ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 17
Int Prezzjuż Ħafna għal Ġeħova!
“Ġeħova qed jieħu pjaċir bil-poplu tiegħu.”—SALM 149:4.
GĦANJA 108 L-imħabba leali t’Alla
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Ġeħova x’jinnota fina?
ALLA ĠEĦOVA “jieħu pjaċir bil-poplu tiegħu.” (Salm 149:4) Kemm hi xi ħaġa sabiħa din! Ġeħova jara l-kwalitajiet sbieħ li għandna, x’persuni nistgħu nsiru, u jgħinna biex insiru l-ħbieb tiegħu. Jekk nibqgħu leali lejh, hu se jibqaʼ l-ħabib tagħna għal dejjem!—Ġw. 6:44.
2. Xi aħwa għala jsibuha diffiċli biex jemmnu li Ġeħova jħobbhom?
2 Xi aħwa jaf jgħidu, ‘Naf li Ġeħova jħobb lill-poplu tiegħu, imma kif nistaʼ nkun ċert li jħobb lili personalment?’ Xi wħud għala jaħsbu hekk? Oksana * batiet ħafna meta kienet żgħira. Hi tgħid: “Meta tgħammidt u bdejt naqdi bħala pijuniera kont ferħana ħafna. Imma mbagħad, 15-il sena wara, bdew ġejjin memorji koroh taʼ meta kont żgħira. Bdejt naħseb li Ġeħova ma kienx għadu kuntent bija u ma kienx jixraqli li jħobbni.” Oħt pijuniera jisimha Yua wkoll għaddiet minn sitwazzjoni simili meta kienet żgħira. Hi tgħid: “Jien tgħammidt biex nagħmel lil Ġeħova ferħan. Imma kont ċerta li Ġeħova lili ma setax iħobbni.”
3. X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu?
3 Jistaʼ jkun li int tħossok bħal dawn l-aħwa li semmejna, li għalkemm inti tħobbu ħafna lil Ġeħova, għandek id-dubji jekk hu jħobbokx. Għala hu importanti li tkun konvint li Ġeħova jimpurtah minnek? U x’jistaʼ jgħinek
meta tibda taħseb li Ġeħova ma jħobbokx? Ejja naraw it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet.LI NAĦSBU LI ĠEĦOVA MA JĦOBBNIEX HU PERIKOLUŻ
4. Għala hu perikoluż jekk naħsbu li Ġeħova ma jħobbniex?
4 Jekk inkunu konvinti li Ġeħova jħobbna, aħna se nkunu rridu nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex naqduh anki meta jkun diffiċli. Imma jekk nibdew niddubitaw jekk Ġeħova jimpurtahx minna, ‘ma tantx se jkollna qawwa.’ (Prov. 24:10) U meta nħossuna skuraġġiti u nibdew naħsbu li Alla ma jħobbniex, se jkun iktar faċli għal Satana biex jattakkana.—Efes. 6:16.
5. Xi ġralhom xi aħwa li ħasbu li Alla ma jħobbhomx?
5 Xi aħwa bdew jaħsbu li Ġeħova ma jħobbhomx, u għalhekk il-fidi tagħhom ma baqgħetx b’saħħitha. Anzjan jismu James qal: “Għalkemm kont qed naqdi f’Betel u nieħu pjaċir nipprietka b’lingwa barranija, ma kontx ċert jekk Ġeħova kienx ferħan b’dak li kont qed nagħmel. Bdejt niddubita wkoll jekk Ġeħova kienx qed jismaʼ t-talb tiegħi.” Eva, li taqdi fis-servizz full-time, tgħid: “Tgħallimt li hu perikoluż li naħsbu li Ġeħova ma jimpurtahx minna għax dan jaffettwa dak kollu li nagħmlu għalih. Dan jistaʼ jwaqqafna milli nkunu rridu nagħmlu iktar għal Ġeħova u jtellfilna l-ferħ.” Michael, li hu anzjan u pijunier, jgħid: “Jekk taħseb li Alla ma jimpurtahx minnek, se titbiegħed minnu.”
