Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 27

“Ittama f’Ġeħova”

“Ittama f’Ġeħova”

“Ittama f’Ġeħova; kun kuraġġuż u qawwi qalbek.” —SALM 27:14.

GĦANJA 128 Nissaportu sat-​tmiem

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. (a) Ġeħova x’tama tana? (b) Xi jfisser li ‘nittamaw f’Ġeħova’? (Ara “Espressjoni Spjegata.”)

 ĠEĦOVA ta tama sabiħa lil dawk kollha li jħobbuh. Dalwaqt hu se jneħħi għalkollox il-​mard, id-​dwejjaq, u l-​mewt. (Riv. 21:3, 4) Se jgħin “lill-​ġwejdin” li qed jittamaw fih biex ibiddlu d-​dinja f’ġenna. (Salm 37:9-​11) U se jagħmilha possibbli għal kull wieħed u waħda minna biex ikollna ħbiberija kbira miegħu li se tkun ħafna isbaħ minn dik li qed ingawdu miegħu bħalissa. X’tama mill-​isbaħ għandna! Imma x’jikkonvinċina li l-​wegħdi t’Alla se jseħħu żgur? Għax hu dejjem iwettaq dak li jgħid, għalhekk għandna raġuni tajba biex ‘nittamaw f’Ġeħova.’ * (Salm 27:14) Aħna nagħmlu dan billi bil-​paċenzja u l-​ferħ nistennew lil Alla biex iwettaq il-​wegħdi tiegħu.—Is. 55:10, 11.

2. Ġeħova x’diġà għamel?

2 Ġeħova diġà wera li hu jżomm il-​wegħdi tiegħu. Aħseb dwar dan l-​eżempju. Fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, Ġeħova wiegħed li fi żmienna, hu kien se jiġbor nies minn kull ġens, tribù, u lingwa biex jaqduh f’unità. Illum, dan il-​grupp speċjali hu magħruf bħala ‘l-​folla l-​kbira.’ (Riv. 7:9, 10) Għalkemm f’dan il-​grupp hemm irġiel, nisa, u tfal minn madwar id-​dinja kollha, huma familja magħquda. (Salm 133:1; Ġw. 10:16) Huma żelużi wkoll fix-​xogħol tal-​ippritkar u dejjem lesti biex jaqsmu t-​tama li għandhom għal dinja aħjar maʼ dawk li lesti jisimgħu. (Mt. 28:19, 20; Riv. 14:6, 7; 22:17) Jekk inti tagħmel parti mill-​folla l-​kbira, bla dubju t-​tama tiegħek għal dinja aħjar hi prezzjuża ħafna għalik.

3. X’inhi l-​mira taʼ Satana?

3 Ix-​Xitan ma jridniex nittamaw għal futur aħjar. Il-​mira tiegħu hi li jġegħelna naħsbu li Ġeħova ma jimpurtahx minna u li mhux ser iżomm il-​wegħdi tiegħu. Jekk Satana jirnexxilu jisirqilna t-​tama tagħna se nħossuna skuraġġiti u nistgħu wkoll nieqfu naqdu lil Ġeħova. Kif se naraw, ix-​Xitan ipprova jisraq it-​tama li kellu Ġob u pprova jwaqqfu milli jkompli jaqdi lil Ġeħova.

4. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu? (Ġob 1:9-​12)

4 F’dan l-​artiklu se neżaminaw kif Satana pprova jġiegħel lil Ġob ma jibqax leali lejn Ġeħova. (Aqra Ġob 1:9-​12.) Se naraw ukoll x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġob u għala hu importanti niftakru li Ġeħova jħobbna u li se jwettaq il-​wegħdi tiegħu.

SATANA PPROVA JĠIEGĦEL LIL ĠOB JITLEF IT-​TAMA TIEGĦU

5-6. Ġob liema affarijiet ġrawlu f’daqqa?

