Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 33

“Dawk li jisimgħuk” se jiġu salvati

“Dawk li jisimgħuk” se jiġu salvati

“Oqgħod attent il-​ħin kollu għalik innifsek u għat-​tagħlim tiegħek. Żomm maʼ dawn l-​affarijiet, għax jekk tagħmel dan issalva kemm lilek innifsek u kemm lil dawk li jisimgħuk.”—1 TIM. 4:16.

GĦANJA 67 Nippritkaw

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. X’nixtiequ lkoll għal tal-​familja?

“MINN meta tgħallimt il-​verità, xtaqt li tal-​familja kollha jkunu fil-​Ġenna tal-​art miegħi,” tgħid oħt jisimha Pauline. * “B’mod speċjali xtaqt li żewġi, Wayne, u t-​tifel żgħir tagħna jibdew jaqdu lil Ġeħova miegħi.” Għandek int uħud tal-​familja li għadhom ma sarux jafu u jħobbu lil Ġeħova? X’aktarx tħossok bħalma ħassitha Pauline.

2. X’mistoqsijiet se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

2 Aħna ma nistgħux nisforzaw lil tal-​familja biex jaċċettaw l-​aħbar tajba, imma nistgħu ngħinuhom ikunu jridu jisimgħu iktar u jaċċettaw il-​messaġġ tal-​Bibbja. (2 Tim. 3:14, 15) Għala għandna nagħtu xhieda lil tal-​familja? Għala għandna nuruhom empatija? X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil tal-​familja jsiru jħobbu lil Ġeħova bħalna? U dawk kollha fil-​kongregazzjoni kif jistgħu jgħinuna?

GĦALA GĦANDNA NAGĦTU XHIEDA LIL TAL-​FAMILJA?

3. Fi qbil mat-​2 Pietru 3:9, għala għandna nagħtu xhieda lil tal-​familja?

3 Dalwaqt, Ġeħova se jġib fi tmiem din is-​sistema. Dawk biss li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem” se jiġu salvati. (Atti 13:48) Aħna nqattgħu ħafna ħin u enerġija nippritkaw lil nies li ma nafux u li jgħixu fl-​inħawi tagħna. Għalhekk, nippritkaw ukoll lil tal-​familja biex huma jkunu jistgħu jaqdu lil Ġeħova magħna. Missierna taʼ mħabba Ġeħova “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-​indiema.”—Aqra t-​2 Pietru 3:9.

4. Xi żball għandu mnejn nieħdu meta nippritkaw lil tal-​familja?

4 Irridu nżommu f’moħħna li hemm mod tajjeb u mod ħażin kif naqsmu l-​messaġġ taʼ salvazzjoni. Pereżempju, għandu mnejn nitkellmu b’qalb tajba meta nippritkaw lil xi ħadd li ma nafux, imma forsi nkunu diretti ħafna meta nippritkaw lil tal-​familja.

5. X’għandna niftakru qabel ma nitkellmu dwar il-​verità maʼ tal-​familja?

5 Meta niftakru dwar l-​ewwel darba li pprovajna nagħtu xhieda lil tal-​familja, ħafna minna għandu mnejn jiddispjaċihom dwar il-​mod kif għamlu dan u jixtiequ li għamluh mod ieħor. L-​appostlu Pawlu ta l-​parir lill-​Kristjani: “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-​melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.” (Kol. 4:5, 6) Ikun tajjeb li niftakru dan il-​parir meta nitkellmu maʼ tal-​familja. Inkella, għandu mnejn inweġġgħuhom minflok ma ngħinuhom jisimgħuna.

X’NISTGĦU NAGĦMLU BIEX NGĦINU LIL TAL-​FAMILJA?

L-empatija u l-kondotta tiegħek jistgħu jagħtu l-akbar xhieda (Ara paragrafi 6-8) *

6-7. Agħti eżempju li juri għala għandna bżonn nuru empatija mar-​raġel jew il-​mara tagħna li ma taqdix lil Ġeħova.

6 Uri empatija. Pauline, li ssemmiet qabel, tgħid: “Għall-​ewwel, ridt nitkellem mar-​raġel tiegħi dwar Alla u l-​Bibbja biss. Qatt ma konna nitkellmu dwar affarijiet taʼ kuljum.” Però, żewġha ma kienx jaf ħafna dwar il-​Bibbja u ma kienx jifhem dwar xiex kienet qed titkellem Pauline. Għalih, kien jidher li martu kien moħħha biss fir-​reliġjon tagħha. Hu inkwieta li kienet qed tissieħeb maʼ setta perikoluża u li kienet qed tiġi mqarrqa.

