Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 32

Ħallu mħabbitkom tikber u tiżdied

Ħallu mħabbitkom tikber u tiżdied

“Dan inkompli nitlob, li mħabbitkom tikber u toktor dejjem iżjed.”—FLP. 1:9.

GĦANJA 106 Nikkultivaw il-​kwalità tal-​imħabba

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Min għen biex tiġi fformata l-​kongregazzjoni f’Filippi?

META l-​appostlu Pawlu, Sila, Luqa, u Timotju waslu fil-​belt taʼ Filippi, huma sabu ħafna nies li kienu interessati fil-​messaġġ tas-​Saltna. Dawn l-​erbaʼ aħwa żelużi għenu biex tiġi fformata kongregazzjoni, u d-​dixxipli kollha bdew jiltaqgħu flimkien, x’aktarx fid-​dar taʼ oħt ospitabbli jisimha Lidja.—Atti 16:40.

2. Liema sfida ffaċċjat malajr din il-​kongregazzjoni?

2 Il-​kongregazzjoni ġdida malajr iffaċċjat sfida. Satana xewwex għedewwa tal-​verità li opponew bil-​kbir l-​attività tal-​ippritkar taʼ dawn il-​Kristjani leali. Pawlu u Sila ġew arrestati, imsawtin bil-​bsaten, u mitfugħin il-​ħabs. Wara li nħarġu mill-​ħabs, huma żaru lid-​dixxipli l-​ġodda u inkuraġġewhom. Imbagħad Pawlu, Sila, u Timotju telqu mill-​belt waqt li Luqa milli jidher baqaʼ hemm. X’kienet se tagħmel issa l-​kongregazzjoni li kienet għadha kif ġiet ifformata? Bl-​għajnuna tal-​ispirtu taʼ Ġeħova, l-​uħud ġodda li saru jemmnu komplew jaqdu lil Ġeħova biż-​żelu. (Flp. 2:12) Kellu raġun Pawlu jkun kburi bihom!

3. Bħalma hu mniżżel f’​Filippin 1:9-​11, Pawlu dwar xiex talab?

3 Xi għaxar snin wara, Pawlu kiteb ittra lill-​kongregazzjoni f’Filippi. Int u taqra din l-​ittra tistaʼ faċilment tinduna bl-​imħabba li Pawlu kellu għal ħutu. Hu kiteb: “Għandi xenqa kbira għalikom ilkoll bl-​affezzjoni tenera bħalma għandu Kristu Ġesù.” (Flp. 1:8) Hu qalilhom li talab għalihom. Talab lil Ġeħova jgħinhom jikbru u joktru fl-​imħabba, biex jaċċertaw ruħhom minn dak li hu iktar importanti, biex ikunu bla difett, biex jevitaw li jfixklu lil oħrajn, u biex ikomplu jkollhom frott ġust. Żgur li lkoll naqblu li nistgħu nibbenefikaw mill-​kliem sinċier taʼ Pawlu llum. Mela ejja naqraw x’kiteb lill-​Filippin. (Aqra Filippin 1:9-11.) Imbagħad se nikkunsidraw il-​punti li semma u niddiskutu kif nistgħu napplikaw kull wieħed minnhom.

IKBRU DEJJEM IŻJED FL-​IMĦABBA

4. (a) Skont l-​1 Ġwanni 4:9, 10, Ġeħova kif wera kemm iħobbna? (b) Kemm għandna nħobbuh lil Alla?

4 Ġeħova wriena kemm iħobbna billi bagħat lil Ibnu fid-​dinja biex imut għal dnubietna. (Aqra l-​1 Ġwanni 4:9, 10.) L-​imħabba bla egoiżmu t’Alla tqanqalna nħobbuh. (Rum. 5:8) Kemm għandna nħobbuh lil Alla? Ġesù wieġeb din il-​mistoqsija meta qal lil Fariżew: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.” (Mt. 22:36, 37) Aħna ma rridux li mħabbitna għal Alla tkun b’nofs qalb. Pjuttost irridu li mħabbitna tissaħħaħ kuljum. Pawlu qal lill-​Filippin li mħabbithom kellha tikber u tiżdied. X’nistgħu nagħmlu biex insaħħu mħabbitna għal Alla?

