Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Ġesù għala qabel miet ikkwota l-kliem taʼ David li nsibu f’Salm 22:1?
▪ Qabel miet Ġesù qal il-kliem li nsibu f’Mattew 27:46: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?” Meta Ġesù qal dan il-kliem wettaq il-profezija li nsibu f’Salm 22:1. (Mk. 15:34) Inkunu żbaljati jekk naħsbu li Ġesù qal dan il-kliem għax kien iddiżappuntat minħabba Ġeħova jew għax dak il-ħin kellu nuqqas taʼ fidi. Ġesù kien fehem sew għala kellu jmut u hu kien lest li jagħmel dan. (Mt. 16:21; 20:28) Hu kien jaf ukoll li waqt il-mewt tiegħu Ġeħova ma kienx se jibqaʼ jipproteġih. (Ġob 1:10) Ġeħova ma baqax jipproteġi lil Ġesù biex juri li hu setaʼ jibqaʼ leali sal-mewt.—Mk. 14:35, 36.
Allura Ġesù għala qal dan il-kliem li nsibu f’dan is-Salm? Minkejja li m’aħniex ċerti għala, issa se niddiskutu xi raġunijiet. *
Jistaʼ jkun li Ġesù qal dan il-kliem għax kien jaf li Ġeħova ma kienx se jevitalu l-mewt. Ġesù kellu jħallas il-fidwa mingħajr l-għajnuna taʼ Ġeħova. Hu kien uman u kellu bżonn imut biex “iduq il-mewt għal kull bniedem.”—Ebr. 2:9.
Meta qal dan il-kliem, Ġesù jistaʼ jkun li kien qiegħed jiġbed l-attenzjoni għal Salm 22. Dak iż-żmien, kien normali għal-Lhud li jkunu jafu bl-amment ħafna mis-salmi. Meta kienu jisimgħu vers kien jiġihom f’moħħhom is-salm kollu. Jekk din kienet l-intenzjoni taʼ Ġesù, mela hu kien qed jgħin lil-Lhud jiftakru dwar il-profeziji li kien hemm dwar il-mewt tiegħu f’dan is-Salm. (Salm 22:7, 8, 15, 16, 18, 24) Barra minn hekk, l-aħħar versi f’dan is-salm kellhom ifakkruhom li Ġeħova hu s-Sultan fuq l-art kollha.—Salm 22:27-31.
Billi kkwota l-kliem taʼ David, Ġesù jistaʼ jkun li kien qed juri li hu kien innoċenti. Qabel Ġesù ġie maqtul, ġie akkużat b’mod falz li kien ħaqqu l-mewt. (Mt. 26:65, 66) Is-Sinedriju ressaq lil Ġesù l-qorti tard bil-lejl, u b’hekk ma mexiex mal-proċeduri legali. (Mt. 26:59; Mk. 14:56-59) Għalhekk, meta Ġesù kkwota minn Salm 22:1, kien qisu qed jgħid lil Ġeħova: ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala tlaqtni, meta m’għamilt xejn ħażin?’ Mela, Ġesù jaf qal dan il-kliem biex juri li kien innoċenti.
Billi kkwota l-kliem taʼ David, Ġesù setaʼ kien qed juri li hu ma tilifx l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. Anki David bata f’ħajtu imma dan ma jfissirx li ma kellux l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. Meta David staqsa din il-mistoqsija ma kienx ifisser li hu ma kellux fidi f’Alla. Wara li qal dan il-kliem, David wera li kellu fidi fil-qawwa taʼ Ġeħova, u Ġeħova kompla jbierku. (Salm 22:23, 24, 27) Bl-istess mod, minkejja li Ġesù, “Bin David,” bata fuq iz-zokk tat-tortura ma jfissirx li ma kellux l-approvazzjoni taʼ Ġeħova.—Mt. 21:9.
Meta Ġesù qal dan il-kliem, jistaʼ jkun li kien qed juri t-tbatija li kien qed iħoss meta Ġeħova ma baqax jipproteġih. Ma kienx l-iskop taʼ Ġeħova li Ibnu jgħaddi minn dik it-tbatija u jmut. Dan kellu jseħħ minħabba li Adam u Eva m’obdewhx. Ġesù ma kien għamel xejn ħażin, imma hu kellu jbati u jmut biex jagħti tweġiba lil Satana u biex jipprovdi l-fidwa ħalli b’hekk jixtri dak li tilef Adam. (Mk. 8:31; 1 Pt. 2:21-24) Dan setaʼ jseħħ biss billi Ġeħova għall-ewwel darba fil-ħajja taʼ Ġesù ma jipproteġihx.
Jistaʼ jkun li Ġesù qal dan il-kliem biex jgħin lis-segwaċi tiegħu jifhmu għala Ġeħova ħallieh imut fuq iz-zokk tat-tortura. * Ġesù kien jaf li l-mewt tiegħu bħala kriminal fuq iz-zokk tat-tortura kienet se tfixkel lil ħafna. (1 Kor. 1:23) Imma, jekk id-dixxipli tiegħu kienu se jifhmu għala Ġesù kellu jmut b’dan il-mod ma kinux se jitfixklu. (Gal. 3:13, 14) U kienu se jqisu lil Ġesù bħala Salvatur u mhux bħala kriminal.
Kienet x’kienet ir-raġuni li Ġesù kkwota dan il-kliem, hu kien jaf li kienet ir-rieda taʼ Ġeħova li kellu jmut b’dan il-mod. Eżatt wara li kkwota minn dan is-salm, Ġesù qal: “Twettaq!” (Ġw. 19:30; Lq. 22:37) Iva, il-fatt li Ġeħova ma ndaħalx meta Ġesù kien qiegħed imut fuq iz-zokk tat-tortura ppermetta lil Ġesù biex iwettaq dak kollu li kellu jagħmel fuq l-art. Dan ippermetta wkoll li Ġesù jwettaq l-affarijiet li hemm miktubin dwaru “fil- liġi taʼ Mosè u fil-Profeti u fis-Salmi.” —Lq. 24:44.
^ par. 2 Ara wkoll paragrafi 9 u 10 tal-artiklu “X’Nitgħallmu mill-Kliem li Qal Ġesù Qabel Miet?” f’din il-ħarġa.
^ par. 4 Matul il-ministeru tiegħu, kien hemm xi drabi meta Ġesù staqsa mistoqsijiet jew qal affarijiet mingħajr ma ta l-opinjoni tiegħu. Hu għamel dan biex is-segwaċi tiegħu jkollhom l-opportunità jesprimu ruħhom.—Mk. 7:24-27; Ġw. 6:1-5; ara It-Torri tal-Għassa tal-15 t’Ottubru 2010, pp. 4-5.