Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ħa ma jintelqux idejk”

“Ħa ma jintelqux idejk”

“Ħa ma jintelqux idejk.”—SOFONIJA 3:16.

GĦANJIET: 81, 32

1, 2. (a) Ħafna nies illum liema tipi taʼ problemi għandhom, u x’inhu r-​riżultat? (b) Isaija 41:10, 13 liema tama żgura jagħti?

OĦT li hi pijuniera regulari u miżżewġa anzjan tgħid: “Għalkemm kelli u għad għandi rutina spiritwali tajba, jien ilni niġġieled mal-​ansjetà għal ħafna snin. Ma tħallinix norqod, teffettwali saħħti u l-​mod taʼ kif nittratta lil oħrajn. Xi kultant, din iġġegħelni nkun irrid inċedi.”

2 Tistaʼ tifhem kif qed tħossha din l-​oħt? B’dispjaċir, minħabba li qed ngħixu fid-​dinja mill-​agħar taʼ Satana, nesperjenzaw pressjoni kbira ħafna. U bħal ankra li żżomm dgħajsa milli tiċċaqlaq, l-​ansjetà tistaʼ ġġegħelna nħossuna mtaqqlin jew skuraġġiti. (Proverbji 12:25) Għala għandek mnejn tħossok ansjuż? Forsi tinsab imdejjaq minħabba l-​mewt taʼ xi ħadd maħbub jew qed tħabbat wiċċek maʼ marda serja jew persekuzzjoni. Jew tistaʼ tkun qed issibha diffiċli ħafna biex tieħu ħsieb il-​familja tiegħek minħabba li l-​ekonomija hi batuta ħafna. Hekk kif jgħaddi ż-​żmien, stress emozzjonali jistaʼ jġiegħel lis-​saħħa tiegħek tiddgħajjef u saħansitra jtelliflek il-​ferħ. Minkejja dan, int tistaʼ tkun ċert li Alla lest biex jgħinek.—Aqra Isaija 41:10, 13.

3, 4. (a) Il-​Bibbja kif tuża l-​kelma “id”? (b) X’jistaʼ jġiegħel lil idejna jintelqu?

3 Il-​Bibbja spiss tuża partijiet tal-​ġisem biex tiddeskrivi l-​kwalitajiet differenti jew l-​azzjonijiet taʼ persuna. L-​id, pereżempju, hi msemmija mijiet taʼ drabi. Meta l-​Bibbja tgħid li idejn xi ħadd issaħħew, tistaʼ tfisser li ġie inkuraġġit, hu b’saħħtu iktar, u lest biex jieħu azzjoni. (1 Samwel 23:16; Esdra 6:22) Tistaʼ tfisser ukoll li hu pożittiv u li hu għandu tama għall-​futur.

4 Drabi oħra, il-​Bibbja tiddeskrivi persuna li tħalli jdejha jintelqu. Dan jirreferi għal persuna skuraġġita jew li tilfet it-​tama. (2 Kronaki 15:7; Ebrej 12:12) Meta tkun għaddej minn stress jew tkun eżawrit jew tħoss li r-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova qed issir iktar dgħajfa, għandu mnejn tkun trid iċċedi. Fejn tistaʼ ssib inkuraġġiment? Kif tistaʼ tkun immotivat u msaħħaħ biex tissaporti u jkollok il-​ferħ?

“ID ĠEĦOVA MA QSARITX DAQSTANT LI MA TISTAX ISSALVA”

5. (a) Kif nistgħu nħossuna meta jkollna l-​problemi, imma x’għandna niftakru? (b) X’se niddiskutu?

