“Ibku maʼ min jibki”
“Ibqgħu farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin.”—1 TESSALONIKIN 5:11.
1, 2. Għala għandna bżonn niddiskutu kif infarrġu lil dawk li qed jitnikktu? (Ara l-ewwel stampa.)
“GĦAL kważi sena wara l-mewt tat-tifel tagħna, ħassejna wġigħ kbir ħafna,” qalet Susi. Wara li ħu f’daqqa waħda mititlu martu, hu qal li esperjenza “wġigħ fiżiku li ma tistax tiddeskrivih.” B’dispjaċir, ħafna nies jesperjenzaw dan it-tip taʼ wġigħ. Illum, fil-kongregazzjoni Kristjana, ħafna minn ħutna ma stennewx li l-maħbubin tagħhom se jmutu qabel Armageddon. Forsi xi ħadd li int tħobb miet, jew inkella taf b’persuna li qed titnikket minħabba l-mewt taʼ xi ħadd maħbub. Jekk inhu hekk, forsi tistaqsi, ‘Persuna li għadha kemm tilfet lil xi ħadd fil-mewt kif tistaʼ ssib faraġ?’
2 Xi nies jgħidu li ż-żmien ifejjaq kollox. Imma huwa dan dejjem minnu? Waħda armla qalet, “Sibtha iktar eżatta li tgħid li hu dak li wieħed jagħmel bil-ħin tiegħu li jgħinu jfiq.” Ġerħa għandha bżonn il-ħin u l-attenzjoni tenera sabiex tfiq. B’mod simili, hemm bżonn il-ħin u l-attenzjoni tenera biex infejqu wġigħ emozzjonali.
Liema ħaġa speċifika tistaʼ tgħin lil dawk li qed jitnikktu biex itaffu l-uġigħ emozzjonali tagħhom?ĠEĦOVA HU “L-ALLA TAʼ KULL FARAĠ”
3, 4. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jifhem in-niket tagħna?
3 Missierna mimli mogħdrija, Ġeħova, hu s-sors primarju tal-faraġ li għandna bżonn. (Aqra t-2 Korintin 1:3, 4.) Hu l-aqwa eżempju taʼ empatija, u jwiegħed lill-poplu tiegħu: “Jien—jien hu li qed infarraġkom.”—Isaija 51:12; Salm 119:50, 52, 76.
Ġeħova tassew iħares ’il quddiem għall-ġurnata meta se jirxoxta lil nies leali
4 Missierna mimli mħabba wkoll esperjenza t-telfa taʼ wħud maħbubin, bħall-qaddejja tiegħu Abraham, Iżakk, Ġakobb, Mosè, u s-Sultan David. (Numri 12:6-8; Mattew 22:31, 32; Atti 13:22) Il-Bibbja turina li Ġeħova tassew iħares ’il quddiem għall-ġurnata meta se jirxoxta lil dawn l-irġiel leali. (Ġob 14:14, 15) F’dak iż-żmien, dawn se jkunu ferħanin u jgawdu saħħa perfetta. Ġeħova esperjenza wkoll il-mewt tal-ewwel Iben imwieled tiegħu. Il-Bibbja tgħid li Ġesù kien il-wieħed li Alla kien ‘jgħożż b’mod speċjali.’ (Proverbji 8:22, 30) Lanqas biss nistgħu nimmaġinaw in-niket li Ġeħova żgur ħass meta ra lil Ibnu jmut mewta agonizzanti.—Ġwanni 5:20; 10:17.
5, 6. Ġeħova kif ifarraġna?
5 Nistgħu nkunu assolutament ċerti li Ġeħova se jgħinna. Allura, dejjem għandna nħossuna liberi li nitolbu lilu u nesprimu l-uġigħ u n-niket kbir li għandna. Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova jifhem kif inħossuna u li jagħtina l-faraġ li għandna bżonn! Imma kif jagħmlu dan?
6 Wieħed mill-ħafna modi kif Ġeħova jfarraġna hu permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu. (Atti 9:31) Ġesù wiegħed li Missierna kien se jagħti l-ispirtu qaddis tiegħu, li hu qawwi, lil dawk kollha li jitolbu għalih. (Luqa 11:13) Susi, li ssemmiet qabel, tgħid: “Kien hemm ħafna drabi meta sempliċement inżilna għarkopptejna u tlabna bil-ħniena lil Ġeħova biex ifarraġna. Kull darba, il-paċi t’Alla verament ħarset lil qalbna u moħħna.”—Aqra Filippin 4:6, 7.
