Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 51

Ġeħova Jgħin lil Dawk li Huma Skuraġġiti

Ġeħova Jgħin lil Dawk li Huma Skuraġġiti

“Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.”SALM 34:18.

GĦANJA 30 Missieri, Alla tiegħi, u Ħabib

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Dwar xiex se nitkellmu f’dan l-​artiklu?

XI KULTANT forsi naħsbu kemm il-​ħajja hi qasira u ‘mimlija taħbit.’ (Ġob 14:1) Dan jaf iġegħelna nħossuna skuraġġiti. Ħafna mill-​qaddejja taʼ Ġeħova tal-​passat ħassewhom hekk. Xi wħud minnhom anki riedu jmutu. (1 Slat. 19:2-4; Ġob 3:1-3, 11; 7:15, 16) Imma Ġeħova dejjem inkuraġġiehom u saħħaħhom. Dak li għaddew minnu nkiteb fil-​Bibbja biex jinkuraġġina u nitgħallmu minnu.—Rum. 15:4.

2 F’dan l-​artiklu se nitkellmu dwar qaddejja taʼ Ġeħova li ffaċċjaw provi diffiċli. Dawn huma Ġużeppi t-​tifel taʼ Ġakobb, l-​armla Nagħomi u l-​mara tat-​tifel Rut, il-​Levita li kiteb Salm 73, u l-​appostlu Pietru. Ġeħova kif saħħaħhom? U x’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenzi tagħhom? It-​tweġibiet jaċċertawna li “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur [jew, “skuraġġiti”] isalvahom.”—Salm 34:18.

ĠUŻEPPI ESPERJENZA INĠUSTIZZJI ĦOROX

3-4. Xi ġralu Ġużeppi meta kien żagħżugħ?

3 Meta Ġużeppi kellu madwar 17-​il sena, kellu żewġ ħolmiet mingħand Alla. Dawn urew li Ġużeppi xi darba kellu jkun persuna importanti li l-​familja kellha tirrispetta. (Ġen. 37:5-10) Imma ftit wara li Ġużeppi kellu dawn iż-​żewġ ħolmiet, bdew jiġrulu affarijiet ħżiena. F’dak iż-​żmien, ħutu ma rrispettawh xejn u bigħuh bħala skjav. Wara ftit żmien, spiċċa skjav fid-​dar taʼ uffiċjal Eġizzjan jismu Potifar. (Ġen. 37:21-28) Il-​ħajja taʼ Ġużeppi nbidlet kompletament fi ftit żmien. Hu ma kienx għadu fid-​dar maʼ missieru li kien iħobbu ħafna. Hu sar sempliċement skjav fl-​Eġittu, jaħdem għal raġel li ma kienx jaf lil Ġeħova.—Ġen. 39:1.

4 Imbagħad, l-​affarijiet għal Ġużeppi komplew imorru għall-​agħar. Il-​mara taʼ Potifar akkużat lil Ġużeppi li hu prova jistupraha. Potifar ma provax jara jekk kienx veru. Minflok, hu tefaʼ lil Ġużeppi fil-​ħabs fejn ġie marbut bil-​ktajjen. (Ġen. 39:14-20; Salm 105:17, 18) Aħseb ftit dwar kif setaʼ ħassu Ġużeppi meta ġie akkużat b’mod falz li prova jistupra lil xi ħadd u minħabba l-​isem ħażin li setaʼ ġab fuq Ġeħova. Mhux taʼ b’xejn Ġużeppi ħassu skuraġġit!

5. Ġużeppi x’għamel biex jibqaʼ pożittiv?

5 Waqt li Ġużeppi kien skjav u meta kien fil-​ħabs, hu ma setaʼ jagħmel xejn biex ibiddel iċ-​ċirkostanzi tiegħu. X’għenu biex jibqaʼ pożittiv? Minflok ma qagħad jaħseb dwar dak li ma setax jagħmel, hu ffoka fuq dak li kellu jagħmel. Imma l-​iktar ħaġa importanti għal Ġużeppi kienet li dejjem jogħġob lil Ġeħova. U għalhekk, Ġeħova bierek dak kollu li Ġużeppi għamel.—Ġen. 39:21-​23.