6. X’għandna nagħmlu meta nibdew naħsbu li Alla ma jħobbniex?
6 Dawn l-esperjenzi juru kemm hu perikoluż għall-fidi tagħna li nibdew naħsbu li Ġeħova ma jħobbniex. Imma xi rridu nagħmlu jekk nibdew naħsbu hekk? Aħna rridu nkeċċu dawn il-ħsibijiet mill-ewwel! Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tneħħi l-ħsibijiet li qed jinkwetawk, u minflok, jagħtik il-paċi li ‘tgħasses lil qalbek.’ (Salm 139:23; Flp. 4:6, 7) U tinsiex, m’intix waħdek. Hemm aħwa oħrajn li qed iħossuhom bħalek. U anki fil-passat kien hemm qaddejja taʼ Ġeħova li ħassewhom skuraġġiti. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tal-appostlu Pawlu.
X’NITGĦALLMU MILL-EŻEMPJU TAʼ PAWLU
7. Xi problemi kellu Pawlu?
7 Ġieli tħossok li għandek ħafna responsabbiltajiet u ma tistax tlaħħaq magħhom? Jekk iva, tistaʼ tifhem lill-appostlu Pawlu. Hu ma ħassux inkwetat għal kongregazzjoni waħda biss, imma “għall-kongregazzjonijiet kollha.” (2 Kor. 11:23-28) Jew għandek problemi taʼ saħħa li jġegħluk tħossok imdejjaq? Anki Pawlu kellu xi problema li kienet iġġiegħlu jbati. Jistaʼ jkun li kienet problema taʼ saħħa u hu xtaq li jfiq minnha. (2 Kor. 12:7-10) Ġieli tħossok skuraġġit minħabba l-iżbalji li tagħmel? Anki Pawlu ġieli ħassu hekk. Hu qal li kien “bniedem miżerabbli” minħabba li kellu jiġġieled il-ħin kollu biex jagħmel dak li hu tajjeb.—Rum. 7:21-24.
8. X’għen lil Pawlu jissaporti l-problemi tiegħu?
8 Minkejja li Pawlu kellu jissaporti dawn il-problemi kollha, hu baqaʼ jaqdi lil Ġeħova. Għala? Għax minkejja li hu kien konxju tan-nuqqasijiet tiegħu, hu kellu fidi soda fil-fidwa. Hu kien jaf ukoll bil-wegħda taʼ Ġesù li “kulmin jeżerċita l-fidi [f’Ġesù]. . . jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 3:16; Rum. 6:23) Iva, Pawlu kellu fidi soda fil-fidwa. Hu kien konvint li Ġeħova lest li jaħfer anki lil dawk li għamlu dnubiet serji jekk jiddispjaċihom.—Salm 86:5.
9. X’nitgħallmu mill-kliem taʼ Pawlu li nsibu f’Galatin 2:20?
9 Pawlu kellu fidi li Alla jħobbu għax Alla kien bagħat lil Ġesù biex imut għalih. (Aqra Galatin 2:20.) Innota x’qal Pawlu fl-aħħar tal-vers: “L-Iben t’Alla . . . ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.” Pawlu ma ħasibx li minħabba l-iżbalji tiegħu, Alla ma setax iħobbu. Hu qatt ma rraġuna, ‘Naf li Ġeħova jħobb lill-aħwa, imma ma jistax ikun li jħobb lili.’ Pawlu fakkar lir-Rumani: “Waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rum. 5:8) Xejn ma jistaʼ jwaqqaf lil Alla milli jħobbna!
10. X’nitgħallmu minn Rumani 8:38, 39?
10 Aqra Rumani 8:38, 39. Pawlu kien konvint mill-imħabba t’Alla. Hu kiteb li xejn “ma jistaʼ jifridna mill-imħabba t’Alla.” Pawlu kien jaf kemm Ġeħova kien paċenzjuż mal-Iżraelin. Hu kien jaf ukoll kemm Ġeħova kien ħanin miegħu. Fi kliem ieħor, Pawlu kien qed jgħid, ‘La Ġeħova bagħat lil Ibnu biex imut għalija, jien ċert li hu jħobbni.’—Rum. 8:32.