5. L-​imħabba tagħna kif tistaʼ tissaħħaħ?

5 Aħna għandna bżonn inkunu nafu lil Alla sabiex inħobbuh. Il-​Bibbja tgħid: “Min ma jħobbx ma sarx jaf lil Alla, għax Alla hu mħabba.” (1 Ġw. 4:8) L-​appostlu Pawlu spjega li aħna se nħobbu lil Ġeħova iżjed meta nitgħallmu l-​verità dwaru u nifhmu kif hu jqis l-​affarijiet. (Flp. 1:9) Meta bdejna nistudjaw il-​Bibbja, aħna żviluppajna mħabba għal Alla bbażata fuq għarfien limitat tal-​kwalitajiet meraviljużi tiegħu. Imbagħad iktar ma tgħallimna dwar Ġeħova, iktar saret b’saħħitha l-​imħabba tagħna għalih. Mhux taʼ b’xejn li nqisu l-​istudju regolari tal-​Bibbja u l-​meditazzjoni fuq il-​Kelma t’Alla bħala li huma fost l-​iktar affarijiet importanti f’ħajjitna!—Flp. 2:16.

6. X’nitgħallmu mill-​1 Ġwanni 4:11, 20, 21 dwar li jkollna iktar imħabba?

6 L-​imħabba kbira li Alla għandu għalina tqanqalna nħobbu lil ħutna. (Aqra l-​1 Ġwanni 4:11, 20, 21.) Aħna forsi naħsbu li l-​imħabba għal ħutna se tiġi b’mod naturali. Wara kollox, aħna nqimu lil Ġeħova u nistinkaw biex nimitaw il-​kwalitajiet mill-​aħjar tiegħu. Aħna nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù, li tant kienet kbira mħabbtu li ta ħajtu għalina. Iżda kultant għandna mnejn insibuha diffiċli biex nobdu l-​kmandament li nħobbu lil xulxin. Ikkunsidra eżempju fil-​kongregazzjoni taʼ Filippi.

7. X’nitgħallmu mill-​parir taʼ Pawlu lil Evodja u Sintike?

7 Evodja u Sintike kienu żewġ aħwa nisa żelużi li kienu qdew “spalla maʼ spalla” mal-​appostlu Pawlu. Madankollu, huma forsi ħallew differenzi personali jifirduhom. Fl-​ittra tiegħu lill-​kongregazzjoni fejn qdew dawn l-​aħwa, Pawlu semma b’mod speċifiku lil Evodja u Sintike u tahom parir ċar “biex ikunu taʼ l-​istess fehma.” (Flp. 4:2, 3) Ukoll, Pawlu ħass li kien hemm bżonn jgħid lill-​kongregazzjoni kollha: “Ibqgħu agħmlu kollox bla tgergir u argumenti.” (Flp. 2:14) Biċ-​ċar, il-​parir dirett taʼ Pawlu għen mhux biss lil dawn l-​aħwa nisa leali imma wkoll lill-​kongregazzjoni kollha sabiex isaħħu mħabbithom għal xulxin.

Aħna għala jeħtieġ li jibqaʼ jkollna ħarsa pożittiva dwar ħutna? (Ara paragrafu 8) *