ĠESÙ WKOLL JIFHEM KIF INĦOSSUNA
7, 8. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġesù se jfarraġna?
7 Meta kien fuq l-art, Ġesù imita perfettament il-kwalitajiet sbieħ taʼ Missieru b’dak li qal u għamel. (Ġwanni 5:19) Ġeħova bagħat lil Ġesù fuq l-art biex ifarraġ “lil dawk b’qalbhom maqsuma” u “lill-imnikktin kollha.” (Isaija 61:1, 2; Luqa 4:17-21) In-nies kienu jafu li Ġesù fehem it-tbatijiet tagħhom u li verament ried jgħinhom.—Ebrej 2:17.
* (Ara n-nota taʼ taħt.) Immaġina kemm setaʼ kien diffiċli għal żagħżugħ taʼ qalb tajba bħal dan li jissaporti n-niket tiegħu, kif ukoll dak t’ommu u taʼ ħutu.
8 Meta Ġesù kien żagħżugħ, wisq probabbli kellu ħbieb tal-qalb u membri tal-familja li mietu. Pereżempju, jidher li missieru adottiv, Ġużeppi, setaʼ miet meta Ġesù kien għadu żagħżugħ.9. Ġesù kif wera empatija meta miet Lazzru?
9 Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù wera li verament fehem lin-nies u kellu empatija għalihom. Pereżempju, meta l-ħabib tal-qalb tiegħu Lazzru miet, Ġesù ħass l-uġigħ kbir li Marija u Marta esperjenzaw. L-empatija tiegħu għalihom kienet tant b’saħħitha li beda jibki, avolja kien jaf li kien se jirxoxta lil Lazzru.—Ġwanni 11:33-36.
10. Kif nistgħu nkunu ċerti li Ġesù jifhem kif inħossuna llum?
10 Il-kliem taʼ faraġ li qal Ġesù fil-passat kif jistaʼ jgħinna llum? Il-Bibbja tagħmilha ċara li Ġesù ma nbidilx. Din tgħid: “Ġesù Kristu hu l-istess il-bieraħ u llum, u għal dejjem.” (Ebrej 13:8) Hu msejjaħ “l-Aġent Ewlieni tal-ħajja” għax jagħmilha possibbli għalina li ngħixu għal dejjem. Ukoll, Ġesù jifhem in-niket b’mod persunali u “jistaʼ jidħol għal dawk li qed jiġu provati.” (Atti 3:15; Ebrej 2:10, 18) Allura nistgħu nkunu ċerti li Ġesù għadu jiġi effettwat meta oħrajn ikunu muġugħin. Hu jifhem in-niket tagħhom, u jistaʼ jagħtihom il-faraġ ‘f’waqtu.’—Aqra Ebrej 4:15, 16.
“FARAĠ MILL-ISKRITTURA”
11. Liema skritturi huma taʼ faraġ għalik b’mod partikulari?
11 Ir-rakkont dwar in-niket kbir taʼ Ġesù meta miet Lazzru hu biss wieħed mill-ħafna skritturi taʼ faraġ li nsibu fil-Kelma t’Alla. Dan mhux taʼ sorpriża għalina, għax “kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-sabar tagħna u permezz tal-faraġ mill-Iskrittura jkollna t-tama.” (Rumani 15:4) Jekk għaddej minn xi niket, int ukoll tistaʼ ssib faraġ li jġib serħan minn skritturi bħal dawn li ġejjin:
-
“Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.”—Salm 34:18, 19.
-
“Meta l-ħsibijiet li jinkwetawni żdiedu ġewwa fija, il-faraġ tiegħek [taʼ Ġeħova] beda jmellisli ruħi.”—Salm 94:19.
-
“Jalla l-Mulej tagħna Ġesù Kristu nnifsu u Alla Missierna, li ħabbewna u b’qalb tajba mhix mistħoqqa tawna faraġ dejjiemi u tama sabiħa, ifarrġu lil qlubkom u jissodawkom.”—2 Tessalonikin 2:16, 17. *—Ara n-nota taʼ taħt.