7 Pauline tammetti li għal xi żmien kienet tqattaʼ ħafna ħin filgħaxijiet u fi tmiem il-​ġimgħa mal-​aħwa fil-​laqgħat, fil-​ministeru, u fil-​get-​togethers. Hi tgħid: “Ġieli Wayne kien jasal id-​dar u ma jsib lil ħadd u b’hekk ħassu waħdu.” M’għandniex dubju li hu mmissjahom lil martu u ibnu. Hu ma kienx jaf in-​nies li kienu qed ikunu magħhom, u kien jidher qisu l-​ħbieb il-​ġodda taʼ martu kienu saru iktar importanti għaliha minnu. Dan wassal lil Wayne biex jheddidha li se jiddivorzjaha. Tistaʼ tara modi kif Pauline setgħet uriet iktar empatija, jew provat tifhem aħjar kif ħassu żewġha?

8. Fi qbil mal-​1 Pietru 3:1, 2, x’inhi l-​iktar ħaġa li aktarx se tħalli impatt fuq tal-​familja?

8 Ħalli l-​kondotta titkellem għalik. Spiss, dak li tagħmel iħalli iktar impatt fuq tal-​familja minn dak li tgħid. (Aqra l-​1 Pietru 3:1, 2.) Pauline eventwalment irrealizzatu dan. Hi tgħid: “Jien kont naf li Wayne kien iħobbna u ma kienx veru li ried jiddivorzjani. Imma meta qalli hekk irrealizzajt li kelli nibda nagħmel l-​affarijiet li Ġeħova jgħid dwar iż-​żwieġ. Kien iktar importanti li nagħmel affarijiet tajbin milli nibqaʼ nippritkalu.” Pauline waqfet tisforza lil żewġha jitkellem dwar il-​Bibbja, u bdiet titkellem miegħu dwar affarijiet taʼ kuljum. Hu ra li hi kienet qed iżżomm il-​paċi iktar, u ra li l-​imġiba taʼ ibnu marret għall-​aħjar. (Prov. 31:18, 27, 28) Meta Wayne nnota l-​effett tajjeb li l-​messaġġ tal-​Bibbja kien qed ikollu fuq il-​familja tiegħu, hu kien iktar lest li jismaʼ u jaċċetta dak li tgħid il-​Kelma t’Alla.—1 Kor. 7:12-14, 16.

9. Għala għandna nibqgħu nipprovaw ngħinu lil tal-​familja?

9 Ibqaʼ pprova għin lil tal-​familja. Ġeħova tana l-​aqwa eżempju x’nimitaw. Għal “darba wara l-​oħra,” hu jagħti lin-​nies l-​opportunità li jisimgħu l-​aħbar tajba u jiksbu l-​ħajja. (2 Kron. 36:15) U l-​appostlu Pawlu qal lil Timotju biex jibqaʼ jgħin lil oħrajn. Għala? Għax billi jagħmel dan kien se jsalva lilu nnifsu u lil dawk li jisimgħuh. (1 Tim. 4:16) Aħna nħobbuhom lil tal-​familja, allura nixtiquhom ikunu jafu l-​veritajiet li jinsabu fil-​Kelma t’Alla. Wara xi żmien, il-​kliem u l-​azzjonijiet taʼ Pauline kellhom effett tajjeb fuq il-​familja tagħha. Hi issa għandha l-​ferħ li taqdi lil Ġeħova maʼ żewġha. It-​tnejn li huma jaqdu bħala pijunieri, u Wayne jaqdi bħala anzjan.

10. Għala għandna bżonn inkunu paċenzjużi?

10 Kun paċenzjuż. Meta ddeċidejna li nobdu lil Alla, aħna għamilna bidliet f’ħajjitna u fit-​twemmin tagħna. Jistaʼ jkun diffiċli għal tal-​familja biex jaċċettaw dawn il-​bidliet. Spiss, l-​ewwel ħaġa li jinnotaw hi li m’għadniex niċċelebraw festi reliġjużi magħhom u m’għadniex nieħdu sehem f’affarijiet tal-​politika. Għall-​bidu, xi wħud minnhom jaf ikunu rrabjati magħna. (Mt. 10:35, 36) Imma qatt m’għandna naqtgħu qalbna minnhom. Jekk nieqfu nipprovaw ngħinuhom jifhmu t-​twemmin tagħna, aħna nkunu fil-​fatt qed niġġudikaw li huma ma jistħoqqilhomx jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem. Ġeħova ma taniex ix-​xogħol li niġġudikaw, hu inkariga lil Ġesù biex jagħmel dan. (Ġw. 5:22) Jekk inkunu paċenzjużi, għandu mnejn li tal-​familja eventwalment ikunu lesti jisimgħu l-​messaġġ tagħna.—Ara l-​kaxxa “ Uża l-​websajt tagħna biex tgħallem.”

