Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 30

Apprezza li Int Tagħmel Parti mill-Familja taʼ Ġeħova

Apprezza li Int Tagħmel Parti mill-Familja taʼ Ġeħova

“Int għamiltu ftit inqas minn dawk li qishom allat, u bi glorja u ġmiel inkurunajtu.”—SALM 8:5.

GĦANJA 123 Sottomissjoni b’lealtà għall-​ordni teokratiku

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Meta naħsbu dwar l-​affarijiet li ħalaq Ġeħova, liema mistoqsija nistgħu nistaqsu?

META naħsbu dwar dak kollu li Ġeħova ħalaq, x’aktarx se nħossuna bħalma ħassu s-​salmista David, li talab hekk: “Meta nara s-​smewwiet tiegħek, għemil subgħajk, il-​qamar u l-​kwiekeb li int ħejjejt, x’inhu l-​bniedem mortali biex iżżommu f’moħħok, u bin il-​bniedem biex tieħu ħsiebu?” (Salm 8:3, 4) Bħal David, nistgħu nħossuna li m’aħna xejn ħdejn l-​istilel li ħalaq Ġeħova, u nibqgħu sorpriżi kif Ġeħova jinnotana. Però, se naraw kif Ġeħova kien jimpurtah mill-​ewwel koppja, Adam u Eva, u kif hu għamilhom parti mill-​familja tiegħu.

2. Ġeħova x’riedhom jagħmlu lil Adam u Eva?

2 Adam u Eva kienu l-​ewwel żewġt itfal taʼ Ġeħova li ġew maħluqin minnu hawn fuq l-​art, u hu kien Missierhom tas-​sema. Ġeħova qalilhom: “Nisslu u oktru u imlew l-​art u rażżnuha.” (Ġen. 1:28) Hu ried li huma jkollhom it-​tfal u jieħdu ħsieb l-​art li tahom. Kieku obdew u għamlu dak li qalilhom Alla, kieku Adam, Eva, u t-​tfal tagħhom kienu se jibqgħu parti mill-​familja t’Alla għal dejjem.

3. Għala nistgħu ngħidu li lil Adam u Eva, Ġeħova tahom post importanti fil-​familja tiegħu?

3 Adam u Eva kellhom post importanti fil-​familja taʼ Ġeħova. F’​Salm 8:5, David qal hekk dwar il-​bniedem: “Int għamiltu ftit inqas minn dawk li qishom allat [jew, anġli], u bi glorja u ġmiel inkurunajtu.” Ġeħova ma ħalaqniex bl-​istess qawwa, intelliġenza, u abbiltajiet li għandhom l-​anġli. (Salm 103:20) Imma aħna “ftit inqas” mill-​anġli setgħanin. Meta toqgħod taħseb, mhux tal-​għaġeb dan? Meta Ġeħova ħalaq lill-​ewwel ġenituri tagħna, hu tahom ħajja mill-​isbaħ!

4. Xi ġralhom Adam u Eva minħabba li m’obdewx lil Ġeħova, u x’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

 4 B’dispjaċir, minħabba li Adam u Eva m’obdewx lil Alla, huma ma baqgħux jagħmlu parti mill-​familja tiegħu. Kif se naraw iktar tard f’dan l-​artiklu, dan ġab ħafna problemi lit-​tfal tagħhom. Imma l-​iskop taʼ Ġeħova ma nbidilx, u hu jixtieq li n-​nies ubbidjenti jkunu t-​tfal tiegħu għal dejjem. L-​ewwel, ejja naraw kif Ġeħova diġà wriena li aħna prezzjużi għalih. Imbagħad se niddiskutu x’nistgħu nagħmlu aħna biex nuru li rridu nkunu parti mill-​familja t’Alla. U fl-​aħħar, se naraw il-​barkiet li se jgawdu għal dejjem fuq l-​art it-​tfal ubbidjenti taʼ Ġeħova.

ĠEĦOVA KIF WERA LI AĦNA IMPORTANTI GĦALIH?

