5. Skont Ġwanni 15:19, in-​nies għala ma jirrispettawx lin-​nies taʼ Ġeħova?

5 Illum, xi nies ma jirrispettawx lin-​nies taʼ Ġeħova u jwaqqgħuhom għaċ-​ċajt, għax jaħsbu li huma injoranti u dgħajfin. Huma jaħsbu hekk għax m’għandniex l-​istess attitudni bħalhom. Nipprovaw inkunu umli u ubbidjenti. Filwaqt li n-​nies illum jammiraw lil dawk li huma kburin, arroganti, u ribellużi. Barra minn hekk, aħna ma niħdux sehem fil-​politika u ma ningħaqdux mal-​ebda armata. Għax aħna differenti, huma jaħsbu li aħna inferjuri.—Aqra Ġwanni 15:19; Rum. 12:2.

6. Ġeħova x’qed jgħin lill-​qaddejja tiegħu jwettqu?

6 Minkejja li n-​nies jaħsbu li aħna dgħajfin, Ġeħova qed jużana biex nagħmlu affarijiet kbar. Hu qed iwettaq l-​ikbar xogħol fid-​dinja, ix-​xogħol tal-​ippritkar. Il-​qaddejja tiegħu qed jipproduċu l-​iktar letteratura li tiġi mqassma u tradotta fid-​dinja. Ukoll, jużaw il-​Bibbja biex jgħinu miljuni taʼ nies itejbu ħajjithom. Ġeħova qed jagħmel dan possibbli! Hu qed juża nies li d-​dinja tqishom bħala dgħajfin. Imma xi ngħidu għal kull wieħed u waħda minna? Jistaʼ Ġeħova jgħinna nkunu b’saħħitna? Jekk iva, xi rridu nagħmlu biex nirċievu l-​għajnuna tiegħu? Ejja nikkunsidraw tliet affarijiet speċifiċi li nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tal-​appostlu Pawlu.

TISTRIEĦX FUQEK INNIFSEK

7. X’lezzjoni nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Pawlu?

7 Lezzjoni waħda li nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Pawlu hija din: Tistrieħx fuqek innifsek jew fl-​abbiltajiet tiegħek meta taqdi lil Ġeħova. Mill-​ħarsa tan-​nies, Pawlu kellu kull raġun biex ikun kburi u jistrieħ fuqu nnifsu. Hu trabba f’Tarsu, belt kapitali f’territorju Ruman. Tarsu kienet belt sinjura u kellha università famuża. Pawlu kellu edukazzjoni għolja, u hu kien mgħallem minn raġel jismu Gamaljel, l-​iżjed mexxej Lhudi li kien rispettat fi żmienu. (Atti 5:34; 22:3) U Pawlu f’dak iż-​żmien kien persuna importanti fost il-​Lhud taʼ madwaru. Tant li qal: “Kont qed nagħmel iktar progress fil-​Ġudaiżmu minn ħafna taʼ mpari fir-​razza tiegħi.” (Gal. 1:13, 14; Atti 26:4) Imma Pawlu ma straħx fuqu nnifsu.

Pawlu ra l-affarijiet tad-dinja li jidhru importanti “bħala qabda skart,” meta mqabblin mal-privileġġ li jsegwi lil Kristu (Ara paragrafu 8) *

8. Skont Filippin 3:8, Pawlu kif ħares lejn dak kollu li ħalla warajh, u għala ‘tgħaxxaq bid-​dgħjufijietʼ?

8 Pawlu kien lest li jħalli warajh affarijiet li n-​nies qisuhom importanti. Fil-​fatt, hu rrealizza li dak kollu li kellu qabel kien “bħala qabda skart.” (Aqra Filippin 3:8.) Pawlu esperjenza ħafna diffikultajiet għax ried isegwi lil Kristu. Il-​Lhud stess bdew jobogħduh. (Atti 23:12-​14) Għalkemm kellu ċittadinanza Rumana, hu ġie msawwat u mitfugħ il-​ħabs mir-​Rumani stess. (Atti 16:19-​24, 37) Irrealizza li ma kienx perfett u li kien diffiċli ħafna biex jagħmel dak li hu tajjeb. (Rum. 7:21-​25) Imma minflok ma ħalla lil dawk taʼ kontrih u n-​nuqqasijiet tiegħu jwaqqfuh, hu ‘tgħaxxaq bid-​dgħjufijiet.’ Għala? Għax setaʼ jara li Ġeħova għenu meta kien dgħajjef.—2 Kor. 4:7; 12:10.