11-13. X’titgħallem mill-​mod kif Alice trattat mal-​ġenituri tagħha?

11 Kun sod imma uża t-​tattika. (Prov. 15:2) Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Alice. Hi tgħallmet dwar Ġeħova meta kienet qed tgħix f’pajjiż differenti minn tal-​ġenituri tagħha. Huma ma kinux jemmnu f’Alla u kienu mdaħħlin ħafna fil-​politika. Alice rrealizzat li kellha bżonn tgħidilhom minnufih dwar l-​affarijiet sbieħ li kienet qed titgħallem. Hi tgħid: “Jekk iddum biex tgħidilhom dwar dak li qed temmen u tagħmel, iktar jiħduha bi kbira.” B’hekk, kitbet ittri lill-​ġenituri li fihom staqsiethom x’jaħsbu mit-​tagħlim tal-​Bibbja dwar suġġetti li ttamat li jinteressawhom, bħas-​suġġett tal-​imħabba. (1 Kor. 13:1-13) Hi rringrazzjathom talli rabbewha u ħadu ħsiebha, u bagħtitilhom rigali. Meta kienet iżżurhom, kienet tagħmel kulma setgħet biex tgħin lil ommha fid-​dar. Għall-​ewwel, huma ma ħadux pjaċir meta Alice qaltilhom dwar it-​twemmin il-​ġdid tagħha.

12 Meta Alice kienet tkun id-​dar mal-​ġenituri tagħha, hi żammet mal-​iskeda tagħha tal-​qari tal-​Bibbja. “Dan għen lil ommi tifhem kemm kienet importanti għalija l-​Bibbja,” tgħid Alice. Sadattant, missierha ddeċieda li jitgħallem xi ħaġa dwar il-​Bibbja biex ikun jistaʼ jifhem għala bintu kienet inbidlet, u ried isib affarijiet x’jikkritika fil-​Bibbja. Hi tgħid: “Tajtu Bibbja, u fiha ktibtlu nota.” X’kien ir-​riżultat? Missierha ma sab xejn fuqiex setaʼ jikkritika l-​Kelma t’Alla. Minflok, dak li qara vera messlu qalbu.

13 Għandna bżonn inkunu sodi imma nużaw it-​tattika, anki jekk ikollna nissaportu l-​provi. (1 Kor. 4:12b) Alice, pereżempju, kellha tissaporti oppożizzjoni minn ommha. “Meta tgħammidt, ommi għajritni ‘tifla ħażina.’” X’għamlet Alice? “Minflok ma evitajt li nitkellem dwar ir-​reliġjon il-​ġdida tiegħi, jien bir-​rispett spjegajt li kont iddeċidejt li nsir waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u li ma kontx se nbiddel id-​deċiżjoni tiegħi. Jien aċċertajtha li kont inħobbha ħafna. It-​tnejn bkejna, u mbagħad sajjartilha ikla tajba. Minn dakinhar ’il quddiem, ommi bdiet tifhem li l-​Bibbja kienet qed tagħmilni persuna aħjar.”

14. Għala qatt m’għandna nħallu lil tal-​familja jbiddlulna d-​deċiżjoni tagħna li naqdu lil Ġeħova?

14 Għandu mnejn jieħu ż-​żmien qabel tal-​familja jifhmu għalkollox kemm hu importanti għalina li naqdu lil Ġeħova. Pereżempju, meta Alice ddeċidiet li ssir pijuniera minflok m’għażlet il-​karriera li riedu l-​ġenituri, ommha reġgħet ħaditha bi kbira. Imma Alice baqgħet soda. Hi tgħid: “Jekk tħallihom ibiddlulek id-​deċiżjoni tiegħek darba, il-​familja tiegħek x’aktarx li se jerġgħu jipprovaw darb’oħra. Imma jekk tkun qalbek tajba iżda sod maʼ tal-​familja, xi wħud għandu mnejn jisimgħu minnek.” Hi hekk ġralha. Issa l-​ġenituri tagħha huma pijunieri, u missierha anzjan.

DAWK KOLLHA FIL-​KONGREGAZZJONI KIF JISTGĦU JGĦINU?