IL-KONGREGAZZJONI HI SORS TAʼ FARAĠ KBIR
12. Kif nistgħu nfarrġu oħrajn?
12 Uħud imnikktin minħabba l-mewt taʼ xi ħadd jistgħu jsibu faraġ ukoll fil-kongregazzjoni Kristjana. (Aqra l-1 Tessalonikin 5:11.) Int kif tistaʼ ssaħħaħ u tfarraġ lil dawk bi “spirtu mdejjaq”? (Proverbji 17:22) Ftakar li hemm “żmien li toqgħod kwiet u żmien li titkellem.” (Ekkleżjasti 3:7) Armla jisimha Dalene tispjega li dawk li jkunu mnikktin ikollhom bżonn jesprimu l-ħsibijiet u s-sentimenti tagħhom. Għalhekk, l-iktar ħaġa importanti li tistaʼ tagħmel hi li tismaʼ mingħajr ma twaqqaf lil dak li jkun. Junia, li ħuha għamel suwiċidju, tgħid, “Avolja ma tkunx tistaʼ tifhem kompletament in-niket tagħhom, li jgħodd hu li tkun trid tifhem kif iħossuhom.”
13. X’hemm bżonn niftakru dwar in-niket?
13 Hemm bżonn niftakru li mhux kulħadd iħoss u jesprimi n-niket bl-istess mod. Xi drabi jkun impossibbli li nispjegaw bl-eżatt kemm qed inħossu wġigħ. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Il-qalb taf bl-imrar tagħha stess, u fil-ferħ tagħha l-ebda stranġier ma jindaħal.” (Proverbji 14:10) Anke meta xi ħadd fil-fatt jesprimi kif iħossu, mhux dejjem ikun faċli għal oħrajn biex jifhmu x’qed jipprova jgħid.
Spiss, l-iktar ħaġa t’għajnuna li tistaʼ tagħmel hi li ‘tibki maʼ min jibki’
14. X’nistgħu ngħidu biex infarrġu lil dawk li jitnikktu?
14 Jistaʼ jkun diffiċli biex tkun taf x’taqbad tgħid lil xi ħadd li hu mnikket. Imma l-Bibbja tgħid li “lsien l-għorrief hu fejqan.” (Proverbji 12:18) Ħafna sabu kliem taʼ faraġ li jistgħu jaqsmu m’oħrajn mill-browxer Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Imma spiss, l-iktar ħaġa t’għajnuna li tistaʼ tagħmel hi li ‘tibki maʼ min jibki.’ (Rumani 12:15) Gaby, li mitilha żewġha, tgħid li kultant l-uniku mod għaliha biex tesprimi kif tħossha hu billi tibki. Hi żżid: “Huwa għalhekk li nħossni xi ftit imfarrġa meta l-ħbieb jibku miegħi. F’dak il-mument, ma nħossnix daqstant waħdi fin-niket tiegħi.”
15. Kif nistgħu nfarrġu oħrajn jekk insibuha diffiċli nagħmlu dan wiċċ imb wiċċ? (Ara wkoll il-kaxxa “ Kliem taʼ serħan li jfarraġ.”)
15 Jekk issibha diffiċli tgħid xi ħaġa taʼ faraġ wiċċ imb wiċċ, jistaʼ jkun iktar faċli li tibgħat kartolina, e-mail, messaġġ, jew ittra. Tistaʼ sempliċement tikkwota skrittura taʼ faraġ, issemmi kwalità speċjali li tiftakar dwar il-persuna li mietet, jew taqsam xi memorja taʼ ferħ li int tgħożż. “Ma nistax nispjega kemm ikun t’għajnuna li nirċievi
messaġġ qasir u inkuraġġanti jew xi stedina biex inqattaʼ l-ħin maʼ xi ħadd mill-Kristjani sħabi,” tgħid Junia. “Dawn l-espressjonijiet iġegħluni nħossni maħbuba u li hemm min jieħu ħsiebi.”16. Liema hu mod effettiv ħafna kif infarrġu oħrajn?
16 It-talb tagħna jistaʼ jgħin lil ħutna mnikktin. Aħna nistgħu nitolbu għalihom jew saħansitra nitolbu magħhom. Avolja jistaʼ jkun diffiċli li tagħmel dan minħabba li tħoss li tistaʼ tibki, it-talb mill-qalb tiegħek jistaʼ jkun taʼ faraġ kbir. “Xi drabi meta aħwa nisa ġew biex ifarrġuni,” tiftakar Dalene, “staqsejthom jekk kinux lesti li jgħidu talba. Huma jibdew jitolbu, spiss bi sforz kbir għall-ewwel, imma kull darba, wara ftit sentenzi, il-vuċi tagħhom tissoda u jgħidu l-isbaħ talba mill-qalb. Il-fidi soda, l-imħabba, u l-interess tagħhom verament saħħewli l-fidi.”