6. Ġużeppi kif setaʼ ħassu inkuraġġit bil-​ħolm tiegħu?

6 Ġużeppi jistaʼ jkun li ħassu inkuraġġit ukoll meta ħaseb dwar il-​ħolm li Ġeħova kien tah fil-​passat. Il-​ħolm wera li hu kien se jerġaʼ jara lill-​familja tiegħu u li s-​sitwazzjoni tiegħu kienet se tmur għall-​aħjar. U hekk ġara! Meta Ġużeppi kellu madwar 37 sena, il-​ħolm tiegħu beda jitwettaq b’mod tal-​għaġeb!—Ġen. 37:7, 9, 10; 42:6, 9.

7. Skont l-​1 Pietru 5:10, x’se jgħinna nissaportu l-​provi?

7 X’nitgħallmu minn dan? Ir-​rakkont taʼ Ġużeppi jfakkarna li d-​dinja hi mill-​agħar u li n-​nies se jittrattawna ħażin. Anki xi ħadd mill-​aħwa jistaʼ jittrattana b’mod inġust. Imma jekk Ġeħova jkun il-​Blata, jew il-​Kenn tagħna, aħna m’aħniex ħa naqtgħu qalbna jew nieqfu naqduh. (Salm 62:6, 7; aqra l-​1 Pietru 5:10.) Ftakar ukoll li Ġużeppi kellu madwar 17-​il sena meta Ġeħova tah il-​ħolm. Dan jurina li Ġeħova għandu fiduċja fil-​qaddejja żgħażagħ tiegħu. Illum, ħafna żgħażagħ huma bħal Ġużeppi għax anki huma għandhom il-​fidi f’Ġeħova. Xi wħud minnhom spiċċaw fil-​ħabs b’mod inġust minħabba li baqgħu ubbidjenti lejn Alla.—Salm 110:3.

ŻEWĠ NISA LI GĦADDEW MINN ĦAFNA WĠIGĦ

8. Nagħomi u Rut minn xiex għaddew?

8 Minħabba ġuħ kbir f’pajjiżhom, Nagħomi u l-​familja tagħha telqu minn Ġuda u marru jgħixu f’art barranija jisimha Mowab. Ir-​raġel taʼ Nagħomi, Elimelek, miet u hi spiċċat waħedha b’żewġt itfal. Iktar tard, iż-​żewġt itfal tagħha żżewġu nisa Mowabin, Rut u Għorfa. Madwar għaxar snin wara, it-​tfal taʼ Nagħomi mietu u minħabba li ma kellhomx tfal, in-​nisa tagħhom spiċċaw waħedhom ukoll. (Rut 1:1-5) Immaġina minn xiex għaddew dawn it-​tliet nisa! Veru li Rut u Għorfa setgħu jerġgħu jiżżewġu, imma min kien se jieħu ħsieb lil Nagħomi li kienet kbira fl-​età? Nagħomi tant ħassitha ddisprata li qalet: “Issejħulix Nagħomi. Sejħuli Mâra, għax Dak li Jistaʼ Kollox sqieni ħafna mrar.” Wara dawn l-​esperjenzi taʼ ħafna wġigħ, Nagħomi ddeċidiet li tmur lura Betlem, u Rut marret magħha.—Rut 1:7, 18-20.

