Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Imsejħin minn ġod-​dlam

Imsejħin minn ġod-​dlam

“[Ġeħova] sejħilkom mid-​dlam għal ġod-​dawl tiegħu taʼ l-​għaġeb.”—1 PIETRU 2:9.

GĦANJIET: 116, 102

1. X’ġara matul il-​qerda taʼ Ġerusalemm?

FIS-​sena 607 qabel Kristu, is-​Sultan Nebukadnessar II u l-​armata Babiloniża enormi tiegħu attakkaw il-​belt taʼ Ġerusalemm. Il-​Bibbja tgħid li s-​sultan qatel lill-​irġiel żgħażagħ bis-​sejf. Hu “la ħass mogħdrija għaż-​żagħżugħ u lanqas għall-​verġni, la għax-​xwejjaħ u lanqas għax-​xiħ għakka.” Fl-​aħħar, “ħaraq id-​dar taʼ l-​Alla l-​veru u ġarraf is-​sur taʼ Ġerusalemm; u t-​torrijiet mgħammrin kollha tagħha ħarquhom bin-​nar kif ukoll l-​oġġetti mixtiqin kollha tagħha, u b’hekk kollox inqered.”—2 Kronaki 36:17, 19.

2. Xi twissija ta Ġeħova, u x’kien se jiġrilhom il-​Lhud?

2 Il-​qerda taʼ Ġerusalemm ma kellhiex tkun taʼ sorpriża għal-​Lhud. Għal ħafna snin, Alla kien bagħat il-​profeti biex iwissu lin-​nies li jekk jibqgħu jkunu diżubbidjenti lejh, kienu se jiġu attakkati mill-​Babiloniżi. Ħafna Lhud kienu se jiġu maqtulin bis-​sejf, u dawk li jibqgħu ħajjin x’aktarx kienu se jgħixu fl-​eżilju f’Babilonja. (Ġeremija 15:2) X’kienet tfisser il-​ħajja fl-​eżilju? Il-​Kristjani qatt esperjenzaw xi ħaġa bħall-​jasar taʼ Babilonja? Jekk iva, meta?

IL-​ĦAJJA FL-​EŻILJU

3. Il-​ħajja fl-​eżilju f’Babilonja kif kienet differenti mill-​ħajja bħala lsiera fl-​Eġittu?

3 Ġeħova kien qal lil-​Lhud li meta jittieħdu fl-​eżilju, kellhom jaċċettaw is-​sitwazzjoni ġdida tagħhom u jgħixu ħajjithom bl-​aħjar mod li setgħu. Permezz taʼ Ġeremija, hu qalilhom: “Ibnu d-​djar u għammru fihom, ħawlu l-​ġonna u kulu frotthom. Fittxu l-​paċi tal-​belt li eżiljajtkom fiha, u itolbu lil Ġeħova għaliha, sabiex bil-​paċi tagħha jkollkom il-​paċi intom ukoll.” (Ġeremija 29:5, 7) Il-​Lhud li segwew l-​istruzzjonijiet taʼ Ġeħova għexu ħajja kważi normali fl-​eżilju. Il-​Babiloniżi ħallew lil-​Lhud jieħdu ħsieb l-​affarijiet tagħhom u jivvjaġġaw mal-​pajjiż bil-​libertà. F’dak iż-​żmien, Babilonja kienet ċentru tan-​negozju. Dokumenti antiki juru li waqt li kienu fl-​eżilju, ħafna Lhud tgħallmu jinnegozjaw u saru nies tajba fis-​snajjaʼ. Xi Lhud saħansitra saru sinjuri. Il-​ħajja fl-​eżilju ma kinitx diffiċli daqs kemm kienet għall-​Iżraelin li kienu lsiera fl-​Eġittu mijiet taʼ snin qabel.—Aqra Eżodu 2:23-​25.

4. Min iktar kellu jbati flimkien mal-​Lhud żleali, u għala ma setgħux jagħmlu kulma talbet il-​Liġi?

4 Xi wħud mill-​eżiljati Lhud kienu qaddejja leali t’Alla. Għalkemm ma kienu għamlu xejn ħażin, huma kellhom ibatu flimkien mal-​bqija tal-​ġens. Il-​Lhud kellhom dak li kienu jeħtieġu materjalment, imma kif setgħu jqimu lil Ġeħova? It-​tempju u l-​artal kienu ġew meqrudin, u s-​saċerdozju ma setax jaħdem b’mod organizzat. Imma Lhud leali għamlu dak li setgħu biex isegwu l-​Liġi t’Alla. Pereżempju, Danjel, Sidrak, Mesak, u Għabednego rrifjutaw li jieklu ikel li kien projbit għal-​Lhud. U l-​Bibbja tgħid li Danjel talab regolarment lil Alla. (Danjel 1:8; 6:10) Minkejja dan, peress li kienu mmexxijin minn ġens pagan, kien impossibbli għal Lhud leali biex jagħmlu kulma talbet il-​Liġi.