9. Jekk għandna ċirkustanzi diffiċli u b’hekk inħossuna dgħajfin, xi rridu nagħmlu?

9 Jekk irridu nirċievu l-​għajnuna mingħand Ġeħova, ma rridux naħsbu li s-​saħħa fiżika, l-​edukazzjoni, it-​trobbija, u l-​flus jiddeterminaw kemm aħna taʼ valur għalih. Dawn l-​affarijiet mhumiex importanti għal Ġeħova biex jużana. Fil-​fatt, ħafna min-​nies taʼ Ġeħova mhumiex ‘għorrief, setgħanin, jew taʼ twelid nobbli.’ Minflok, Ġeħova ddeċieda li jagħżel “lid-​dgħajfin tad-​dinja.” (1 Kor. 1:26, 27) Allura, jekk m’għandekx l-​affarijiet li semmejna fil-​bidu tal-​paragrafu, int xorta tistaʼ taqdi lil Ġeħova. Minflok, qis iċ-​ċirkustanzi tiegħek bħala opportunità biex tara l-​għajnuna taʼ Ġeħova f’ħajtek. Jekk tibżaʼ minn dawk li jattakkaw it-​twemmin tiegħek, itlob lil Ġeħova biex jagħtik il-​kuraġġ biex titkellem dwar dak li temmen. (Efes. 6:19, 20) Jekk tbati minn mard fiżiku jew mentali, itlob lil Ġeħova biex jagħtik l-​għajnuna biex tagħmel dak kollu li tistaʼ fis-​servizz tiegħu. Kull darba li tara kif Ġeħova jgħinek, il-​fidi tiegħek tikber u int tissaħħaħ.

TGĦALLEM MILL-​EŻEMPJI TAL-​BIBBJA

10. Għala għandna nistudjaw l-​eżempji taʼ qaddejja leali mill-​Bibbja bħal dawk li huma msemmijin f’​Ebrej 11:32-34?

10 Pawlu kien jistudja l-​Kelma t’Alla b’mod regolari. B’hekk, tgħallem ħafna mill-​eżempji tal-​qaddejja leali taʼ Ġeħova. Meta kiteb lill-​Kristjani Ebrej, Pawlu qalilhom biex jaħsbu fuq dawn il-​qaddejja leali. (Aqra Ebrej 11:32-​34.) Ikkunsidra wieħed minn dawn il-​qaddejja. Is-​Sultan David kellu jbati persekuzzjoni mhux biss mill-​għedewwa tiegħu, imma anki minn dawk li xi darba kienu sħabu. Hekk kif nikkunsidraw l-​eżempju taʼ David, se naraw x’tgħallem Pawlu minnu. U kif aħna nistgħu nagħmlu l-​istess bħal Pawlu.

David ma beżax jiġġieled kontra Gulija avolja kien żgħir u ma kienx jidher b’saħħtu. David straħ fuq Ġeħova għax kien jaf li hu kien se jagħtih il-qawwa biex jirbaħ lil Gulija (Ara paragrafu 11)

11. David għala kien jidher dgħajjef? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

11 Gulija, li kien gwerrier b’saħħtu, qiesu dgħajjef lil David. U meta Gulija rah, beda jwaqqgħu għaċ-​ċajt. Dan għax Gulija kien ikbar, armat sew, u kien trenjat għal gwerra. Mill-​banda l-​oħra, David kien jidher dgħajjef għax kien iżgħar, mhux armat sew, u ma kienx trenjat għal gwerra. Imma fir-​realtà, hu kien b’saħħtu għax straħ fuq Ġeħova. Ġeħova kien li tah il-​qawwa biex ikun jistaʼ jegħleb lil Gulija.—1 Sam. 17:41-​45, 50.

