Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Tistaʼ Tkampa Meta Tħossok Ansjuż?

Kif Tistaʼ Tkampa Meta Tħossok Ansjuż?

L-​ANSJETÀ tistaʼ tkun bħal toqol għalina. (Prov. 12:25) Ġieli batejt minħabba li ħassejtek ansjuż? Ġieli ħassejtek ma tiflaħx iktar? Jekk iva, m’intix waħdek. Ħafna minna jħossuhom għajjenin, ansjużi, u dipressi minħabba diversi raġunijiet. Pereżempju, uħud jieħdu ħsieb lil xi ħadd tal-​familja li jkun marid, xi wħud tilfu lil xi ħadd li jħobbu fil-​mewt, u oħrajn qed ibatu minħabba xi diżastru naturali. X’jistaʼ jgħinna nkampaw meta nkunu ansjużi? a

Billi naraw l-​eżempju tas-​Sultan David, nistgħu nitgħallmu kif inkampaw mal-​ansjetà. Hu għadda minn ħafna sitwazzjonijiet diffiċli f’ħajtu, saħansitra ffaċċja l-​mewt. (1 Sam. 17:34, 35; 18:10, 11) X’għen lil David ikampa meta ħassu ansjuż? Kif nistgħu nimitaw l-​eżempju tiegħu?

X’GĦEN LIL DAVID IKAMPA META ĦASSU ANSJUŻ?

David iffaċċja diversi provi f’daqqa. Aħseb x’ġara meta kien qed jaħrab mis-​Sultan Sawl li kien qed jipprova joqtlu. Meta David u l-​irġiel tiegħu marru lura d-​dar f’Siklag sabu li l-​għedewwa tagħhom kienu serqulhom kollox, ħarqulhom id-​djar, u anke ħadu lill-​familji tagħhom bħala lsiera. David kif ħassu? “David u n-​nies li kienu miegħu bdew jgħollu leħinhom u jibku, sakemm ma felħux jibku iktar.” Imma David kellu iktar għaliex jinkwieta, l-​irġiel li kienu miegħu “qalu li riedu jħaġġruh.” (1 Sam. 30:1-​6) Mela hu kien qed jiffaċċja tliet problemi kbar f’daqqa: Il-​familja tiegħu kienet fil-​periklu, beda jibżaʼ li l-​irġiel li kienu miegħu kienu se jippruvaw joqtluh, u s-​Sultan Sawl kien għadu qed jiġri warajh biex joqtlu. Immaġina kemm ħassu ansjuż David!

David x’għamel? Hu mill-​ewwel “saħħaħ lilu nnifsu permezz taʼ Ġeħova Alla tiegħu.” Kif? Aħna nafu li David kellu d-​drawwa li jitlob lil Ġeħova għall-​għajnuna u jaħseb kif Ġeħova kien għenu qabel. (1 Sam. 17:37; Salm 18:2, 6) David kien jaf li kellu bżonn l-​għajnuna taʼ Ġeħova għalhekk talbu biex jgħidlu x’għandu jagħmel. Wara li Ġeħova qallu x’għandu jagħmel, hu mill-​ewwel obda. B’hekk, hu u l-​irġiel tiegħu ġew imberkin minn Ġeħova, ħadu lura lill-​familji tagħhom, u dak kollu li kienu serqulhom. (1 Sam. 30:7-​9, 18, 19) Innotajt x’kienu t-​tliet affarijiet li David għamel? Hu talab lil Ġeħova għall-​għajnuna, ħaseb fuq kif Ġeħova għenu qabel, u aġixxa fuq id-​direzzjoni li tah. Kif nistgħu nimitaw lil David? Ejja naraw tliet modi.

IMITA LIL DAVID META TKUN ANSJUŻ

1. Itlob. Kull darba li nibdew inħossuna ansjużi, aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna u jurina x’għandna nagħmlu. Meta niftħu qalbna maʼ Ġeħova u ngħidulu dak li jinkwetana, jistaʼ jgħinna nħossuna aħjar, anke jekk it-​talba tkun qasira u sempliċi. Kull darba li nitolbu lil Ġeħova għall-​għajnuna, nkunu qed nuruh li nafdawh, bħalma għamel David li qal: “Ġeħova hu l-​blat għoli u l-​fortizza tiegħi u Dak li jħarrabni. Alla tiegħi hu l-​blata tiegħi. Fih se nistkenn.” (Salm 18:2) Imma t-​talb vera jistaʼ jgħinna? Oħt pijuniera jisimha Kahlia tgħid: “Wara li nitlob inħossni trankwilla. It-​talb jgħinni biex naħseb iktar bħal Ġeħova u biex nafdah iktar.” Mela t-​talb hu rigal tal-​għaġeb li Ġeħova tana biex jgħinna nkampaw mal-​ansjetà.

2. Aħseb kif Ġeħova għenek fil-​passat. Meta taħseb minn xiex għaddejt, tiftakar f’modi kif Ġeħova għenek? Meta naħsbu dwar kif Ġeħova għenna u kif għen lill-​qaddejja tiegħu fil-​passat, aħna se nkunu iktar trankwilli u nafdaw iktar fih. (Salm 18:17-​19) Anzjan jismu Joshua qal: “Għandi lista taʼ talb li Ġeħova wiġibli. Din tgħinni niftakar kemm-​il darba Ġeħova wieġeb it-​talb tiegħi b’mod speċifiku.” Iva, meta naħsbu dwar kif Ġeħova għenna fil-​passat, dan se jagħtina s-​saħħa biex inkomplu niġġieldu ħalli negħlbu l-​ansjetà li jkollna.

3. Aġixxi. Qabel niddeċiedu x’għandna nagħmlu f’sitwazzjoni nistgħu nfittxu fil-​Kelma t’Alla, għax hi gwida taʼ min joqgħod fuqha. (Salm 19:7, 11) Ħafna sabu li meta jagħmlu riċerka fuq skrittura jkunu jistgħu jifhmu aħjar kif il-​vers japplika f’ħajjithom. Anzjan jismu Jarrod jgħid: “Meta nagħmel riċerka tgħinni nitgħallem iktar dwar il-​vers u nifhem dak li Ġeħova jrid jgħidli. Tgħinni wkoll inkun konvint biex nagħmel dak li jgħidli Ġeħova.” Meta nfittxu għall-​gwida taʼ Ġeħova fil-​Bibbja u napplikawha, se jkun iktar faċli għalina li nkunu trankwilli u kuntenti meta nkunu ansjużi.

ĠEĦOVA SE JGĦINEK TKAMPA

David fehem li biex ikampa mal-​ansjetà kellu bżonn l-​għajnuna taʼ Ġeħova. Hu tant apprezza l-​għajnuna li tah li qal: “Permezz t’Alla tiegħi nistaʼ nixxabbat maʼ sur. Hu l-​Alla l-​veru li jħażżimni sew b’enerġija kbira.” (Salm 18:29, 32) Jaf inħossu li l-​problemi tagħna huma diffiċli wisq biex insolvuhom jew nissaportuhom. Imma bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, nistgħu nissaportu kwalunkwe prova! Iva, meta nitolbu lil Ġeħova għall-​għajnuna, naħsbu dwar kif għenna fil-​passat, u naġixxu fuq dak li jgħidilna, nistgħu nkunu ċerti li se jagħtina s-​saħħa u jurina dak li rridu nagħmlu biex inkampaw mal-​ansjetà!

a Xi ħadd li jkun għaddej minn ansjetà kbira jaf ikollu bżonn jitkellem maʼ tabib.