Ġeħova kif wera li aħna importanti għalih? (Ara paragrafi 5-11) *

5. Kif nistgħu nuru li napprezzaw li Alla ħalaqna bi kwalitajiet bħal tiegħu?

5 Ġeħova wera li aħna importanti għalih billi ħalaqna bi kwalitajiet bħal tiegħu. (Ġen. 1:26, 27) Minħabba li aħna maħluqin fix-​xbieha tiegħu, aħna nistgħu nuru l-​kwalitajiet sbieħ bħal tiegħu. Pereżempju, aħna nistgħu nuru kwalitajiet bħall-​imħabba, il-​ħniena, il-​lealtà, u l-​ġustizzja. (Salm 86:15; 145:17) Meta naħdmu biex ikollna dawn il-​kwalitajiet, aħna nagħtu tifħir lil Ġeħova u nuru li aħna napprezzaw dak li għamel għalina. Meta ngħixu ħajjitna kif jixtieq Missierna tas-​sema, se nkunu ferħanin. Ukoll, jekk ikollna l-​kwalitajiet li għandu hu, aħna nistgħu nkunu dawk in-​nies li hu jrid fil-​familja tiegħu.

6. Ġeħova kif wera li l-​bnedmin huma importanti għalih meta ħalaq id-​dinja?

6 Ġeħova pprepara dar speċjali għalina. Ħafna żmien qabel Ġeħova ħalaq il-​bniedem, hu ħalaq id-​dinja. (Ġob 38:4-​6; Ġer. 10:12) Minħabba li Ġeħova hu qalbu tajba u ġeneruż, hu ħalaq ħafna affarijiet tajbin biex jagħmilna ferħanin. (Salm 104:14, 15, 24) Meta ħaseb fuq dak li ħalaq, hu “ra li dan kien tajjeb.” (Ġen. 1:10, 12, 31) Ġeħova wera li l-​bniedem hu importanti għalih billi tah ir-​responsabbiltà biex jieħu ħsieb l-​affarijiet sbieħ kollha li ħalaq fuq l-​art. (Salm 8:6) Alla jrid li nies perfetti jieħdu ħsieb u jgawdu l-​ħolqien sabiħ tiegħu għal dejjem. Tirringrazzjah spiss lil Ġeħova għal din il-​wegħda sabiħa?

7. Ġożwè 24:15 kif jurina li għandna l-​libertà li nagħżlu x’nagħmlu f’ħajjitna?

7 Ġeħova tana l-​libertà. Aħna nistgħu nagħżlu dak li rridu nagħmlu fil-​ħajja tagħna. (Aqra Ġożwè 24:15.) Ġeħova jieħu pjaċir meta aħna nagħżlu li naqdu lilu. (Salm 84:11; Prov. 27:11) Aħna nistgħu nużaw din il-​libertà wkoll biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin oħrajn. Aħseb dwar kif Ġesù uża l-​libertà tiegħu.

8. Agħti eżempju taʼ kif Ġesù uża l-​libertà li kellu.

8 Aħna nistgħu nimitaw lil Ġesù billi npoġġu l-​interessi taʼ oħrajn qabel tagħna. Darba waħda, meta Ġesù u l-​appostli kienu għajjenin ħafna, fittxew post għall-​kwiet biex ikunu jistgħu jistrieħu imma ma rnexxilhomx. Folla nies sabithom, u xtaqu li Ġesù joqgħod jgħallimhom. Ġesù ma ddejjaqx, anzi hu tħassarhom. Allura x’għamel? Hu “beda jgħallimhom ħafna affarijiet.” (Mk. 6:30-​34) Meta nimitaw lil Ġesù billi nużaw l-​enerġija u l-​ħin tagħna biex ngħinu lil oħrajn, se nġibu tifħir lil Missierna tas-​sema. (Mt. 5:14-​16) U nuru lil Ġeħova li rridu nkunu parti mill-​familja tiegħu.