12. David xi sfida oħra kellu jiffaċċja?

12 David kellu jiffaċċja sfida oħra li jistaʼ jkun ġegħlitu jħossu dgħajjef. B’lealtà David qeda lil Sawl, il-​wieħed li Ġeħova għamlu sultan taʼ Iżrael. Għall-​ewwel, is-​Sultan Sawl irrispettah lil David, imma iktar tard beda jgħir għalih. Sawl trattah ħażin lil David u anki pprova joqtlu.—1 Sam. 18:6-​9, 29; 19:9-​11.

13. David x’għamel meta s-​Sultan Sawl trattah b’mod inġust?

13 Minkejja li s-​Sultan Sawl trattah b’mod inġust, David xorta kompla jirrispetta lis-​sultan li Ġeħova għażel. (1 Sam. 24:6) Hu ma waħħalx f’Ġeħova għall-​affarijiet ħżiena li għamillu Sawl. Minflok, David straħ fuq Ġeħova għas-​saħħa li kellu bżonn biex jissaporti din il-​prova diffiċli.—Salm 18:1 u sopraskrizzjoni.

14. Bħal David, l-​appostlu Pawlu liema sitwazzjoni simili ffaċċja?

14 Bħal David, l-​appostlu Pawlu ffaċċja sitwazzjoni simili. L-​għedewwa tiegħu kienu b’saħħithom iktar minnu. Il-​mexxejja politiċi u reliġjużi taʼ żmienu kienu jobogħduh. Spiss ġie msawwat u mitfugħ il-​ħabs. Ukoll, kien trattat b’mod ħażin minn dawk li suppost kienu l-​ħbieb tiegħu, anki xi wħud fil-​kongregazzjoni kienu kontrih. (2 Kor. 12:11; Flp. 3:18) Imma Pawlu rebaħ lil dawk kollha li kienu kontrih. Kif? Hu kompla jipprietka minkejja l-​oppożizzjoni. Baqaʼ jħobb lill-​aħwa minkejja li ddiżappuntawh. U l-​iktar importanti, baqaʼ leali lejn Alla sal-​mewt. (2 Tim. 4:8) Hu rnexxielu jagħmel dan kollu, mhux għax straħ fuq l-​abbiltajiet tiegħu, imma għax straħ fuq Ġeħova.

Uri rispett u kun qalbek tajba maʼ dawk li ma jaqblux mat-tagħlim Kristjan tiegħek (Ara paragrafu 15) *

15. X’inhi l-​mira tagħna, u kif nistgħu nilħquha?

15 Qed tiffaċċja persekuzzjoni jew tgħajjir minn dawk tal-​iskola, tax-​xogħol, jew tal-​familja li mhumiex Xhieda? Ġieli ġejt ittrattat b’mod inġust minn xi ħadd fil-​kongregazzjoni? Jekk iva, ftakar fl-​eżempji taʼ David u Pawlu. Int dejjem tistaʼ tirbaħ il-​ħażin bit-​tajjeb. (Rum. 12:21) Ovvjament, meta n-​nies ikunu kontrina, m’aħniex ħa niġġieldu magħhom bħalma għamel David maʼ Gulija. Minflok, se nirbħu l-​ħażin billi nipprovaw ngħinuhom jitgħallmu dwar Ġeħova u l-​Bibbja. Inti tistaʼ tilħaq din il-​mira billi tuża l-​Bibbja biex twieġeb il-​mistoqsijiet tan-​nies, turi rispett u qalb tajba maʼ dawk li jittrattawk ħażin, u tagħmel it-​tajjeb maʼ kulħadd, anki mal-​għedewwa tiegħek.—Mt. 5:44; 1 Pt. 3:15-​17.

AĊĊETTA L-​GĦAJNUNA MINGĦAND OĦRAJN

16-17. Pawlu x’baqaʼ jiftakar?