8. X’jistaʼ jagħmilha diffiċli ħafna biex inħobbu lil ħutna, u x’jistaʼ jgħinna?

8 Kultant ikun diffiċli ħafna għalina li nħobbu lil ħutna, għax nagħmlu l-​istess bħal Evodja u Sintike, u niffokaw fuq l-​imperfezzjonijiet. Ilkoll kemm aħna niżbaljaw kuljum. Jekk niffokaw fuq l-​imperfezzjonijiet t’oħrajn, se jkun iktar diffiċli biex inħobbuhom. Pereżempju, jekk ħu jinsa biex jgħinna nnaddfu s-​Sala tas-​Saltna għandna mnejn nirritaw ruħna. Jekk imbagħad noqogħdu naħsbu fuq l-​iżbalji l-​oħrajn kollha li nafu li l-​ħu għamel, l-​irritazzjoni tagħna se tikber u mħabbitna lejh se tonqos. Jekk tinsab f’sitwazzjoni bħal din, ikun tajjeb li tirrifletti fuq dan il-​fatt: Ġeħova jara l-​imperfezzjonijiet tagħna kif ukoll dawk taʼ ħuna. Iżda minkejja dawn l-​imperfezzjonijiet, hu xorta jħobb lil ħuna u xorta jħobb lilna. Għal din ir-​raġuni, jeħtieġ li nimitaw l-​imħabba taʼ Ġeħova u jibqaʼ jkollna ħarsa pożittiva lejn ħutna. Meta naħdmu iebes biex inħobbu lil ħutna, aħna nsiru iżjed magħqudin.—Flp. 2:1, 2.

“DAK LI HU IKTAR IMPORTANTI”

9. X’hemm fost “dak li hu iktar importanti” li l-​appostlu Pawlu jsemmi fl-​ittra tiegħu lill-​Filippin?

9 L-​ispirtu qaddis nebbaħ lil Pawlu biex jgħallem lil dawk f’Filippi—u lill-​Kristjani kollha—biex ‘jaċċertaw ruħhom minn dak li hu iktar importanti.’ (Flp. 1:10) Dawn l-​affarijiet importanti jinkludu t-​taqdis tal-​isem taʼ Ġeħova, it-​twettiq tal-​iskopijiet tiegħu, u l-​paċi u l-​unità tal-​kongregazzjoni. (Mt. 6:9, 10; Ġw. 13:35) Meta nibnu ħajjitna madwar dawn l-​affarijiet importanti, aħna nuru li nħobbu lil Ġeħova.

10. X’għandna nagħmlu biex nitqiesu bla difett?

10 Pawlu qal ukoll li għandna ‘nkunu bla difett.’ Dan ma jfissirx li għandna nkunu perfetti. Aħna ma nistgħux inkunu kompletament bla difett bħalma hu Alla Ġeħova. Imma Ġeħova se jqisna bla difett jekk verament nagħmlu l-​aħjar tagħna biex inħobbu iżjed u naċċertaw ruħna minn dak li hu iktar importanti. Mod wieħed kif nuru mħabbitna hu billi nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nevitaw li nfixklu lil oħrajn.

11. Għala għandna nevitaw li nfixklu lil oħrajn?

11 L-​istruzzjoni biex nevitaw li nfixklu lil oħrajn hi serja ħafna. Kif għandna mnejn infixklu lil oħrajn? Nistgħu nagħmlu dan bl-​għażliet tagħna tad-​divertiment, tal-​ilbies, jew saħansitra tax-​xogħol. Dak li nagħmlu jistaʼ ma jkunx ħażin fih innifsu. Imma jekk l-​għażliet tagħna jweġġgħu l-​kuxjenza taʼ ħaddieħor u jitfixkel, din tkun ħaġa serja. Ġesù qal li jkun aħjar għalina jekk ġebla tqila tintrabat m’għonqna u nintefgħu l-​baħar milli kieku nfixklu lil waħda min-​nagħaġ tiegħu!—Mt. 18:6.

12. X’nitgħallmu mill-​eżempju taʼ koppja pijunieri?

12 Innota kif koppja li huma pijunieri applikaw dak li qal Ġesù. Huma qdew f’kongregazzjoni flimkien maʼ koppja mgħammdin ġodda li trabbew f’familji stretti, fejn ħafna affarijiet ma kinux permessi. Din il-​koppja ġdida kienu jemmnu li l-​Kristjani m’għandhomx imorru ċ-​ċinema—anke biex jaraw films moralment tajbin. Huma xxokkjaw ruħhom meta saru jafu li l-​koppja pijunieri marru jaraw film. Wara dan, il-​koppja pijunieri żammew lura milli jmorru ċ-​ċinema sakemm id-​dixxipli l-​ġodda setgħu jħarrġu l-​kuxjenza tagħhom biex ikunu iktar bilanċjati. (Ebr. 5:14) Billi ħasbu f’ħaddieħor, il-​koppja pijunieri wrew li kienu jħobbu lil ħuthom il-​ġodda mhux biss bil-​kliem imma bl-​għemil ukoll.—Rum. 14:19-​21; 1 Ġw. 3:18.