5 Ġob kien qed igawdi ħajja mill-​aqwa. Hu kellu ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġeħova. Il-​familja tiegħu kienet kbira u magħquda, u Ġob kien sinjur ħafna. (Ġob 1:1-​5) Imma f’ġurnata waħda, Ġob kważi tilef kollox. L-​ewwel, mitulu l-​annimali kollha. (Ġob 1:13-​17) Imbagħad, it-​tfal tiegħu kollha li tant kien iħobb mietu wkoll. Aħseb ftit: Meta xi ġenituri jmutilhom tifel jew tifla waħda jħossuhom imkissrin. Immaġina l-​qatgħa, id-​disprament, u l-​uġigħ li ħassew Ġob u l-​mara tiegħu meta saru jafu li l-​għaxart itfal tagħhom mietu kollha. Mhux taʼ b’xejn li Ġob ċarrat il-​ħwejjeġ li kellu fuqu u ntefaʼ mal-​art!—Ġob 1:18-​20.

6 Imbagħad, Satana marrad lil Ġob b’marda taʼ wġigħ kbir u umiljanti. (Ġob 2:6-​8; 7:5) Qabel dan, in-​nies lil Ġob kienu jirrispettawh ħafna. Huma kienu jmorru għandu għall-​pariri. (Ġob 31:18) U issa bdew jevitawh. Ħutu, il-​ħbieb tal-​qalb, u anki l-​qaddejja tiegħu warrbuh!—Ġob 19:13, 14, 16.

Ħafna aħwa llum jistgħu jifhmu kif ħassu Ġob minħabba dak li għadda minnu (Ara paragrafu 7) *

7. (a) Ġob min ħaseb li kkaġunalu l-​uġigħ tiegħu, imma hu x’m’għamilx? (b) Kristjan kif jistaʼ jiffaċċja prova simili għal dik li qed naraw fl-​istampa?

7 Satana ried lil Ġob jemmen li hu kien qed ibati minħabba li Ġeħova kien irrabjat għalih. Pereżempju, Satana uża riħ qawwi biex iwaqqaʼ d-​dar fejn it-​tfal taʼ Ġob kienu qed jieklu flimkien. (Ġob 1:18, 19) Hu ġiegħel ukoll nar jinżel mis-​sema biex mhux biss jeqred l-​annimali kollha taʼ Ġob imma anki lill-​qaddejja li kienu jieħdu ħsiebhom. (Ġob 1:16) Minħabba li r-​riħ u n-​nar ġew mis-​sema, Ġob ħaseb li dawn kienu ġejjin mingħand Ġeħova. Għalhekk, hu beda jaħseb li għamel xi ħaġa li biha weġġaʼ lil Ġeħova. Minkejja dan, Ġob ma ħadhiex kontra Missieru tas-​sema. Hu ftakar li matul is-​snin Ġeħova tah ħafna affarijiet tajbin. Għalhekk, iddeċieda li jaċċetta wkoll l-​affarijiet ħżiena li ġrawlu. Ġob qal: “Ħa jkompli jkun imbierek isem Ġeħova.” (Ġob 1:20, 21; 2:10) Minkejja li Ġob kien tilef il-​ġid li kellu, it-​tfal, u anki saħħtu, hu baqaʼ leali lejn Ġeħova. Imma Satana pprova jagħmillu xi ħaġ’oħra.

8. Satana x’għamillu iktar lil Ġob?

8 Satana mbagħad uża tlett irġiel li taparsi kienu ħbieb taʼ Ġob biex iġegħluh iħossu ma jiswa għal xejn. Dawn l-​irġiel qalu li Ġob qed ibati minħabba li hu għamel ħafna affarijiet ħżiena. (Ġob 22:5-​9) Huma pprovaw ukoll iġiegħlu lil Ġob jemmen li minkejja li hu kien għamel ħafna affarijiet tajbin, Alla ma kienx jimpurtah mill-​isforzi li għamel. (Ġob 4:18; 22:2, 3; 25:4) Riduh jaħseb li Ġeħova ma jħobbux u li ma kienx ħa jieħu ħsiebu, u se jkun għal xejn li jibqaʼ jaqdih. Il-​kliem tagħhom setaʼ ġiegħel lil Ġob jaħseb li hu m’għandux tama f’ħajtu.