Alla wera lil Nagħomi u Rut li hu jistaʼ jgħin lill-​qaddejja tiegħu jegħlbu l-​iskuraġġiment u d-​dwejjaq. Jistaʼ jagħmel l-​istess għalik? (Ara paragrafi 8-13) *

9. Skont Rut 1:16, 17, 22, Rut kif għenet lil Nagħomi?

9 X’kien li għen lil Nagħomi? Kienet l-​imħabba. Pereżempju, Rut uriet imħabba leali lejn Nagħomi billi baqgħet magħha. (Aqra Rut 1:16, 17, 22.) Ukoll, f’Betlem, Rut ħadmet iebes biex tiġbor ix-​xgħir (barley) għaliha u għal Nagħomi. Minħabba dan kollu, kulħadd setaʼ jara li Rut kienet mara bieżla u qalbha tajba.—Rut 3:11; 4:15.

10. Ġeħova b’liema modi wera li kien jimpurtah mill-​foqra, bħalma kienu Nagħomi u Rut?

10 Lill-​Iżraelin, Ġeħova kien tahom liġi li wriet li hu kien jimpurtah mill-​foqra, bħalma kienu Nagħomi u Rut. Hu qal lin-​nies tiegħu biex fi żmien il-​ħsad iħallu ftit mad-​dawra tal-​għalqa biex b’hekk il-​foqra jkunu jistgħu jiġbruh. (Lev. 19:9, 10) Grazzi għal dan, Nagħomi u Rut setaʼ jkollhom x’jieklu mingħajr ma jittallbu għall-​ikel.

11-12. Bogħaż x’għamel għal Nagħomi u Rut biex ħassewhom ferħanin?

11 L-​għalqa fejn kienet tmur Rut, kienet taʼ raġel sinjur jismu Bogħaż. Hu tant kien impressjonat bl-​imħabba li Rut kellha għal Nagħomi li iktar tard iżżewwiġha. Ukoll, xtara lura l-​għalqa li kienet tal-​familja taʼ Nagħomi u li kieku setgħu jirtu t-​tfal taʼ Rut. (Rut 4:9-13) Imbagħad huma kellhom tifel u semmewh Għobed li maż-​żmien sar in-​nannu tas-​Sultan David.—Rut 4:17.

12 Immaġina l-​ferħ li ħasset Nagħomi meta kellha lil Għobed tarbija f’idejha u kemm irringrazzjat lil Ġeħova! Imma għal Nagħomi u Rut, il-​kbir għadu ġej. Aħseb kemm se jkunu ferħanin meta se jiġu rxoxtati u jkunu jafu li Ġesù Kristu, il-​Messija Mwiegħed, ġie min-​nisel taʼ Għobed!

13. X’nitgħallmu mir-​rakkont taʼ Nagħomi u Rut?

13 X’nitgħallmu minn dan? Li meta niffaċċjaw il-​provi, nistgħu nħossuna skuraġġiti, u anki mdejqin. Forsi naħsbu li l-​problemi tagħna qatt mhu se jispiċċaw. F’mumenti bħal dawn, irridu nafdaw kompletament f’Missierna tas-​sema u nibqgħu qrib l-​aħwa fil-​kongregazzjoni. Veru, Ġeħova mhux dejjem ineħħilna l-​problema. Pereżempju, hu ma ġabx lura r-​raġel u t-​tfal taʼ Nagħomi. Imma hu jgħinna nissaportu u xi kultant jistaʼ juża lill-​aħwa biex jgħinuna.—Prov. 17:17.

IL-​LEVITA LI KWAŻI WAQAF JAQDI LIL ĠEĦOVA

Il-​kittieb taʼ Salm 73 ħassu skuraġġit minħabba li dawk li ma kinux jaqdu lil Ġeħova kienu jidhru li kellhom ħajja aħjar minn tiegħu. Dan jistaʼ jiġri lilna wkoll (Ara paragrafi 14-16)