5 Aqra Sofonija 3:16, 17. Meta jkollna l-​problemi, ma rridux nibżgħu u nsiru skuraġġiti, jew inħallu jdejna jintelqu. Missierna kollu mħabba, Ġeħova, jistidinna biex nitfgħu fuqu l-​ansjetajiet kollha tagħna. (1 Pietru 5:7) Ġeħova jieħu ħsiebna bħalma ħa ħsieb lill-​ġens tal-​Iżrael. Hu qalilhom li idu “ma qsaritx daqstant li ma tistax issalva.” Hu dejjem lest li jsalva lill-​qaddejja leali tiegħu. (Isaija 59:1) F’dan l-​artiklu se niddiskutu tliet eżempji Bibliċi li jispikkaw. Dawn juru x-​xewqa u l-​abbiltà li għandu Ġeħova biex isaħħaħ lill-​poplu tiegħu ħalli jagħmlu r-​rieda tiegħu minkejja diffikultajiet kbar. Ejja naraw kif dawn l-​eżempji jistgħu jsaħħu lilek.

6, 7. X’nistgħu nitgħallmu mir-​rebħa li kellhom l-​Iżraelin kontra l-​Għamalekin?

6 Ftit wara li ġew meħlusa mill-​jasar fl-​Eġittu, l-​Iżraelin ġew attakkati mill-​Għamalekin. Mosè qal lil Ġożwè, raġel kuraġġuż, biex imexxi lill-​Iżraelin għall-​battalja. Imbagħad, Mosè ħa lil Aron u Ħur lejn għolja fil-​viċin. Minn hemm, setgħu jaraw il-​kamp tal-​battalja. Kienu dawn it-​tlett irġiel qed jaħarbu mill-​battalja għax beżgħu? Żgur li le!

7 Mosè kien qed jimxi fuq pjan li għen lill-​Iżraelin jirbħu l-​battalja kontra l-​Għamalekin. F’idejh hu żamm il-​ħatar tal-​Alla l-​veru u għolliehom ’il fuq lejn is-​sema. Meta Mosè għamel hekk, Ġeħova ta l-​qawwa lill-​Iżraelin biex jiġġieldu kontra l-​Għamalekin. Madankollu, meta jdejn Mosè tqalu u bdew jintelqu ’l isfel, l-​Għamalekin bdew jirbħu. Minnufih, Aron u Ħur aġixxew biex jgħinu lil Mosè. “Ħadu ġebla u poġġewha taħtu, u hu qagħad bil-​qiegħda fuqha; u Aron u Ħur żammewlu idejh ’il fuq, wieħed din in-​naħa u l-​ieħor in-​naħa l-​oħra, u b’hekk idejh baqgħu sodi sakemm niżlet ix-​xemx.” Iva, bis-​saħħa tal-​id setgħana taʼ Ġeħova, l-​Iżraelin rebħu l-​battalja.—Eżodu 17:8-​13.

8. (a) Asa x’għamel meta l-​Etjopjani heddew lill-​Ġuda? (b) Kif nistgħu nimitaw lil Asa?

8 Fi żmien is-​Sultan Asa, Ġeħova kien lest ukoll li juża l-​id setgħana Tiegħu sabiex jgħin lill-​poplu Tiegħu. Ħafna armati huma msemmija fil-​Bibbja, imma l-​ikbar waħda kienet dik taʼ Żeraħ l-​Etjopjan. Din kienet magħmula minn 1,000,000 suldat t’esperjenza. L-​armata Etjopjana kienet ikbar mill-​armata t’Asa kważi d-​doppju. Kien Asa ansjuż, beżgħan, jew skuraġġit? Intelqu jdejh ’l isfel? Le! Immedjatament, Asa talab lil Ġeħova għall-​għajnuna. Minn ħarsa militari, għandu mnejn kienet tidher impossibbli li tirbaħ il-​battalja kontra l-​Etjopjani. “Imma għal Alla kollox hu possibbli.” (Mattew 19:26) Alla uża l-​qawwa kbira tiegħu u “għeleb lill-​Etjopjani quddiem Asa.” “Qalb Asa baqgħet sħiħa maʼ Ġeħova tul jiemu kollha.”—2 Kronaki 14:8-​13; 1 Slaten 15:14.

9. (a) X’ma waqqafx lil Neħemija milli jerġaʼ jibni s-​swar taʼ Ġerusalemm? (b) Ġeħova kif wieġeb għat-​talba taʼ Neħemija?