13. Aħna kif nistgħu nkunu l-​kaġun li xi ħadd jidneb?

13 Mod ieħor kif nistgħu nfixklu lil xi ħadd hu billi nkunu l-​kaġun li hu jidneb. Dan kif jistaʼ jiġri? Ejja nimmaġinaw din is-​sitwazzjoni. Wara ġlieda twila u diffiċli, student tal-​Bibbja fl-​aħħar ikun kapaċi jikkontrolla l-​vizzju tal-​alkoħol. Hu jirrealizza li għandu jaqtgħu għalkollox. Jagħmel progress mgħaġġel u jitgħammed. Iktar tard, ħu jistiednu għal get-​together u joffrilu l-​alkoħol. Hu jgħidlu: “Int Kristjan issa; għandek l-​ispirtu taʼ Ġeħova. Wieħed mill-​aspetti tal-​ispirtu qaddis hu r-​rażan. Jekk tikkontrolla lilek innifsek, għandek tkun kapaċi timmodera l-​alkoħol.” Aħna nistgħu biss nimmaġinaw xi jkunu l-​konsegwenzi kieku l-​ħu l-​ġdid kellu jismaʼ minn dak il-​parir ħażin!

14. Il-​laqgħat Kristjani kif jgħinuna napplikaw l-​istruzzjonijiet mogħtijin f’​Filippin 1:10?

14 Il-​laqgħat Kristjani tagħna jgħinuna napplikaw l-​istruzzjonijiet mogħtijin f’​Filippin 1:10 b’ħafna modi. L-​ewwel, l-​ikel spiritwali bnin ifakkarna f’dak li Ġeħova jqis bħala iktar importanti. It-​tieni, aħna nitgħallmu kif napplikaw dak li nitgħallmu biex b’hekk inkunu bla difett. U t-​tielet, aħna niġu motivati “għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin.” (Ebr. 10:24, 25) Iktar ma niġu inkuraġġiti minn ħutna, iktar se tikber imħabbitna għal Alla u għal ħutna. Meta nuru din l-​imħabba b’qalbna kollha, se nagħmlu verament l-​aħjar li nistgħu biex nevitaw li nfixklu lil ħutna.

KOMPLU ‘MTLEW BI FROTT ĠUST’

15. Xi jfisser li ‘nimtlew bi frott ġust’?

15 Pawlu talab bil-​qalb biex il-​Filippin ‘jimtlew bi frott ġust.’ (Flp. 1:11) Ċertament, dan il-​“frott ġust” inkluda mħabbithom għal Ġeħova u n-​nies tiegħu. Dan kien se jinkludi wkoll li jitkellmu maʼ oħrajn dwar il-​fidi tagħhom f’Ġesù u t-​tama sabiħa tagħhom. Filippin 2:15 juża tixbiha oħra, li hi, “qed tiddu bħala dawwala fid-​dinja.” Din l-​espressjoni tfakkarna li Ġesù sejjaħ lid-​dixxipli tiegħu “d-​dawl tad-​dinja.” (Mt. 5:14-​16) Ukoll, hu kkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli,’ u qal li kellhom ‘ikunu xhieda . . . sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.’ (Mt. 28:18-​20; Atti 1:8) Aħna ‘nimtlew bi frott ġust’ meta b’mod attiv nieħdu sehem f’dan l-​iktar xogħol importanti.

Waqt li Pawlu jinsab Ruma arrestat f’daru, hu jikteb l-​ittra tiegħu lill-​kongregazzjoni f’Filippi. Matul dak iż-​żmien, Pawlu jieħu l-​opportunità wkoll biex jipprietka lill-​gwardjani u lill-​viżitaturi. (Ara paragrafu 16)

16. Filippin 1:12-​14 kif juri li nistgħu niddu bħala dawwala anke f’ċirkustanzi taʼ sfida? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