14. Il-​Levita għala ħassu skuraġġit ħafna?

14 Il-​kittieb taʼ Salm 73 kien Levita. Għalhekk, hu kellu l-​privileġġ li jaqdi fit-​tempju taʼ Ġeħova. Però, kien hemm żmien fil-​ħajja tiegħu fejn ħassu skuraġġit ħafna. Għala? Mhux għax ried jagħmel affarijiet ħżiena, imma għax beda jgħir għan-​nies li kienu jidhru li kellhom ħajja aħjar minn tiegħu. (Salm 73:2-9, 11-14) Kien jidher li kellhom kollox—il-​flus, ħajja komda, u inkwiet taʼ xejn. Meta l-​Levita ra dawn l-​affarijiet, ħassu skuraġġit ħafna u qal: “Żgur li għalxejn naddaft qalbi u li naħsel idejja fl-​innoċenza.” Dan setaʼ waqqfu milli jkompli jaqdi lil Ġeħova.

15. Skont Salm 73:16-19, 22-25, il-​Levita kif għeleb l-​iskuraġġiment?

15 Aqra Salm 73:16-19, 22-25. Il-​Levita kif għeleb l-​iskuraġġiment? Hu daħal “fis-​santwarju grandjuż t’Alla,” fejn setaʼ jqim lil Ġeħova m’oħrajn, ikun kalm, jaħseb sew, u jitlob dwar is-​sitwazzjoni. B’hekk, induna li l-​mod kif kien qed jaħsibha kien bla sens u li dan setaʼ jwasslu biex jitlef il-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. Hu fehem ukoll li l-​ħżiena qegħdin “fuq art tiżloq” u li din se twassalhom għal ħafna inkwiet. Biex ma jgħirx għan-​nies ħżiena u ma jibqax skuraġġit, il-​Levita kellu jkollu l-​istess ħarsa taʼ Ġeħova lejn l-​affarijiet. Meta għamel hekk, hu reġaʼ beda jħossu ferħan. Hu qal hekk dwar Ġeħova: “Ħliefek m’għandi ebda għaxqa oħra fuq l-​art.”

16. X’nistgħu nitgħallmu mil-​Levita?

16 X’nitgħallmu minn dan? Qatt m’għandna ngħiru għan-​nies ħżiena li forsi jidhru li jgħixu ħajja sabiħa. Il-​ferħ tagħhom hu temporanju u se jispiċċa, u huma mhux se jgħixu għal dejjem. (Ekk. 8:12, 13) Jekk ngħiru għalihom, aħna se nħossuna skuraġġiti u nistgħu nitilfu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Mela, jekk xi darba tibda tħossok bħal-​Levita, agħmel dak li għamel hu. Obdi l-​pariri t’Alla li hu jtina bi mħabba, u agħmilha maʼ dawk li jagħmlu r-​rieda tiegħu. Meta tħobb lil Ġeħova iktar minn kull ħaġa oħra se jkollok il-​ferħ veru. U se tibqaʼ fit-​triq ‘tal-​ħajja vera.’—1 Tim. 6:19.

ID-​DGĦUFIJIET TAʼ PIETRU SKURAĠĠEWH

Meta naħsbu dwar l-​eżempju taʼ Pietru nistgħu ngħinu lilna nfusna jew lil oħrajn biex ma jibqgħux skuraġġiti, u jkomplu jaqdu lil Alla (Ara paragrafi 17-19)

17. Pietru għala ħassu skuraġġit?

17 Pietru kien raġel żeluż, però, xi kultant qal jew għamel affarijiet mingħajr ma ħasibhom u wara kien jiddispjaċih. Pereżempju, meta Ġesù qal lill-​appostli li kien se jbati u jmut, Pietru qallu: “Żgur li mhux se jiġrilek dan.” (Mt. 16:21-23) Ġesù mbagħad ikkoreġa lil Pietru. Meta folla nies ġew biex jarrestaw lil Ġesù, Pietru aġixxa mingħajr ma ħasibha u lill-​ilsir tal-​qassis il-​kbir qatagħlu widintu. (Ġw. 18:10, 11) Ġesù reġaʼ kkoreġieh. Barra minn hekk, Pietru kien ftaħar li kieku l-​appostli l-​oħra kellhom jitilqu lil Ġesù, hu qatt ma kien se jagħmel hekk! (Mt. 26:33) Imma Pietru ma kienx b’saħħtu daqskemm ħaseb. Iktar tard dak il-​lejl, hu beżaʼ ħafna u qal li ma kienx jaf lil Ġesù tliet darbiet. Iddispjaċut għall-​aħħar, Pietru “ħareġ barra u beka biki taʼ mrar.” (Mt. 26:69-75) X’aktarx hu ddubita jekk Ġesù qattx kien se jaħfirlu.