16 Qabel ma l-​appostlu Pawlu sar dixxiplu taʼ Kristu, hu kien arroganti u ppersegwita lil dawk li segwew lil Ġesù. (Atti 7:58; 1 Tim. 1:13) Ġesù stess waqqaf lil Pawlu, li kien magħruf bħala Sawl, milli jattakka l-​kongregazzjoni Kristjana. Ġesù kellem lil Pawlu mis-​sema u għamieh. Biex jerġaʼ jibda jara, kellu bżonn l-​għajnuna taʼ dawk in-​nies li kien jippersegwita. B’umiltà, hu aċċetta l-​għajnuna minn dixxiplu jismu Ananija li għenu jerġaʼ jibda jara.—Atti 9:3-​9, 17, 18.

17 Iktar tard, Pawlu sar magħruf sewwa fil-​kongregazzjoni Kristjana, imma hu qatt ma nesa l-​lezzjoni li għallmu Ġesù meta kien sejjer lejn Damasku. Pawlu baqaʼ umli u dejjem aċċetta l-​għajnuna tal-​aħwa. Hu rrealizza li kienu t’għajnuna biex isaħħuh.—Kol. 4:10, 11.

18. Xi kultant, għala ma nkunux irridu naċċettaw l-​għajnuna mingħand oħrajn?

18 X’nistgħu nitgħallmu minn Pawlu? Meta l-​ewwel bdejna nassoċjaw max-​Xhieda taʼ Ġeħova, xtaqna għajnuna minn oħrajn għax konna nafu li kellna ħafna x’nitgħallmu. (1 Kor. 3:1, 2) Imma xi ngħidu għal-​lum il-​ġurnata? Jekk ilna fil-​verità u għandna ħafna esperjenza, lesti li naċċettaw għajnuna anki minn xi ħadd li għadu ġdid fil-​verità? Ma rridux ninsew li Ġeħova qed jużahom biex jgħinna. (Rum. 1:11, 12) Mela, jekk irridu nirċievu s-​saħħa mingħand Ġeħova, irridu naċċettaw l-​għajnuna mingħand l-​aħwa.

19. Pawlu għala rnexxielu jagħmel affarijiet tal-​għaġeb?

19 Pawlu għala għamel ħafna affarijiet tal-​għaġeb wara li sar Kristjan? Għax kien umli u straħ fuq Ġeħova. Hu kien fehem li ma kienx importanti minn fejn hi l-​persuna, kemm hi b’saħħitha, kemm għandha skola, jew kemm għandha flus. Jalla lkoll kemm aħna nimitaw lil Pawlu, billi (1) nistrieħu fuq Ġeħova, (2) nitgħallmu mill-​eżempji tal-​Bibbja, u (3) naċċettaw l-​għajnuna mingħand ħutna. Imbagħad, inħossuna kemm inħossuna dgħajfin, Ġeħova se jsaħħaħna!

GĦANJA 71 Aħna l-​armata taʼ Ġeħova!

^ par. 5 F’dan l-​artiklu se nagħtu ħarsa lejn l-​eżempju tal-​appostlu Pawlu. Se naraw li jekk inkunu umli, Ġeħova se jagħtina s-​saħħa meta nħossuna dgħajfin u meta jkollna bżonn nissaportu t-​twaqqigħ għaċ-​ċajt.

^ par. 1 ESPRESSJONI SPJEGATA: Aħna nistgħu nħossuna dgħajfin minħabba diversi raġunijiet. Jistaʼ jkun minħabba l-​imperfezzjoni, in-​nuqqas taʼ flus, il-​mard, jew għax aħna taʼ ftit skola. Minbarra dawn l-​affarijiet, dawk taʼ kontrina jipprovaw iġegħluna naħsbu li ma niswew għal xejn billi jgħidu affarijiet negattivi dwarna jew jattakkawna fiżikament.

^ par. 57 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Pawlu sejjer jipprietka u fuq il-​mejda hemm l-​iskrolli li kien juża meta kien Fariżew. Jistaʼ jkun li dawn ġew miktubin minn kittieba Griegi u Rumani. Hemm ukoll il-​filatteri (kaxxi żgħar tal-​ġild, b’siltiet mill-​Iskrittura fihom) li ma kinux iżjed importanti għalih fil-​ministeru Kristjan tiegħu.

^ par. 61 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Kollegi tax-​xogħol jipprovaw jisforzaw lil ħu jieħu sehem magħhom f’birthday party.