9. X’għen lil Ġob biex ikun kuraġġuż u sod?

9 Immaġina qed tara lil Ġob, bilqiegħda qalb l-​irmied għax qed jibki t-​telfa taʼ wliedu, u qed iħoss ħafna wġigħ. (Ġob 2:8) Il-​ħbieb tiegħu l-​ħin kollu jgħidulu li hu raġel ħażin u dak kollu li għamel ma jiswa għal xejn. Il-​provi li għaddej minnhom huma diffiċli ħafna għalih, u qalbu maqsuma minħabba li tilef it-​tfal tiegħu. Għall-​ewwel, Ġob ma jgħid xejn. (Ġob 2:13–3:1) Imma jekk dawn l-​irġiel li taparsi kienu l-​ħbieb tiegħu qed jaħsbu li Ġob se jitlaq lil Ġeħova, għandhom żball. F’ħin minnhom jistaʼ jkun li Ġob jgħolli rasu, iħares lejhom, u jgħidilhom: “Sakemm nieħu l-​aħħar nifs ma nwarrabx minni l-​integrità tiegħi!” (Ġob 27:5) X’għen lil Ġob biex ikun daqshekk kuraġġuż u sod minkejja t-​tbatija li kien għaddej minnha? Anki meta kien skuraġġit ħafna, Ġob baqaʼ jittama li Ġeħova kien se jgħinu. Hu kien jaf li anki jekk imut, Ġeħova kien se jirxoxtah.—Ġob 14:13-​15.

KIF NISTGĦU NIMITAW LIL ĠOB?

10. Ir-​rakkont taʼ Ġob x’jgħallimna?

10 Ir-​rakkont taʼ Ġob jgħallimna li Satana ma jistax jisforzana biex nitilqu lil Ġeħova u li Ġeħova jaf b’dak kollu li għaddejjin minnu. Dak li għadda minnu Ġob jistaʼ jgħinna wkoll nifhmu aħjar il-​kwistjonijiet involuti. Ejja naraw xi lezzjonijiet speċifiċi li nistgħu nitgħallmu minn Ġob.

11. Jekk inkomplu nafdaw f’Ġeħova, minn xiex nistgħu nkunu ċerti? (Ġakbu 4:7)

11 Ġob wera li jekk inkomplu nafdaw f’Ġeħova, aħna nistgħu nissaportu kwalunkwe prova u nirbħu lil Satana. Infatti, il-​Bibbja tgħidilna li x-​Xitan se jaħrab minna.—Aqra Ġakbu 4:7.

12. It-​tama tal-​irxoxt kif saħħet lil Ġob?

12 Irid ikollna fidi soda fit-​tama tal-​irxoxt. Bħalma rajna fl-​artiklu taʼ qabel dan, Satana spiss juża l-​biżaʼ mill-​mewt biex ma nibqgħux leali lejn Ġeħova. Fil-​każ taʼ Ġob, Satana qal li Ġob kien se jagħmel minn kollox biex isalva ħajtu, anki jieqaf jaqdi lil Ġeħova. Imma Satana kien żbaljat. Anki meta Ġob ħaseb li kien ser imut, hu baqaʼ leali lejn Ġeħova. Il-​fiduċja fil-​qalb tajba taʼ Ġeħova u t-​tama b’saħħitha li Ġeħova kien se jirranġa kollox għenu lil Ġob biex jibqaʼ jissaporti. Ġob kien konvint li anki jekk imut, Ġeħova kien se jirxoxtah fil-​futur. It-​tama tal-​irxoxt kienet reali għal Ġob. Jekk din it-​tama tkun reali għalina wkoll, anki meta jhedduna li se joqtluna se nibqgħu leali lejn Ġeħova.