18. Ġesù kif għen lil Pietru biex ma jibqax iħossu skuraġġit?

18 Imma Pietru ma ħalliex l-​iskuraġġiment iwaqqfu milli jaqdi lil Ġeħova. Wara dak l-​iżball, hu kompla jaqdi lil Ġeħova mal-​appostli. (Ġw. 21:1-3; Atti 1:15, 16) X’għenu biex iħossu aħjar? Hu ftakar li iktar qabel Ġesù kien talab għalih biex il-​fidi tiegħu ma tonqosx u biex isaħħaħ lil ħutu. Ġeħova wieġeb it-​talba taʼ Ġesù. Iktar tard, Ġesù deher lil Pietru, x’aktarx biex jinkuraġġih. (Lq. 22:32; 24:33, 34; 1 Kor. 15:5) Apparti minn hekk, Ġesù deher ukoll lill-​appostli wara li kienu ilhom jistadu lejl sħiħ u ma qabdu xejn. Hemmhekk, Ġesù ta lil Pietru l-​opportunità biex jurih kemm kien iħobbu. Ġesù ħafer lill-​ħabib tal-​qalb tiegħu u tah iktar xogħol.—Ġw. 21:15-17.

19. Salm 103:13, 14, x’jgħallimna dwar Ġeħova meta niżbaljaw?

19 X’nitgħallmu minn dan? Li Ġesù lest li jaħfer bħal Missieru. Mela, meta niżbaljaw qatt m’għandna naħsbu li Ġeħova mhux se jaħfrilna. Ftakar li Satana jridna naħsbu hekk. Imma aħna rridu naħsbu sew kemm Ġeħova jħobbna, jifhem il-​limitazzjonijiet tagħna, u jrid jaħfrilna. U aħna rridu nimitaw lilu meta oħrajn jagħmlu affarijiet li jweġġgħuna.—Aqra Salm 103:13, 14.

20. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

20 L-​eżempji taʼ Ġużeppi, Nagħomi u Rut, il-​Levita, u l-​appostlu Pietru jaċċertawna li “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma.” (Salm 34:18) Xi kultant hu jippermetti li niffaċċjaw il-​provi u nħossuna skuraġġiti. Però, meta bl-​għajnuna taʼ Ġeħova jirnexxilna nissaportu l-​provi, il-​fidi tagħna tissaħħaħ. (1 Pt. 1:6, 7) Fl-​artiklu li jmiss se naraw kif Ġeħova jgħin lil uħud leali li jħossuhom skuraġġiti, forsi minħabba l-​imperfezzjonijiet tagħhom jew minħabba ċirkustanzi diffiċli.

GĦANJA 7 Ġeħova, is-​saħħa tagħna

^ par. 5 Ġużeppi, Nagħomi u Rut, il-​Levita, u l-​appostlu Pietru esperjenzaw affarijiet li ġegħluhom iħossuhom skuraġġiti. F’dan l-​artiklu se naraw kif Ġeħova inkuraġġiehom u saħħaħhom. Se nikkunsidraw ukoll x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tagħhom u mill-​mod kif Alla għenhom bi mħabba.

^ par. 56 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Nagħomi, Rut, u Għorfa mnikktin u skuraġġiti għax mietu l-​irġiel tagħhom. Rut u Nagħomi jifirħu maʼ Bogħaż minħabba t-​twelid taʼ Għobed.