Il-​wegħdi t’Alla dejjem iseħħu!

5. Ġeħova x’tama tah lill-​poplu tiegħu, u din il-​wegħda għala kienet straordinarja?

5 L-​Iżraelin qatt setgħu jerġgħu jqimu lil Alla b’mod kompletament aċċettabbli? F’dak iż-​żmien setaʼ deher impossibbli għax Babilonja qatt ma ħelset lill-​ilsiera tagħha. Imma Alla Ġeħova kien wiegħed li l-​poplu tiegħu kien se jiġi meħlus, u fl-​aħħar mill-​aħħar hekk ġara. Il-​wegħdi t’Alla dejjem iseħħu!—Isaija 55:11.

IL-​KRISTJANI QATT KIENU LSIERA TAʼ BABILONJA?

6, 7. Għala hu neċessarju għalina li naġġustaw il-​fehma tagħna?

6 Il-​Kristjani qatt esperjenzaw xi ħaġa bħal dan il-​jasar Babiloniż? Għal ħafna snin, It-​Torri tal-​Għassa qal li Kristjani leali marru fil-​jasar Babiloniż fl-​1918 u ġew meħlusa minn Babilonja fl-​1919. Madankollu, f’dan l-​artiklu u f’li ġej, se nitgħallmu għala hu neċessarju li naġġustaw il-​fehma tagħna.

Ħafna qabel l-​Ewwel Gwerra Dinjija, il-​qaddejja midlukin t’Alla kienu qed jisseparaw lilhom infushom minn mar-​reliġjon falza

7 Aħseb dwar dan: Babilonja l-​Kbira hi l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. U l-​poplu t’Alla ma sarx ilsir tar-​reliġjon falza fl-​1918. Huwa minnu li matul dak iż-​żmien, il-​midlukin kienu ppersegwitati. Imma l-​persekuzzjoni tagħhom kienet ikkaġunata l-​iktar mill-​gvernijiet, u mhux mir-​reliġjon falza. Ħafna qabel l-​Ewwel Gwerra Dinjija, il-​qaddejja midlukin t’Alla kienu fil-​fatt qed jisseparaw lilhom infushom minn mar-​reliġjon falza. Mela allura ma jidhirx li l-​poplu taʼ Ġeħova daħal fil-​jasar taʼ Babilonja l-​Kbira fl-​1918.

IL-​POPLU T’ALLA META KIEN FIL-​JASAR BABILONIŻ?

8. X’ġara wara li mietu l-​appostli? (Ara l-​ewwel stampa.)

8 F’Pentekoste tas-​sena 33, eluf taʼ Kristjani ġodda ġew midlukin bl-​ispirtu qaddis. Dawn saru “razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu miksub bħala proprjetà speċjali.” (Aqra l-​1 Pietru 2:9, 10.) L-​appostli osservaw il-​kongregazzjonijiet b’attenzjoni sakemm damu ħajjin. Madankollu, b’mod partikulari wara li mietu l-​appostli, xi rġiel fil-​kongregazzjonijiet bdew jgħallmu ideat foloz u riedu jbiegħdu lid-​dixxipli mill-​verità. Dawn l-​irġiel kienu jħobbu l-​filosofiji t’Aristotele u Platun u bdew jgħallmu l-​ideat tagħhom minflok il-​verità mill-​Kelma t’Alla. (Atti 20:30; 2 Tessalonikin 2:6-​8) Ħafna kienu rġiel prominenti u indokraturi fil-​kongregazzjonijiet. Mela għalkemm Ġesù kien qal lis-​segwaċi tiegħu, “Intom ilkoll aħwa,” bdiet tifforma klassi tal-​kleru.—Mattew 23:8.

Il-​Kristjani leali midlukin kienu bħall-​qamħ li tkellem dwaru Ġesù, u dawn għamlu mill-​aħjar biex iqimu lil Alla

