Kont Taf?
Ir-Rumani kienu se jħallu lil xi ħadd bħal Ġesù, li qatlu fuq iz-zokk, ikollu difna normali?
ĦAFNA jafu r-rakkont ta’ meta Ġesù ġie maqtul fuq iz-zokk bejn żewġ ħallelin. (Mt. 27:35-38) Però, xi nies jemmnu li l-Bibbja mhix korretta meta tgħid li l-ġisem taʼ Ġesù ġie preparat għad-difna u tpoġġa f’qabar.—Mk. 15:42-46.
Xi kritiċi tal-Evanġelji jiddubitaw jekk xi ħadd li kien jiġi msammar ma’ zokk kienx jitħalla jkollu difna normali, jiġifieri, jitpoġġa f’qabar. Minflok, huma jemmnu li dawn il-kriminali x’aktarx kienu jiġu trattati b’mod differenti. Il-ġurnalist Ariel Sabar, fir-rivista Smithsonian, spjega għala xi wħud jaħsbu hekk: “Il-mewt fuq is-salib kien kastig li kien jingħata lill-agħar nies fis-soċjetà. Xi esperti jgħidu li hu tad-daħq li xi wħud jaħsbu li r-Rumani kienu se jippermettu li dawn in-nies setaʼ jkollhom difna normali.” Ir-Rumani riedu jagħtu lil dawn il-kriminali mewta tal-mistħija. Għalhekk, spiss kienu jħalluhom imdendlin fuq iz-zokk biex jikluhom l-annimali salvaġġi. Wara dan, dak li jkun għad fadal minnhom kienu jitfgħuh ġo qabar ma’ katavri oħrajn.
Però, l-arkeoloġiċi sabu xi ħaġa differenti fil-fdalijiet taʼ xi Lhud li nqatlu b’dan il-mod. Fl-1968, sabu fdalijiet taʼ skeletru taʼ raġel li ġie msammar ma’ zokk bejn wieħed u ieħor fi żmien Ġesù. Dawn il-fdalijiet instabu ġo qabar taʼ familja Lhudija qrib Ġerusalemm. Il-fdalijiet kienu qegħdin ġo ossarju, jiġifieri, kaxxa li jintefaʼ l-għadam tal-mejtin ġo fiha. Fost il-fdalijiet kien hemm għadma taʼ għarqub. Din kienet imwaħħla ma’ njama b’musmar twil 11.5 ċentimetri. Sabar jgħid: “L-għarqub, li kien taʼ raġel jismu Yehochanan, jagħti prova li r-rakkonti tal-Evanġelji li jgħidu li Ġesù tpoġġa ġo qabar jistgħu jkunu veri. L-għarqub tiegħu hu eżempju taʼ raġel li ġie msallab fi żmien Ġesù u li r-Rumani ħallewh ikollu difna normali bħal-Lhud.”
Din l-għadma tal-għarqub qajmet ideat oħra dwar kif Ġesù ġie mdendel fuq iz-zokk. Imma jidher ċar li xi kriminali li mietu fuq iz-zokk kellhom difna normali u mhux ġew mitfugħin ġo qabar ma’ katavri oħrajn. Mela, meta l-Bibbja tgħid li Ġesù tpoġġa ġo qabar, dan hu veru. Dak li sabu l-arkeoloġiċi jikkonferma dak li tgħid il-Bibbja.
Imma l-iktar ħaġa importanti hi li Ġeħova kien ipprofetizza li Ġesù kien se jindifen ġo qabar taʼ raġel sinjur, u ħadd ma jistaʼ jwaqqaf lil Ġeħova milli jwettaq dak li jgħid.—Is. 53:9; 55:11.