Kif tistaʼ l-kongregazzjoni tgħin lill-membri tal-familja tagħna li mhumiex fil-verità? (Ara paragrafi 15-16) *

15. Fi qbil maʼ Mattew 5:14-16 u l-​1 Pietru 2:12, kif jistgħu “l-​għemejjel tajbin” t’oħrajn jgħinu lil tal-​familja?

15 Ġeħova juża “l-​għemejjel tajbin” tal-​qaddejja tiegħu biex jgħin lin-​nies jersqu lejh. (Aqra Mattew 5:14-16; 1 Pietru 2:12.) Jekk żewġek jew martek mhijiex waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, iltaqgħu huma mal-​membri tal-​kongregazzjoni tiegħek? Pauline, li ssemmiet qabel, stiednet lill-​aħwa f’darha biex żewġha, Wayne, isir jafhom. Hu jiftakar kif ħu għenu jifhem min verament huma x-​Xhieda: “Hu ħa ġurnata off biex jara logħba fuq it-​televixin miegħi. Irrealizzajt li huma nies normali.”

16. Għala għandna nistiednu lil tal-​familja għal-​laqgħat?

16 Mod eċċellenti kif ngħinu lil tal-​familja hu billi nistidnuhom jiġu magħna għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. (1 Kor. 14:24, 25) L-​ewwel laqgħa li Wayne attenda kienet it-​Tifkira għax kienet wara x-​xogħol u pjuttost qasira. “Ma fhimtx dwar xiex kienet it-​taħdita,” jgħid hu, “imma li impressjonani kienu n-​nies. Ġew fuqi, laqgħuni, u ħaduli b’idi. Stajt nara li kienu sinċieri.” Koppja waħda kienu diġà wrew qalb tajba maʼ Pauline, billi għenuha tieħu ħsieb it-​tifel waqt il-​laqgħat u fil-​ministeru. Għalhekk meta eventwalment Wayne ddeċieda li kellu bżonn jifhem iktar x’saret temmen Pauline, hu talab lil dan il-​ħu biex jistudja l-​Bibbja miegħu.

17. (a) Dwar xiex m’għandniex inwaħħlu fina nfusna? (b) Għala qatt m’għandna naqtgħu qalbna minn tal-​familja?

17 Aħna nixtiequ li tal-​familja jingħaqdu magħna f’li naqdu lil Ġeħova. Però, minkejja l-​isforzi kollha tagħna biex ngħinuhom isiru qaddejja t’Alla, huma għandu mnejn ma jiġux fil-​verità. Jekk dan hu l-​każ, m’għandniex inwaħħlu fina nfusna għad-​deċiżjoni tagħhom. Wara kollox, aħna ma nistgħu nisforzaw lil ħadd biex jaċċetta t-​twemmin tagħna. Xorta waħda, qatt tinsa x’effett jistaʼ jkollu fuq tal-​familja meta jarawk taqdi lil Ġeħova bil-​ferħ. Itlob għalihom. Tkellem magħhom bit-​tattika. Iżżommx lura! (Atti 20:20) Kun fiduċjuż li Ġeħova se jbierek l-​isforzi tiegħek. U jekk tal-​familja jagħżlu li jisimgħuk, huma se jsalvaw!

GĦANJA 57 Nippritkaw lil kull xorta taʼ bnedmin

^ par. 5 Aħna nixtiequ li tal-​familja jsiru jafu lil Ġeħova, imma huma għandhom jiddeċiedu jekk jaqduhx jew le. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw x’nistgħu nagħmlu biex nagħmluha eħfef għalihom biex jisimgħuna.

^ par. 1 Xi ismijiet ġew mibdulin. F’dan l-​artiklu t-​terminu “tal-​familja” jirreferi għall-​membri tal-​familja immedjata tagħna jew għall-​qraba li għadhom ma bdewx jaqdu lil Ġeħova.

^ par. 53 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu żagħżugħ jgħin lil missieru, li mhux Xhud, isewwi l-​karozza. F’ħin addattat, hu jurih vidjow minn fuq jw.org®.

^ par. 55 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: Oħt tismaʼ b’attenzjoni hekk kif żewġha, li ma jaqdix lil Ġeħova, jitkellem magħha dwar il-​ġurnata li kellu. Iktar tard, hi tqattaʼ ħin taʼ divertiment mal-​familja.

^ par. 57 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: L-​oħt tistieden xi aħwa mill-​kongregazzjoni tagħha f’darha. Huma qed jipprovaw isiru jafu lil żewġha. Iktar tard, hu jattendi t-​Tifkira maʼ martu.