11. Pawlu għala kien ċert li Alla jħobbu minkejja l-iżbalji li għamel?
11 Aqra l-1 Timotju 1:12-15. Żgur li kien hemm xi żmien meta l-appostlu Pawlu ħassu mdejjaq ħafna minħabba l-passat tiegħu. Mhux taʼ b’xejn li hu qal li kien ‘l-iktar wieħed li jispikka’ mill-midinbin! Qabel tgħallem il-verità, Pawlu kien jippersegwita lill-Kristjani f’belt wara oħra. Hu appoġġja lil dawk li kienu joqtlu lill-Kristjani. (Atti 26:10, 11) Tistaʼ timmaġina kif Pawlu setaʼ ħassu kieku ltaqaʼ maʼ żagħżugħ Kristjan li l-ġenituri tiegħu kienu nqatlu minħabba fih? Żgur li hu kien jiddispjaċih għall-iżbalji li għamel. Però, hu kien jaf li ma jistax ibiddel il-passat tiegħu. Hu emmen li Kristu miet għalih. Fil-fatt qal: “Bil-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla jien dak li jien.” (1 Kor. 15:3, 10) X’inhi l-lezzjoni? Inti trid tkun konvint li Ġesù miet għalik u għamilha possibbli biex ikollok ħbiberija mill-qrib maʼ Ġeħova. (Atti 3:19) L-iktar ħaġa importanti għal Ġeħova hi dak li nagħmlu issa u fil-futur, mhux l-iżbalji li għamilna fil-passat, kemm jekk konna Xhieda tiegħu u kemm jekk le.—Is. 1:18.
12. Il-kliem li nsibu fl-1 Ġwanni 3:19, 20 kif jgħinna meta nħossuna li m’aħniex maħbubin jew li ma niswew għal xejn?
12 Meta taħseb dwar dak li Ġesù għamel għalik, forsi tgħid, ‘Jien ma ħaqqnix dan ir-rigal prezzjuż.’ Għala jaf tħossok b’dan il-mod? Għax il-qalb imperfetta 1 Ġwanni 3:19, 20.) Meta jiġuna dawn il-ħsibijiet irridu niftakru li “Alla hu akbar minn qlubna.” Anki jekk tħoss li Alla ma jħobbokx u li mhux se jaħfirlek, kun ċert li jħobbok u se jaħfirlek. Irridu nitgħallmu nemmnu li Ġeħova jħobbna. Biex nagħmlu dan irridu nistudjaw il-Kelma tiegħu spiss, nitolbu b’mod regulari, u nqattgħu l-ħin mal-aħwa. Għala huwa importanti li nagħmlu dan?
tagħna tistaʼ ġġegħelna nħossu li ma jħobbna ħadd jew ma niswew għal xejn. (Aqra l-L-ISTUDJU TAL-BIBBJA, IT-TALB, U L-AĦWA KIF JISTGĦU JGĦINUNA?
13. Il-qari tal-Bibbja kif jistaʼ jgħinna? (Ara wkoll il-kaxxa “ Il-Bibbja Kif Tgħinhom?”)
13 Studja l-Bibbja kuljum, u b’hekk titgħallem iktar dwar il-kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova. Se tifhem ukoll kemm iħobbok. Meta taqra l-Bibbja kuljum u timmedita fuqha se jgħinek biex “tikkoreġi” lil moħħok u lil qalbek. (2 Tim. 3:16) Anzjan jismu Kevin li kellu jiġġieled maʼ sentimenti negattivi jgħid: “Meta qrajt Salm 103 u qgħadt nimmedita fuqu stajt nifhem kif Ġeħova jaħsibha dwari.” Eva, li semmejna qabel, tgħid: “Fl-aħħar tal-ġurnata, jien noqgħod nimmedita fuq dak li hu importanti għal Ġeħova. Dan jgħinni biex inħossni kuntenta u nsaħħaħ il-fidi tiegħi.”