9. Liema rigal speċjali Ġeħova ta lin-​nies?

9 Ġeħova ħalaq lin-​nies bl-​abbiltà li jkollhom it-​tfal. Hu ta wkoll ir-​responsabbiltà lill-​ġenituri biex jgħallmu lit-​tfal tagħhom iħobbu u jaqdu lilu. Jekk int ġenitur, tapprezza dan ir-​rigal speċjali? Ġeħova lill-​anġli tahom ħafna abbiltajiet, però ma tahomx il-​privileġġ li jkollhom it-​tfal. Mela jekk int ġenitur, apprezza l-​privileġġ li għandek li tistaʼ trabbi t-​tfal. Il-​ġenituri ngħataw ir-​responsabbiltà importanti biex irabbu lit-​tfal tagħhom “fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efes. 6:4; Dt. 6:5-​7; Salm 127:3) Bħala għajnuna, l-​organizzazzjoni t’Alla tipprovdi ħafna għodda bbażata fuq il-​Bibbja, bħal pereżempju pubblikazzjonijiet, vidjows, mużika, u artikli online. Jidher ċar li Missierna tas-​sema u Ibnu jħobbu liż-​żgħażagħ u t-​tfal. (Lq. 18:15-​17) Meta l-​ġenituri jistrieħu fuq Ġeħova u jagħmlu l-​almu tagħhom biex jieħdu ħsieb lil uliedhom, Ġeħova jkun kuntent ħafna. Ġenituri bħal dawn jgħinu wkoll lit-​tfal tagħhom biex ikollhom it-​tama li jsiru parti mill-​familja taʼ Ġeħova għal dejjem.

10-11. Ġeħova x’għamel possibbli permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ibnu Ġesù?

10 Ġeħova ta l-​Iben prezzjuż tiegħu biex aħna nkunu nistgħu nerġgħu nsiru parti mill-​familja Tiegħu. Kif diġà semmejna f’ paragrafu 4, meta Adam u Eva m’obdewx lil Alla, ma setgħux jibqgħu parti mill-​familja tiegħu, u lanqas it-​tfal tagħhom. (Rum. 5:12) Adam u Eva ddeċidew li ma jobdux lil Alla, u għalhekk ma kienx ħaqqhom dan il-​privileġġ. Imma xi ngħidu għat-​tfal tagħhom? Ġeħova jħobbna, u għalhekk għamilha possibbli biex it-​tfal t’Adam u Eva li jkunu ubbidjenti lejh ikunu jistgħu jagħmlu parti mill-​familja tiegħu. Hu għamel dan permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ibnu l-​għażiż, Ġesù Kristu. (Ġw. 3:16; Rum. 5:19) Permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, Alla setaʼ jadotta bħala wliedu 144,000 bniedem leali.—Rum. 8:15-​17; Riv. 14:1.

11 Minn barra dawn hemm miljuni taʼ bnedmin ubbidjenti li qegħdin jagħmlu r-​rieda t’Alla. Huma jittamaw li jsiru parti mill-​familja tiegħu wara li jgħaddi t-​test finali fl-​aħħar tal-​Elf Sena. (Salm 25:14; Rum. 8:20, 21) Minħabba li għandhom din it-​tama, huma diġà jsejħu lil Ġeħova, ‘Missier.’ (Mt. 6:9) Dawk li se jiġu rxoxtati wkoll se jkollhom l-​opportunità li jitgħallmu dak li jridhom jagħmlu Ġeħova. U dawk li jagħżlu li jobduh se jsiru parti mill-​familja tiegħu wkoll.

12. Liema mistoqsija se nwieġbu?

12 Kif stajna naraw, Ġeħova diġà għamel ħafna affarijiet biex juri li aħna importanti għalih. Hu diġà adotta lill-​midlukin bħala t-​tfal tiegħu, u lil dawk tal-​“folla kbira” tahom it-​tama li jsiru t-​tfal tiegħu fid-​dinja l-​ġdida. (Riv. 7:9) X’nistgħu nagħmlu biex nuru lil Ġeħova li aħna rridu nkunu parti mill-​familja tiegħu għal dejjem?

URI LIL ĠEĦOVA LI INT TRID TKUN PARTI MILL-​FAMILJA TIEGĦU

13. X’nistgħu nagħmlu biex insiru parti mill-​familja t’Alla? (Marku 12:30)

13 Uri li tħobb lil Ġeħova billi taqdih b’qalbek kollha. (Aqra Marku 12:30.) Alla bi mħabba tana ħafna rigali, u wieħed mill-​ikbar rigali li tana hu li nistgħu naqdu lilu. Aħna nuru lil Ġeħova li nħobbuh billi ‘nobdu l-​kmandamenti tiegħu.’ (1 Ġw. 5:3) Wieħed mill-​kmandamenti li Ġeħova jridna nobdu hu l-​kmand li tana Ġesù, li nagħmlu dixxipli u ngħammduhom. (Mt. 28:19) Ġesù kkmandana wkoll biex inħobbu lil xulxin. (Ġw. 13:35) U lil dawk kollha li jobduh, Ġeħova jaċċettahom fil-​familja tiegħu.