16 Ikunu xi jkunu ċ-​ċirkustanzi tagħna, aħna nistgħu niddu bħala dawwala. Kultant, l-​affarijiet li jidhru li qed iżommuna lura milli nippritkaw jistgħu jsiru opportunità għalina biex nippritkaw. Pereżempju, l-​appostlu Pawlu kien Ruma arrestat f’daru meta kiteb l-​ittra tiegħu lill-​Filippin. Imma l-​ktajjen li kellu ma żammewhx lura milli jipprietka lill-​gwardjani u lill-​viżitaturi. Pawlu pprietka biż-​żelu f’dawn iċ-​ċirkustanzi, u dan ta lill-​aħwa fiduċja u kuraġġ “biex jitkellmu l-​kelma t’Alla bla biżaʼ.”—Aqra Filippin 1:12-14; 4:22.

Dejjem sib modi kif ikollok sehem sħiħ fil-​ministeru (Ara paragrafu 17) *

17. Xi aħwa kif jistgħu jibqgħu jippritkaw anke meta jkun diffiċli?

17 Ħafna aħwa għandhom l-​opportunità li jimxu fuq l-​eżempju kuraġġuż taʼ Pawlu. Huma joqogħdu f’pajjiżi fejn ma jistgħux jippritkaw bil-​libertà jew minn bieb għal bieb, allura jsibu modi oħra kif jippritkaw l-​aħbar tajba. (Mt. 10:16-20) F’pajjiż minnhom, indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet issuġġerixxa li kull pubblikatur jaħdem “it-​territorju” tiegħu taʼ ppritkar li jikkonsisti fi qraba, ġirien, studenti tal-​iskola, nies taʼ fuq ix-​xogħol, u nies li jaf. Fi żmien sentejn, in-​numru taʼ kongregazzjonijiet f’dak is-​circuit żdied b’mod sinifikanti. Forsi aħna noqogħdu f’pajjiż fejn nistgħu nippritkaw bil-​libertà. Madankollu, nistgħu nitgħallmu lezzjoni mill-​eżempju taʼ dawn l-​aħwa għaqlin: Dejjem sib modi kif ikollok sehem sħiħ fil-​ministeru, bil-​fiduċja li Ġeħova se jagħtik il-​qawwa li teħtieġ biex tegħleb kull tfixkil.—Flp. 2:13.

18. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

18 F’dan iż-​żmien storiku, għandna nkunu determinati biex napplikaw il-​parir imnebbaħ li nsibu fl-​ittra taʼ Pawlu lill-​Filippin. Aħna għandna naċċertaw ruħna minn dak li hu iktar importanti, inkunu bla difett, nevitaw li nfixklu lil oħrajn, u jkollna frott ġust. Imbagħad se nikbru u niżdiedu fl-​imħabba u nġibu unur lil Missierna kollu mħabba, Ġeħova.

GĦANJA 17 ‘Irrid żgur’

^ par. 5 Issa iktar minn qatt qabel jeħtieġ li nsaħħu l-​imħabba tagħna għal ħutna. L-​ittra lill-​Filippin tgħinna naraw kif nistgħu nikbru u noktru, jew niżdiedu, fl-​imħabba, anke meta niffaċċjaw l-​isfidi.

^ par. 54 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: Waqt li qed inaddaf is-​Sala tas-​Saltna, wieħed mill-​aħwa, Joe, jieqaf jitkellem maʼ ħu u ibnu. Dan idarras lil Mike, il-​ħu li qed inaddaf it-​tapit. Hu jaħseb, ‘Suppost li issa Joe qed inaddaf mhux jitkellem.’ Iktar tard, Mike jinnota kif Joe bil-​ħlewwa jgħin lil oħt anzjana. Din ix-​xena pożittiva tfakkar lil Mike biex jaħseb iżjed dwar il-​kwalitajiet tajbin taʼ ħuh.

^ par. 58 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: F’pajjiż fejn ix-​Xhieda ma jistgħux jippritkaw bil-​libertà, ħu jaqsam il-​messaġġ tas-​Saltna maʼ xi ħadd li jaf b’mod li ma jagħtix fl-​għajn. Wara, matul il-​brejk tax-​xogħol, il-​ħu jagħti xhieda lil wieħed li jaħdem miegħu.