9 X’sab Neħemija meta mar Ġerusalemm? Hu ra li l-​għedewwa minn artijiet barranin tant kienu qed jheddu lil-​Lhud li dawn waqfu jibnu s-​swar taʼ Ġerusalemm. Il-​belt ma kinitx protetta, u l-​Lhud kienu skuraġġiti. Kif ħassu Neħemija? Kien hu skuraġġit ukoll, u ħalla jdejh jintelqu ’l isfel? Le! Bħal Mosè, Asa, u qaddejja leali oħra taʼ Ġeħova, Neħemija dejjem straħ fuq Ġeħova. F’din is-​sitwazzjoni wkoll, Neħemija talab lil Ġeħova għall-​għajnuna, u Ġeħova wieġbu. Alla uża “l-​qawwa kbira” tiegħu u “l-​id b’saħħitha” tiegħu biex isaħħaħ lil-​Lhud. (Aqra Neħemija 1:10; 2:17-​20; 6:9.) Temmen int li Ġeħova juża “l-​qawwa kbira” tiegħu u “l-​id b’saħħitha” tiegħu biex isaħħaħ lill-​qaddejja tiegħu llum?

ĠEĦOVA SE JSAĦĦAĦLEK IDEJK

10, 11. (a) Satana kif qed jipprova jġegħelna nħallu jdejna jintelqu ’l isfel? (b) X’qiegħed juża Ġeħova biex isaħħaħna u jagħtina l-​qawwa? (ċ) Inti kif ibbenefikajt mill-​istruzzjonijiet taʼ Ġeħova?

10 Nistgħu nibqgħu ċerti li x-​Xitan qatt mhu se jħalli jdejh jintelqu ’l isfel. Hu se jkompli jattakkana, billi jipprova jwaqqaf l-​attivitajiet Kristjani tagħna. Hu juża l-​gideb u t-​theddid mill-​gvernijiet, mexxejja reliġjużi, u apostati. X’inhi l-​mira tiegħu? Hu jridna nieqfu nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Imma Ġeħova hu kapaċi u lest li jgħinna, u hu jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu biex isaħħaħna. (1 Kronaki 29:12) Huwa importanti ħafna li nitolbu għall-​ispirtu t’Alla ħalli nkunu nistgħu niġġieldu kontra Satana u d-​dinja mill-​agħar tiegħu. (Salm 18:39; 1 Korintin 10:13) Ukoll, aħna grati tal-​għajnuna li nirċievu mill-​Kelma t’Alla. Aħseb ukoll dwar kemm nitgħallmu mill-​pubblikazzjonijiet tagħna kull xahar. Il-​kliem taʼ Żakkarija 8:9, 13 (aqra) intqal waqt li t-​tempju f’Ġerusalemm kien qed jerġaʼ jinbena. Però, dan il-​kliem jistaʼ jgħin lilna llum.

Huwa importanti ħafna li nitolbu għall-​ispirtu t’Alla ħalli nkunu nistgħu niġġieldu kontra Satana u d-​dinja mill-​agħar tiegħu

11 Ġeħova jsaħħaħna wkoll permezz tal-​istruzzjonijiet li nirċievu fil-​laqgħat, fl-​assembleat, u fil-​konvenzjonijiet, kif ukoll fl-​iskejjel teokratiċi Kristjani tagħna. Dawn l-​istruzzjonijiet jistgħu jgħinuna naqdu lil Alla b’mottivi tajbin, biex nagħmlu miri spiritwali, u biex inwettqu l-​ħafna responsabbiltajiet Kristjani li għandna. (Salm 119:32) Tinsab ħerqan int biex tissaħħaħ mill-​istruzzjonijiet taʼ Ġeħova?