9. Iddeskrivi kif il-​Kristjanità apostata bdiet taħdem mal-​gvern Ruman. X’kien ir-​riżultat?

9 Fis-​sena 313 wara Kristu, l-​Imperatur Kostantinu mexxa l-​Imperu Ruman pagan u għamel din il-​forma taʼ Kristjanità apostata reliġjon legali. Wara dan, il-​Knisja bdiet taħdem mill-​qrib mal-​gvern Ruman. Pereżempju, Kostantinu kellu laqgħa maʼ mexxejja reliġjużi, li saret magħrufa bħala l-​Konċilju taʼ Niċea. Wara din il-​laqgħa, l-​imperatur bagħat qassis jismu Arju fl-​eżilju għax irrifjuta li jemmen li Ġesù hu Alla. Iktar tard, Teodosju sar l-​imperatur Ruman, u l-​Knisja Kattolika saret ir-​reliġjon uffiċjali tal-​Imperu Ruman. Kittieba tal-​istorja jgħidu li Ruma li kienet pagana saret “Kristjana” fi żmien l-​Imperatur Teodosju. Imma l-​verità hi li sa dak iż-​żmien, Kristjani apostati kienu aċċettaw tagħlim pagan, allura kienu ġa saru parti minn Babilonja l-​Kbira. Minkejja dan, xorta kien għad hemm xi Kristjani leali midlukin. Huma kienu bħall-​qamħ li tkellem dwaru Ġesù. Dawn l-​uħud leali kienu qed jagħmlu mill-​aħjar biex iqimu lil Alla, imma ftit kienu qed jisimgħu dak li kellhom x’jgħidu. (Aqra Mattew 13:24, 25, 37-​39.) Tassew kienu fil-​jasar Babiloniż!

10. In-​nies għala bdew jiddubitaw il-​knisja?

10 Għall-​ewwel ftit mijiet taʼ snin wara Kristu, ħafna nies xorta setgħu jaqraw il-​Bibbja bil-​Grieg jew bil-​Latin. Huma setgħu jqabblu t-​tagħlim tal-​Kelma t’Alla maʼ dak tal-​knisja. Meta xi nies indunaw li t-​tagħlim tal-​knisja kien falz, huma m’aċċettawhx. Imma kien perikoluż li jgħidu l-​opinjoni tagħhom lil oħrajn, u setgħu saħansitra jinqatlu għal dan.

11. Il-​knisja kif setgħet tikkontrolla l-​Bibbja?

11 Hekk kif għadda ż-​żmien, ftit kienu n-​nies li jitkellmu bil-​Grieg jew bil-​Latin. U mexxejja tal-​knisja ma ħallewx il-​Kelma t’Alla tiġi tradotta bil-​lingwi komuni li jitkellmu n-​nies. B’riżultat taʼ dan, il-​kleru u xi nies edukati oħra biss setgħu jaqraw il-​Bibbja għalihom infushom, u saħansitra xi ftit mill-​kleru ma setgħux jaqraw u jiktbu sew. Kull min ma kienx jaqbel maʼ dak li kienet tgħallem il-​knisja kien jiġi kkastigat bil-​kbir. Kristjani midlukin leali kellhom jiltaqgħu flimkien fi gruppi żgħar bil-​moħbi, u xi ftit lanqas biss setgħu jiltaqgħu. Simili għal-​Lhud eżiljati f’Babilonja, is-​“saċerdozju rjali” midluk ma setax jaqdi b’mod organizzat. Babilonja l-​Kbira kellha kontroll assolut fuq in-​nies!

KIEN HEMM RAĠUNIJIET GĦAL TAMA

12, 13. Liema żewġ raġunijiet taw lil Kristjani veri tama għal-​libertà? Spjega.

12 Il-​Kristjani veri qatt kienu se jkunu ħielsa li jqimu lil Alla bil-​libertà u b’mod aċċettabbli? Iva! Kien hemm xi ftit tama, għal żewġ raġunijiet importanti. L-​ewwel waħda kienet l-​invenzjoni taʼ magna tal-​istampar b’tipi taċ-​ċomb. Qabel ma ġiet ivvintata madwar is-​sena 1450, il-​Bibbja kellha tiġi kkopjata bl-​idejn u dan ma kienx faċli. Kopja waħda biss tal-​Bibbja setgħet tieħu għaxar xhur biex titlesta minn persuna mħarrġa! Ukoll, il-​kopji kienu jinkitbu fuq il-​parċmina, jew materjal magħmul mill-​ġilda tal-​annimali. B’hekk, kien hemm vera ftit kopji tal-​Bibbja, u dawn kienu jiswew ħafna. Madankollu, permezz tal-​magna tal-​istampar u l-​karta, persuna mħarrġa setgħet tistampa iktar minn 1,300 paġna kuljum!