14. Kif nistgħu nuru li nħobbu lill-​oħrajn? (Mattew 9:36-​38; Rumani 12:10)

14 Ħobb lil oħrajn. L-​imħabba hija l-​iktar kwalità importanti li għandu Ġeħova. (1 Ġw. 4:9, 10) Ġeħova ħabbna qabel aħna konna nafuh. (1 Ġw. 4:9, 10) Aħna nimitawh billi nuru li nħobbu lil oħrajn. (Efes. 5:1) Wieħed mill-​aħjar modi kif nistgħu nuru li nħobbu lin-​nies hu billi ngħinuhom jitgħallmu dwar Ġeħova waqt li baqaʼ ċ-​ċans. (Aqra Mattew 9:36-​38.) Meta ngħinuhom, huma jistgħu jitgħallmu x’għandhom jagħmlu biex isiru parti mill-​familja t’Alla. Wara li persuna titgħammed, aħna rridu nibqgħu nħobbuha u nirrispettawha. (1 Ġw. 4:20, 21) Kif nagħmlu dan? Eżempju wieħed hu meta persuna tkun għamlet xi ħaġa li ma nkunux nistgħu nifhmu għala għamlitha. Aħna mhux se naħsbu ħażin dwarha, għax ikollna fiduċja fiha. Minflok, nuruha li hi importanti għalina.—Aqra Rumani 12:10; Flp. 2:3.

15. Maʼ min għandna nuru ħniena u qalb tajba?

15 Uri ħniena u qalb tajba ma’ kulħadd. Jekk irridu nkunu parti mill-​familja taʼ Ġeħova għal dejjem, irridu napplikaw f’ħajjitna dak li nitgħallmu mill-​Kelma tiegħu. Pereżempju, Ġesù għallimna li rridu nuru ħniena u qalb tajba anki mal-​għedewwa tagħna. (Lq. 6:32-​36) Xi kultant, dan jistaʼ jkun diffiċli għalina. Jekk insibuha diffiċli, irridu nitgħallmu naħsbu u naġixxu bħal Ġesù. Jekk nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nobdu lil Ġeħova u nimitaw lil Ġesù, se nuru lil Missierna tas-​sema li aħna rridu nkunu parti mill-​familja tiegħu għal dejjem.

16. X’għandna nagħmlu biex ma nġibux tmaqdir fuq il-​familja taʼ Ġeħova?

16 Oqgħod attent li ma ġġibx tmaqdir fuq il-​familja taʼ Ġeħova. Ejja nġibu eżempju taʼ żewġ aħwa. Normalment, iż-​żgħir jimita lil ħuh il-​kbir. Jekk it-​tifel il-​kbir japplika l-​prinċipji tal-​Bibbja fil-​ħajja tiegħu, hu se jkun t’eżempju tajjeb għal ħuh iż-​żgħir. Imma jekk il-​kbir jagħmel affarijiet ħżiena, iż-​żgħir jistaʼ jkun li jagħmel bħalu. Dan jistaʼ jiġri wkoll fil-​familja taʼ Ġeħova. Jekk Kristjan li kien leali jsir apostat jew jagħmel affarijiet immorali, oħrajn jistgħu jitħajru minnu u jibdew jagħmlu affarijiet ħżiena wkoll. Dawk li jagħmlu hekk iġibu tmaqdir fuq il-​familja taʼ Ġeħova. (1 Tess. 4:3-​8) Aħna m’għandniex nimitaw eżempji ħżiena u ma rridu nħallu xejn li jagħmel il-​ħsara lill-​ħbiberija li għandna maʼ Missierna kollu mħabba.