12. X’għandna nagħmlu biex nibqgħu b’saħħitna?

12 Ġeħova għen lill-​poplu tiegħu biex jegħlbu lill-​Għamalekin u lill-​Etjopjani. Hu ta s-​saħħa lil Neħemija u lil-​Lhud biex ilestu s-​swar taʼ Ġerusalemm. B’mod simili, Ġeħova se jagħtina s-​saħħa biex inkomplu fix-​xogħol tal-​ippritkar minkejja l-​ansjetajiet tagħna u minkejja l-​oppożizzjoni u n-​nuqqas taʼ interess li juru n-​nies. (1 Pietru 5:10) Ġeħova mhux se jneħħilna l-​problemi tagħna b’mod mirakoluż. Minflok, aħna rridu nagħmlu l-​parti tagħna. Kif? Irridu naqraw il-​Kelma t’Alla kuljum, nippreparaw u nattendu għal-​laqgħat kull ġimgħa, inkomplu nagħmlu l-​istudju persunali u l-​qima bħala familja, u nistrieħu fuq Ġeħova fit-​talb. Jalla qatt ma nħallu xejn ifixkilna mill-​affarijiet li Ġeħova pprovda biex isaħħaħna u jinkuraġġina. Jekk tħoss li jdejk intelqu ’l isfel f’xi aspetti minn dawn, itlob għall-​għajnuna taʼ Ġeħova. Imbagħad, ara kif l-​ispirtu t’Alla ‘qed jaħdem fik [jew jagħtik l-​enerġija] kemm biex ikollok ir-​rieda u kemm biex taġixxi.’ (Filippin 2:13) Imma, tistaʼ int issaħħaħ idejn ħaddieħor?

SAĦĦAĦ L-​IDEJN LI JISTGĦU JKUNU MERĦIJIN

13, 14. (a) Ħu kif kien imsaħħaħ wara l-​mewt taʼ martu? (b) Kif nistgħu nsaħħu lil oħrajn?

13 Ġeħova jagħtina fratellanza globali taʼ aħwa rġiel u nisa li jimpurtahom minna u li jistgħu jinkuraġġuna. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Iddrittaw [jew saħħu] l-​idejn merħijin u l-​irkopptejn dgħajfin, u ibqgħu ddrittaw il-​mogħdijiet għal saqajkom.” (Ebrej 12:12, 13) Ħafna mill-​Kristjani tal-​bidu ngħataw din it-​tip t’għajnuna minn ħuthom irġiel u nisa. L-​istess hu llum. Ikkunsidra dan l-​eżempju. Wara li ħu tilef lil martu fil-​mewt u ssaporta sitwazzjonijiet oħra taʼ wġigħ, hu qal: “Tgħallimt li ma nistgħux nagħżlu l-​provi tagħna, la ż-​żmien meta jseħħu u lanqas kemm-​il darba jseħħu. It-​talb u l-​istudju persunali kienu bħal ġakketta tas-​salvataġġ li żammitni milli negħreq. U l-​appoġġ li tawni ħuti spiritwali ġabli ħafna faraġ. Irrealizzajt kemm hu importanti li niżviluppa relazzjoni persunali tajba maʼ Ġeħova qabel ma jinqalgħu sitwazzjonijiet diffiċli.”

Kull persuna fil-​kongregazzjoni tistaʼ tinkuraġġixxi lil oħrajn (Ara paragrafu 14)

14 Aron u Ħur għenu biex isaħħu jdejn Mosè billi żammewhomlu ’l fuq waqt il-​battalja kontra l-​Għamalekin. Illum, aħna wkoll nistgħu nħarsu lejn modi kif nappoġġjaw u ngħinu oħrajn. Xi wħud minn ħutna jsofru minħabba li għandhom iż-​żmien, problemi taʼ saħħa, jew persekuzzjoni mill-​familja tagħhom. Oħrajn isofru minħabba li jħossuhom waħedhom jew minħabba telfa taʼ xi ħadd maħbub. Nistgħu nsaħħu wkoll liż-​żgħażagħ, li sikwit ikollhom pressjoni biex jagħmlu l-​ħażen jew biex ifittxu suċċess fid-​dinja. (1 Tessalonikin 3:1-​3; 5:11, 14) Fittex modi fejn tistaʼ turi interess ġenwin f’oħrajn fis-​Sala tas-​Saltna, fil-​ministeru, waqt xi ikla flimkien, jew meta titkellem fuq it-​telefown.