L-invenzjoni tal-magna tal-istampar u ż-żelu taʼ tradutturi kuraġġużi tal-Bibbja taw tama taʼ ħelsien minn Babilonja (Ara paragrafi 12, 13)

13 It-​tieni raġuni kienet it-​traduzzjoni tal-​Bibbja. Madwar is-​sena 1500, ftit irġiel kuraġġużi ttraduċew il-​Kelma t’Alla b’lingwi li jitkellmu bihom in-​nies komuni. Huma għamlu dan ix-​xogħol allavolja kienu jafu li minħabba f’hekk setgħu jinqatlu. Il-​mexxejja tal-​knisja twerwru. Għala? Għax huma beżgħu li meta rġiel u nisa sinċieri jaqraw il-​Bibbja bil-​lingwa tagħhom stess, jibdew isaqsu mistoqsijiet bħal: ‘Fejn fil-​Bibbja nsibu t-​tagħlim tal-​purgatorju? Il-​Bibbja fejn tgħid li persuna għandha tħallas lill-​qassis biex jagħmlilha quddiesa għall-​mejtin? Il-​Bibbja fejn titkellem dwar il-​papiet u l-​kardinali?’ Ħafna mit-​tagħlim falz tal-​knisja kien ibbażat fuq il-​filosofiji taʼ Aristotele u Platun, irġiel li għexu mijiet taʼ snin qabel Kristu. Il-​mexxejja tal-​knisja kienu rrabjati meta n-​nies staqsewhom mistoqsijiet. Irġiel u nisa li ma aċċettawx it-​tagħlim tagħhom kienu jingħataw is-​sentenza tal-​mewt. Mexxejja tal-​knisja riedu jwaqqfu lin-​nies milli jaqraw il-​Bibbja u jsaqsu mistoqsijiet, u f’ħafna każi hekk ġara. Imma ftit nies qalbiena rrifjutaw li jiġu kkontrollati minn Babilonja l-​Kbira. Huma kienu sabu l-​verità mill-​Kelma t’Alla, u riedu jkunu jafu iżjed! Il-​libertà mir-​reliġjon falza kienet qed toqrob iktar.

Ftit irġiel kuraġġużi ttraduċew il-​Kelma t’Alla b’lingwi li jitkellmu bihom in-​nies komuni

14. (a) X’għamlu n-​nies li riedu jistudjaw il-​Bibbja? (b) Iddeskrivi t-​tfittxija taʼ Ħuna Russell għall-​verità.

14 Ħafna nies riedu jaqraw u jistudjaw il-​Bibbja u jitkellmu dwar dak li kienu tgħallmu. Huma ma ridux lill-​mexxejja tal-​knisja jgħidulhom x’għandhom jemmnu. Allura marru f’pajjiżi fejn kienu liberi li jistudjaw il-​Bibbja. Wieħed minn dawn il-​pajjiżi kien l-​Istati Uniti. Hemmhekk, sal-​1870, Charles Taze Russell u ftit oħrajn kienu bdew studju fil-​fond tal-​Bibbja. Għall-​ewwel, Ħuna Russell ried jiskopri liema reliġjon kienet qed tgħallem il-​verità. Hu qabbel bir-​reqqa t-​tagħlim taʼ ħafna hekk imsejħin reliġjonijiet Kristjani, u anki reliġjonijiet li mhumiex Kristjani, maʼ dak li tgħid il-​Bibbja. Hu ma damx ma induna li lanqas waħda minn dawk ir-​reliġjonijiet ma kienet issegwi l-​Kelma t’Alla kompletament. Darba, tkellem mal-​mexxejja taʼ diversi knejjes lokali. Ħuna Russell ittama li jaċċettaw il-​veritajiet li hu u l-​grupp tiegħu kienu sabu mill-​Bibbja u li jgħallmu dawn il-​veritajiet lill-​kongregazzjonijiet tagħhom. Imma l-​mexxejja reliġjużi ma kinux interessati. L-​istudenti tal-​Bibbja malajr tgħallmu li ma setgħux iqimu lil Alla flimkien maʼ dawk li kienu parti mir-​reliġjon falza.—Aqra t-​2 Korintin 6:14.

15. (a) Il-​Kristjani veri meta daħlu fil-​jasar Babiloniż? (b) X’mistoqsijiet se jiġu mweġbin fl-​artiklu li jmiss?

15 F’dan l-​artiklu tgħallimna li l-​Kristjani veri daħlu fil-​jasar Babiloniż ftit wara li mietu l-​appostli. Minkejja dan, xorta għandna bżonn nitgħallmu t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet: Kif nafu li l-​midlukin kienu fil-​fatt qed jinħelsu minn Babilonja l-​Kbira fis-​snin qabel l-​1914? Veru li Ġeħova ma kienx kuntent bil-​qaddejja tiegħu minħabba li kienu naqqsu x-​xogħol tal-​ippritkar tagħhom matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija? Kien hemm xi aħwa matul dak iż-​żmien li ma baqgħux newtrali u tilfu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova? Finalment, jekk il-​Kristjani kienu mjassrin taħt reliġjon falza wara li mietu l-​appostli, meta ġew meħlusin? Dawn huma mistoqsijiet eċċellenti, u se jiġu mwieġba fl-​artiklu li jmiss.