13. X’nitgħallmu minn dak li Satana għamel lil Ġob?

13 Aħna rridu noqogħdu attenti ħafna għall-​gideb li Satana uża maʼ Ġob, għax illum għadu qed juża gideb simili. Innota x’qal Satana: “Raġel [mhux Ġob biss] jagħti kulma jkollu għal ruħu.” (Ġob 2:4, 5) Mela Satana qed jgħid li aħna mhux vera nħobbu lil Ġeħova u li biex insalvaw ħajjitna lesti li nitilquh. Barra minn hekk, Satana jgħid li Alla ma jħobbniex u ma jinnotax l-​isforzi li nagħmlu biex nogħġbuh. Imma peress li nafu x’inhu l-​iskop taʼ Satana, aħna ma nemmnux il-​gideb tiegħu.

14. Il-​provi x’jistgħu juru dwarna? Agħti eżempju.

14 Irridu nqisu l-​provi bħala opportunità biex nitgħallmu iktar dwarna nfusna. Il-​provi li ffaċċja Ġob għenuh jinduna b’xi dgħufijiet li kellu u jirranġahom. Pereżempju, hu nduna li kellu bżonn ikun iktar umli. (Ġob 42:3) Aħna wkoll nistgħu nitgħallmu ħafna dwarna nfusna meta nkunu għaddejjin minn prova. Ħu li jismu Nikolay, * li ġie mitfugħ fil-​ħabs minkejja li kellu problemi serji taʼ saħħa, jgħid: “Meta tmur il-​ħabs tkun qisek mort għal X-​ray. Il-​ħabs jurik liema kwalitajiet għandek taħdem fuqhom.” Meta nsiru nafu x’inhuma d-​dgħufijiet tagħna se nkunu nistgħu naħdmu biex nirranġawhom.

15. Minn min għandna nisimgħu, u għala?

15 Aħna rridu nisimgħu minn Ġeħova u mhux mill-​għedewwa tagħna. Ġob qagħad attent ħafna għal dak li qallu Ġeħova. Alla staqsa xi mistoqsijiet lil Ġob biex jgħinu jifhem kemm kien jimpurtah minnu. B’apprezzament għat-​tjubija taʼ Ġeħova, Ġob wieġbu b’umiltà. Hu qal: “B’widnejja smajt dwarek, imma issa narak b’għajnejja.” (Ġob 42:5) X’aktarx li Ġob kien għadu mal-​art qalb l-​irmied, ġismu mimli feriti, u kien għadu qed jibki lill-​għaxart itfal li mitulu. Minkejja dan, Ġeħova qallu li kien iħobbu u li kien kuntent bih.—Ġob 42:7, 8.

16. Skont Isaija 49:15, 16, x’għandna nżommu f’moħħna meta niffaċċjaw il-​provi?

16 Anki llum, in-​nies jistgħu jgħajruna u jittrattawna bħallikieku ma niswew għal xejn. Huma jipprovaw ikissru r-​reputazzjoni tagħna b’mod personali jew bħala organizzazzjoni, u jgħidu ‘kull xorta taʼ ħażen kontrina.’ (Mt. 5:11) Mir-​rakkont taʼ Ġob nitgħallmu li Ġeħova hu fiduċjuż li se nibqgħu leali lejh meta niffaċċjaw il-​provi. Ġeħova jħobbna u hu qatt mhu se jabbanduna lil dawk li jittamaw fih. (Aqra Isaija 49:15, 16.) Għalhekk, tagħtix kas il-​qlajjiet li jaqilgħu l-​għedewwa t’Alla. James, ħu mit-​Turkija li l-​familja tiegħu ffaċċjat provi diffiċli, jgħid: “Aħna rrealizzajna li meta toqgħod tismaʼ gideb dwar il-​poplu t’Alla jistaʼ jiskuraġġik. Għalhekk, iffokajna fuq it-​tama li għandna u bqajna żelużi fix-​xogħol taʼ Ġeħova. Dan għenna biex nibqgħu ferħanin.” Bħal Ġob, ejja noqogħdu attenti għal dak li jgħidilna Ġeħova! Imbagħad, il-​gideb tal-​għedewwa tagħna mhux se jisirqilna t-​tama tagħna.