17. Liema raġunar irridu nevitaw, u għala?

17 Afda f’Ġeħova u mhux fl-​affarijiet materjali. Ġeħova jwegħedna li hu se jipprovdilna l-​ikel, il-​ħwejjeġ, u saqaf fuq rasna jekk aħna npoġġu s-​Saltna l-​ewwel u ngħixu fi qbil mal-​livelli ġusti tiegħu. (Salm 55:22; Mt. 6:33) Meta nafdaw f’din il-​wegħda, aħna mhux se naħsbu li l-​affarijiet materjali li toffri d-​dinja se jipproteġuna jew se jagħmluna ferħanin. Nafu wkoll li aħna se jkollna moħħna mistrieħ biss jekk nagħmlu dak li jrid Ġeħova. (Flp. 4:6, 7) Anki jekk naffordjaw li nixtru ħafna affarijiet, irridu naraw jekk għandniex ħin u enerġija biex nużawhom u nieħdu ħsiebhom. Aħseb ftit: Jistaʼ jkun li qed issir tħobb l-​affarijiet materjali li għandek? Irridu niftakru li Ġeħova tana xogħol x’nagħmlu fil-​familja tiegħu. Għalhekk, ma rridu nħallu xejn ifixkilna. Bla dubju, aħna ma rridux inkunu bħal dak iż-​żagħżugħ sinjur fi żmien Ġesù. Hu tilef l-​opportunità li jaqdi lil Ġeħova u jkun wieħed mit-​tfal tiegħu minħabba li kellu qalbu marbuta mal-​affarijiet materjali!—Mk. 10:17-​22.

DAK LI SE JGAWDU GĦAL DEJJEM IT-​TFAL TAʼ ĠEĦOVA

18. Bnedmin ubbidjenti liema privileġġ u barkiet se jgawdu għal dejjem?

18 Bnedmin ubbidjenti se jgawdu l-​ikbar privileġġ, li jħobbu u jaqdu lil Ġeħova għal dejjem! Ukoll, dawk li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art se jieħdu ħsieb id-​dinja sabiħa li ħalaq Ġeħova biex tkun dar perfetta għalihom. Dalwaqt, is-​Saltna t’Alla se terġaʼ tagħmel l-​art ġenna. Ġesù se jsolvi l-​problemi kollha li nqalgħu minħabba li Adam u Eva ddeċidew li jitilqu l-​familja taʼ Ġeħova. Ġeħova se jirxoxta lil miljuni taʼ bnedmin u se jagħtihom l-​opportunità li jgħixu għal dejjem f’ħajja perfetta fuq art magħmula ġenna. (Lq. 23:42, 43) Meta l-​bnedmin li jkunu qed jaqdu lil Ġeħova jsiru perfetti, huma se jkollhom il-​‘glorja u l-​ġmiel’ li kiteb dwarhom David f’​Salm 8:5.

19. X’għandna nżommu f’moħħna?

19 Jekk inti tagħmel parti mill-​“folla kbira,” għandek tama mill-​isbaħ. Alla jħobbok u jridek li tkun parti mill-​familja tiegħu. Għalhekk, agħmel dak li tistaʼ biex togħġbu. Kuljum żomm f’moħħok u f’qalbek il-​wegħdi taʼ Alla. Apprezza l-​privileġġ li mhux biss tistaʼ taqdi lil Missierna tas-​sema issa, imma li tistaʼ wkoll taqdih għal dejjem!

GĦANJA 107 Il-​mudell divin tal-​imħabba

^ par. 5 Biex familja tkun ferħana, kulħadd għandu jkun jaf x’għandu jagħmel u kulħadd għandu jgħin. Il-​missier huwa l-​kap tal-​familja, u għalhekk bi mħabba hu jieħu ħsiebha. L-​omm tgħinu, u t-​tfal jobdu lill-​ġenituri. Dan hu simili għal dak li jiġri fil-​familja taʼ Ġeħova. Alla għandu skop għalina, u jekk aħna ngħixu ħajjitna fi qbil mal-​iskop tiegħu, nistgħu nkunu parti mill-​familja tiegħu għal dejjem.

^ par. 55 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġeħova ħalaqna bl-abbiltà li nimitaw il-kwalitajiet tiegħu. Koppja qed jimitaw lil Alla billi juru l-imħabba lejn xulxin u lejn it-tfal tagħhom. Huma jħobbu lil Ġeħova u juru li japprezzaw ir-rigal li tahom billi jgħallmu lit-tfal tagħhom iħobbuh u jaqdu lilu. Il-ġenituri qed juru vidjow lit-tfal tagħhom biex jispjegawlhom għala Ġeħova bagħat lil Ġesù biex imut għalina. Huma qed jgħallmuhom ukoll li fil-Ġenna tal-art, aħna se nieħdu ħsieb l-annimali u l-art għal dejjem.