15. X’effett jistaʼ jkollu l-​kliem pożittiv fuq ħutna rġiel u nisa?

15 Wara r-​rebħa impressjonanti t’Asa kontra l-​armata kbira tal-​Etjopjani, il-​profeta Għażarija inkuraġġixxa lilu u l-​poplu tiegħu billi qal: “U intom kunu kuraġġużi, u tħallux idejkom jintelqu, għax se tiġu premjati għall-​għemejjel tagħkom.” (2 Kronaki 15:7) Dan immotiva lil Asa biex jagħmel ħafna bidliet ħalli jerġaʼ jsaħħaħ il-​qima pura. B’mod simili, il-​kliem pożittiv tiegħek jistaʼ jinkuraġġixxi oħrajn u jgħinhom ikomplu jaqdu lil Ġeħova. (Proverbji 15:23) Qatt m’għandek tinsa kemm jissaħħu ħutek meta tagħti kummenti inkuraġġanti waqt il-​laqgħat.

Neħemija ma qagħadx b’idejh marbuta waqt li oħrajn għamlu x-​xogħol. Hu stess għen biex jerġgħu jinbnew is-​swar taʼ Ġerusalemm

16. (a) L-​anzjani kif jistgħu jimitaw lil Neħemija? (b) Agħti eżempji taʼ kif aħwa rġiel u nisa għenuk personalment.

16 Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, Neħemija u l-​Lhud saħħew idejhom. Huma lestew is-​swar taʼ Ġerusalemm fi 52 ġurnata biss! (Neħemija 2:18; 6:15, 16) Neħemija ma qagħadx b’idejh marbuta waqt li oħrajn għamlu x-​xogħol. Hu stess għen biex jerġgħu jinbnew is-​swar taʼ Ġerusalemm. (Neħemija 5:16) Bl-​istess mod, ħafna anzjani jimitaw lil Neħemija meta jgħinu fi proġetti taʼ kostruzzjoni jew meta jnaddfu u jieħdu ħsieb is-​Sala tas-​Saltna. Dawn l-​irġiel kollhom imħabba wkoll isaħħu l-​aħwa li huma “ansjużi” billi jżuruhom u billi jaħdmu magħhom fil-​ministeru.—Aqra Isaija 35:3, 4.

“ĦA MA JINTELQUX IDEJK”

17, 18. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti meta jkollna l-​problemi jew inħossuna ansjużi?

17 Meta naħdmu flimkien maʼ ħutna rġiel u nisa, dan isaħħaħ l-​unità taʼ bejnietna. Dan jgħinna wkoll biex nibnu ħbiberiji dejjiema u biex insaħħu l-​fiduċja tagħna fil-​barkiet li s-​Saltna t’Alla dalwaqt se ġġib. Meta nsaħħu l-​idejn t’oħrajn, inkunu qed ngħinuhom biex jissaportu sitwazzjonijiet diffiċli u biex jibqaʼ jkollhom tama pożittiva għall-​futur. Minbarra dan, meta ngħinu lil oħrajn, dan isaħħaħ idejna wkoll u jgħinna biex niffokaw fuq il-​futur.

18 Meta naħsbu dwar kif Ġeħova għen u pproteġa lill-​qaddejja leali tiegħu fil-​passat, il-​fidi u l-​fiduċja tagħna fih jissaħħu. Għalhekk, meta jkollok il-​problemi u tħossok ansjuż, “ħa ma jintelqux idejk”! Tistaʼ tkun ċert li jekk titlob lil Ġeħova għall-​għajnuna, l-​id setgħana tiegħu se ssaħħek u tiggwidak lejn il-​barkiet tas-​Saltna fil-​futur qarib.—Salm 73:23, 24.