IT-​TAMA TIEGĦEK SE SSAĦĦEK

Ġeħova ppremja lil Ġob talli baqaʼ leali. Hu u l-​mara tiegħu għexu ħajja sabiħa flimkien (Ara paragrafu 17) *

17. X’titgħallem mill-​eżempju taʼ rġiel u nisa leali li jissemmew f’​Ebrej kapitlu 11?

17 Ġob huwa biss wieħed mill-​qaddejja ta’ Ġeħova li baqgħu kuraġġużi u sodi meta ffaċċjaw provi diffiċli. Fl-​ittra tiegħu lill-​Ebrej, l-​appostlu Pawlu jirreferi għal ħafna oħrajn billi jsejħilhom “sħaba hekk kbira taʼ xhieda.” (Ebr. 12:1) Huma kollha għaddew minn provi diffiċli, imma matul ħajjithom baqgħu leali lejn Ġeħova. (Ebr. 11:36-​40) Il-​fatt li baqgħu jissaportu u ħadmu iebes kien għalxejn? Dażgur li le! Minkejja li f’ħajjithom ma rawx il-​wegħdi kollha taʼ Ġeħova jitwettqu, huma baqgħu jittamaw fih. U minħabba li kienu ċerti li Ġeħova jħobbhom, kienu konvinti li se jaraw il-​wegħdi jitwettqu. (Ebr. 11:4, 5) L-​eżempju tagħhom jistaʼ jsaħħaħ id-​determinazzjoni tagħna biex inkomplu nittamaw f’Ġeħova.

18. X’int determinat li tagħmel? (Ebrej 11:6)

18 Illum, aħna ngħixu f’dinja li sejra mill-​ħażin għall-​agħar. (2 Tim. 3:13) Satana għadu ma waqafx jgħaddi mill-​provi lill-​poplu t’Alla. Ikunu xi jkunu l-​isfidi li se jkollna, jalla nibqgħu determinati li nkomplu naħdmu iebes għal Ġeħova, konvinti li “qegħedna t-​tama tagħna f’Alla ħaj.” (1 Tim. 4:10) Ftakar li l-​mod kif Alla ppremja lil Ġob jagħti prova li “Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena.” (Ġak. 5:11) Jalla aħna wkoll nibqgħu leali lejn Ġeħova ċerti li se “jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.”—Aqra Ebrej 11:6.

GĦANJA 150 Fittex lil Alla biex jeħilsek

^ Meta naħsbu dwar xi ħadd li ssaporta provi diffiċli, spiss jiġina f’moħħna Ġob. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li għadda minnu dan ir-​raġel leali? Nitgħallmu li Satana ma jistax jisforzana biex nitilqu lil Ġeħova. Nitgħallmu wkoll li Ġeħova jkun jaf b’dak kollu li jiġrilna. U bħalma Ġeħova temm il-​provi taʼ Ġob, hu se jtemm il-​provi kollha tagħna. Jekk b’dak li nagħmlu nuru li aħna konvinti minn dan, aħna nkunu fost dawk li vera ‘jittamaw f’Ġeħova.’

^ ESPRESSJONI SPJEGATA: Il-​kelma bl-​Ebrajk tradotta għal “tittama” tfisser “tistenna għal” xi ħaġa li vera tkun tixtieq. Tistaʼ tagħti l-​idea wkoll li tafda f’xi ħadd jew tistrieħ fuqu.—Salm 25:2, 3; 62:5.

^ Xi ismijiet ġew mibdulin.

^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġob u l-​mara tiegħu ma jistgħux jemmnu li mietu t-​tfal tagħhom.

^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġob baqaʼ jissaporti l-​provi sal-​aħħar. Ġob u l-​mara tiegħu jaħsbu dwar il-​barkiet li Ġeħova ta lilhom u lill-​familja tagħhom.