14. It-talb kif jistaʼ jgħinna?
14 Itlob spiss. (1 Tess. 5:17) Biex issir ħabib taʼ xi ħadd trid titkellem miegħu spiss u tiftaħ qalbek miegħu. U l-istess irridu nagħmlu maʼ Ġeħova. Meta niftħu qalbna miegħu u ngħidulu x’qed jinkwetana u kif qed inħossuna, inkunu qed nuruh li għandna fiduċja fih u nafu li hu jħobbna. (Salm 94:17-19; 1 Ġw. 5:14, 15) Yua, li semmejna qabel, tgħid: “Meta nitlob lil Ġeħova, ma ngħidlux biss dak li jkun ġrali matul il-ġurnata. Ngħidlu wkoll dak li nkun qed naħseb u nħoss. Maż-żmien, bdejt inqis lil Ġeħova bħala Missier li jħobb lit-tfal tiegħu.”—Ara l-kaxxa “ Qrajtu Int?”
15. Ġeħova kif juri li jinteressah minna?
15 Qattaʼ l-ħin mal-aħwa leali għax huma rigal mingħand Ġeħova. (Ġak. 1:17) Missierna tas-sema juri li jinteressah minna billi jagħtina aħwa fil-kongregazzjoni li ‘jħobbuna l-ħin kollu.’ (Prov. 17:17) Fl-ittra tiegħu lill-Kolossin, l-appostlu Pawlu semma xi Kristjani li kienu t’għajnuna kbira għalih. (Kol. 4:10, 11) Anki Kristu Ġesù kellu bżonn u apprezza l-għajnuna li rċieva mingħand il-ħbieb tiegħu u l-anġli.—Lq. 22:28, 43.
16. L-aħwa kif jistgħu jgħinuna nersqu eqreb taʼ Ġeħova?
16 Tfittex int u taċċetta l-għajnuna mingħand l-aħwa? Meta nitkellmu maʼ ħu jew oħt matura dwar il-problemi tagħna ma jfissirx li m’għandniex fidi soda, anzi dan jistaʼ jkun taʼ protezzjoni għalina. James, li semmejna qabel, qal hekk: “Ħbiberija tajba maʼ aħwa maturi għenitni ħafna. Meta jkolli ħsibijiet negattivi, dawn l-aħwa jisimgħuni u jgħiduli li jħobbuni. Meta jagħmlu hekk nara kemm Ġeħova jħobbni u jieħu ħsiebi.” Għalhekk, hu importanti ħafna li nsiru ħbieb sew mal-aħwa fil-kongregazzjoni!
IBQAʼ FL-IMĦABBA T’ALLA
17-18. Minn min għandna nisimgħu, u għala?
17 Satana jridna naqtgħu qalbna u nċedu għal dak li hu ħażin. Satana jridna naħsbu li Ġeħova ma jħobbniex u li aħna ma jixirqilniex li niġu salvati. Imma kif rajna matul dan l-artiklu, dan mhux vera.
18 Ġeħova jħobbok u int prezzjuż ħafna għalih. Jekk tobdih, int se tibqaʼ fl-imħabba tiegħu għal dejjem, bħalma għamel Ġesù. (Ġw. 15:10) Mela tismax minn qalbek jew minn Satana meta jgħidlek li Alla ma jħobbokx. Minflok, ismaʼ minn Ġeħova li jinnota t-tajjeb taʼ kull wieħed u waħda minna. Kun konvint li Ġeħova “jieħu pjaċir bil-poplu tiegħu,” u bik ukoll!
GĦANJA 141 Il-miraklu tal-ħajja
^ par. 5 Xi aħwa jsibuha diffiċli biex jemmnu li Ġeħova jħobbhom. F’dan l-artiklu se naraw kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jħobb lil kull wieħed u waħda minna. Se naraw ukoll kif nistgħu nkunu konvinti li Ġeħova jħobbna.
^ par. 2 Xi ismijiet ġew mibdulin.
^ par. 67 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Qabel ma sar jaf bil-verità, l-appostlu Pawlu ppersegwita u tefaʼ fil-ħabs lil ħafna Kristjani. Meta aċċetta dak li Ġesù għamel għalih, hu nbidel u beda jinkuraġġixxi lill-aħwa. Uħud minnhom setgħu kienu jiġu minn dawk li ppersegwita qabel.