KOMPLI KUN TAʼ FARAĠ
17-19. Għala għandna nibqgħu nkunu taʼ faraġ?
17 Hu impossibbli li tkun taf bl-eżatt kemm kull persuna se ddum titnikket. Meta xi ħadd maħbub imut, għall-ewwel ħafna ħbieb u qraba jkunu hemm biex jagħtu l-faraġ. Imma wara li jerġgħu lura għall-ħajja normali tagħhom, dawk li jkunu qed jitnikktu xorta jkollhom bżonn il-faraġ. Allura kun lest li tgħin. “Ħabib veru jħobb il-ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-niket.” (Proverbji 17:17) Jeħtieġ li nfarrġu lil dawk imnikktin għal kemm ikollhom bżonn.—Aqra l-1 Tessalonikin 3:7.
18 Ftakar li persuna f’daqqa waħda tistaʼ tinħakem minn niket kbir fi kwalunkwe ħin. Dan jistaʼ jkun minħabba anniversarji, ċerta mużika, ritratti, attivitajiet, jew saħansitra xi riħa speċifika, ħoss, jew staġun tas-sena. Meta armel jew armla mnikkta tagħmel xi ħaġa waħedha għall-ewwel darba, bħal li tattendi xi assemblea jew it-Tifkira, jistaʼ jkun taʼ wġigħ kbir. “Jien stennejt li l-ewwel anniversarju tat-tieġ tiegħi kien se jkun taʼ xokk kbir,” jirrakkonta ħu, “u ma kienx faċli. Imma xi aħwa organizzaw get-together żgħir u stiednu l-akbar ħbieb tiegħi sabiex ma nkunx waħdi.”
19 Ftakar li dawk li qed jitnikktu għandhom bżonn l-inkuraġġiment mhux biss f’okkażjonijiet speċjali. “Spiss l-għajnuna u l-kumpanija offruti meta ma jkunx hemm xi anniversarju speċjali jistgħu jkunu taʼ benefiċċju kbir,” tispjega Junia. “Dawn l-affarijiet spontanji huma taʼ valur kbir u jġibu ħafna faraġ.” Veru, ma nistgħux inneħħulhom in-niket jew is-solitudni kollha, imma nistgħu nfarrġu lil dawk li jitnikktu billi nagħmlu xi affarijiet għalihom. (1 Ġwanni 3:18) Gaby tgħid: “Jien verament grata lejn Ġeħova għall-anzjani kollhom imħabba li ggwidawni u għenuni fid-diffikultajiet kollha tiegħi. Huma verament ġegħluni nħoss dirgħajn Ġeħova jħaddnuni bi mħabba.”
20. Il-wegħdi taʼ Ġeħova għala huma sors taʼ faraġ kbir?
20 Hu taʼ faraġ li tkun taf li Ġeħova, l-Alla taʼ kull faraġ, se jneħħi għalkollox in-niket kollu fi żmien l-irxoxt. (Ġwanni 5:28, 29) Alla jwiegħed li se “jiblaʼ l-mewt għal dejjem, u l-Mulej Sovran Ġeħova se jimsaħ id-dmugħ mill-uċuħ kollha.” (Isaija 25:8) Imbagħad, minflok ma jkollna ‘nibku maʼ min jibki,’ kulħadd fuq l-art se ‘jifraħ maʼ min jifraħ.’—Rumani 12:15.
^ par. 8 Il-Bibbja tindika li Ġużeppi kien ħaj meta Ġesù kellu 12-il sena. Madankollu, Ġużeppi ma ssemmiex meta Ġesù għamel l-ewwel miraklu, dak li bidel l-ilma fi nbid, jew f’xi żmien wara dan. Dan jistaʼ jfisser li Ġużeppi laħaq miet sa dak iż-żmien. Ukoll, meta Ġesù kien fuq iz-zokk tat-tortura, hu talab lill-appostlu Ġwanni biex jieħu ħsieb ommu, xi ħaġa li Ġesù x’aktarx ma kienx jagħmel li kieku Ġużeppi kien għadu ħaj.—Ġwanni 19:26, 27.
^ par. 11 Skritturi oħra li ħafna sabu taʼ faraġ huma Salm 20:1, 2; 31:7; 38:8, 9, 15; 55:22; 121:1, 2; Isaija 57:15; 66:13; Filippin 4:13; u 1 Pietru 5:7.
^ par. 14 Ara wkoll l-artiklu “Comfort the Bereaved, as Jesus Did” fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 taʼ Novembru 2010.